Month: April 2023

PR230606

Il-ġustizzja tibqa’ punt importanti li ssir u tidher li qed issir. Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders. Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Abela semma l-fatt kif il-Gvern Malti kkonsulta bi sħiħ u b’mod kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea fost oħrajn dwar l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-governanza f’pajjiżna.​​

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern qed ikompli jġib riformi li jkomplu jsaħħu iżjed il-ġustizzja f’pajjiżna. Dr Abela nnota riformi mbuttati mill-Gvern fosthom il-bidla fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju. Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru spjega numru ta’ riformi oħra li qed taħdem fuqhom din l-amministrazzjoni fosthom emendi fil-Kodiċi Kriminali biex tiġi protetta saħħet u ħajjet l-omm f’każ li din tkun f’periklu gravi riżultat ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, emendi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità fejn f’każ ta’ reati serji ħafna l-Pulizija jkollha d-dritt titlob il-permess tal-Maġistrat biex testendi l-arrest għal iktar minn 48 siegħa u anki emendi li jikkjarifikaw aktar il-pieni fuq każijiet fejn ikun hemm aggravar. Dan apparti emendi mressqa u diskussa fil-Parlament li jkomplu jsaħħu l-ġlieda tal-pajjiż kontra l-vjolenza domestika.

Il-Prim Ministru elenka numru ta’ riformi li wettqet din l-amministrazzjoni fosthom il-metodu ġdid ta’ ħatra tal-President ta’ Malta u l-ħatra u t-tneħħija ta’ ġudikanti, inkluż tal-Prim Imħallef, fejn il-Gvern reħa l-poter minn idu. Dan apparti metodu ġdid ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija bl-iskrutinju parlamentari, il-ħolqien ta’ servizz separat tal-Prosekuzzjoni u t-tisħiħ fil-funzjonijiet ta’ żewġ istituzzjonijiet tant importanti, jiġifieri dak tal-Ombudsman u tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders ir-riżorsi bla preċedent li l-Gvern ta lill-Qrati u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan ġie kumplimentat minn fondi parti mill-Programm ta’ Rkupru u Reżiljenza li ġew investiti fid-diġitalizzazzjoni tal-operat tal-Qrati. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-abbozzi ta’ liġi li se jagħtu l-ogħla protezzjoni fl-istorja lill-ġurnalisti u kif il-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja għaddej b’konsultazzjoni pubblika wara li l-Gvern aċċetta t-talba taċ-Chairperson tal-istess Kumitat biex issir estensjoni għall-konsultazzjoni. Il-Prim Ministru temm jisħaq li l-qasam tal-ġustizzja jibqa’ wieħed li fih iridu jsiru riformi kontinwi bħal dawk li saru biex pajjiżna kiseb il-fiduċja tal-FATF u l-MoneyVal.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Abela fil-laqgħa ma’ Didier Reynders kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Byron Camilleri u Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

PR230603

Daqskemm irridu ninvestu fl-edukazzjoni formali, irridu ninvestu fl-edukazzjoni informali u l-gvern se jibqa’ jieħu l-passi biex it-tfal kollha jkunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw il-ħiliet kollha tagħhom. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara f’Theatre Lab Malta f’Ħaż-Żebbuġ, ċentru li joffri diversi workshops tad-drama, fosthom lit-tfal.​​

Il-prim ministru fisser li bil-garanzija għat-tfal li qed tkun implimentata, il-gvern irid jara li l-ulied kollha jkollhom l-istess opportunitajiet u tenna li l-investiment fis-settur artistiku huwa wieħed mill-għodda biex it-tfal jesprimu ruħhom aħjar u jiżviluppaw it-talenti tagħhom.

Waqt iż-żjara, fejn il-prim ministru ltaqa’ mal-artisti u mal-għalliema fis-settur tal-arti performattiva iżda anki ma’ bosta tfal, saħaq li se jibqgħu jissaħħu inċentivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja għall-familji u l-aċċess għal dawn l-attivitajiet. Hawn innota miżura tal-Budget fejn ġenituri ħaddiema li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet extrakurrikulari se jibdew jaraw żieda fil-kreditu tat-taxxa li se jitla’ minn €100 għal €300. “Dan ukoll huwa investiment fil-familji tal-ħaddiema”, saħaq il-prim ministru.

F’Theatre Lab Malta, il-prim ministru seta’ jagħraf ix-xogħol li jsir mal-istudenti li mhux biss bit-taħriġ li jirċievu jtejbu l-ħiliet artistiċi tagħhom iżda jrabbu iżjed kunfidenza u jitgħallmu jaħdmu aktar fi grupp. Il-Prim Ministru Abela faħħar ħidmet ċentri artistiċi ta’ dan it-tip, li qed ikomplu anki jagħtu spinta lis-settur kulturali u artistiku f’pajjiżna, kontributur ieħor importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara kien hemm id-Deputati tal-Gvern, Katya De Giovanni u Amanda Spiteri Grech.

PR230596

“Postkom huwa fil-qalba ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet” – il-Prim Ministru Robert Abela

Illum l-Uffiċċju tal-Kabinett beda jilqa’ l-applikazzjonijiet biex żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena jkunu jistgħu jsiru membri fil-Youth Advisory Forum. Il-Forum twaqqaf sabiex iservi ta’ organu fejn il-Gvern jikkonsulta b’mod kontinwu maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali.

It-twaqqif ta’ dan il-forum tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-ġimgħat ilu waqt laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ fl-MCAST, Raħal Ġdid. Dakinhar il-Prim Ministru saħaq li din il-laqgħa ma kellhiex tkun laqgħa ta’ darba, iżda ried li jibqa’ jiddjaloga maż-żgħażagħ b’mod kontinwu. F’messaġġ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li post iż-żgħażagħ huwa fil-qalba ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Irrid l-involviment dirett taż-żgħażagħ fit-tmexxija tal-pajjiż u għal dan il-għan qed nieħdu inizjattiva li f’pajjiżna hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha”, qal il-Prim Ministru.

Il-Forum ser jiġi ffurmat minn grupp ta’ disa’ żgħażagħ li ser jintgħażlu minn bord tal-għażla kompost minn uffiċjali pubbliċi u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ). Il-membri appuntati fil-Youth Advisory Forum ser ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom f’laqgħat regolari mal-Prim Ministru li ser ikun qed imexxi dawn il-laqgħat. Il-KNŻ ser ikun jista’ jwassal il-pożizzjonijiet tiegħu u tal-għaqdiet fi ħdanu f’dawn il-laqgħat billi wieħed mill-membri ser ikun innominat minnu.

Il-membri jservu fil-Forum għal perjodu ta’ 18-il xahar u jkollhom ċans jerġgħu jiġu appuntati għal terminu ieħor biss. Żgħażagħ li jkunu interessati jservu fil-Youth Advisory Forum jistgħu japplikaw online fuq www.primministru.gov.mt.

PR230575

Il-Prim Ministru Robert Abela żar aktar investimenti li qed isiru f’Għawdex. Fir-Rabat żar il-kumpless rinovat tal-Arkadia fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti differenti filwaqt li fix-Xagħra żar investiment ta’ €6.5 miljun li sar f’lukanda bl-isem ta’ The Segond.

Fl-Arkadia l-Prim Ministru ġie mdawwar mit-tmexxija tal-kumpless operat mill-Organizazzjoni Mizzi fejn ġie spjegat kif dan huwa spazju kummerċjali mhux biss imfittex mill-Għawdxin iżda anki minn dawk li jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet. Ġie nnutat l-investiment li sar ta’ rinovazzjoni biex il-kumpless baqa’ jattira lejh marki ta’ negozji importanti filwaqt li kompliet titjieb l-esperjenza tal-klijenti u tal-ħaddiema li qed jaħdmu f’ambjent isbaħ. 

Fil-kuntest li bl-aħħar investiment fl-Arkadia qed jaħdmu kważi 250 ruħ, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tat-tkabbir u l-investiment bħala mod kif jinħolqu iżjed impjiegi. Qal li l-gvern jibqa’ ffukat fuq ħidma importanti li jkomplu jinħolqu mpjiegi ta’ kwalità biex tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema anki dawk f’Għawdex fejn l-Għawdxin jibqgħu jsibu xogħol li jrendi f’Għawdex stess.

Fix-Xagħra, fil-boutique hotel The Segond, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-fiduċja f’pajjiżna permezz ta’ investiment fis-settur tal-ospitalità. Fil-fatt it-tmexxija ta’ SmartGroup Malta, li investiet f’din il-lukanda u li biha ħolqot 21 impjieg ieħor, irrimarkat kif iż-żmien tal-pandemija kien wieħed ta’ sfida iżda emmnet fil-potenzjal anki tas-suq turistiku Għawdxi li reġa’ qabad andament b’saħħtu. Fil-fatt intqal kif l-aħħar perjodu tal-Għid wera andament pożittiv ħafna għall-gżira Għawdxija. 

Fil-lukanda li titħaddem b’operat nadif u li tikkonsisti f’51 kamra, fosthom disa’ minnhom b’pixxina privata, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-gvern irid ikompli jinċentiva l-investiment u jagħti kuraġġ lil kull min qed joħloq ix-xogħol biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri filwaqt li d-Deputat tal-Gvern Abigail Camilleri akkumpanjat lil Dr Abela fiż-żjara fl-Arkadia.

PR230572

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-ġid mit-tkabbir ekonomiku irid ikompli jasal għand kulħadd billi jinħolqu opportunitajiet wiesgħa biex tkompli tissaħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema. Dr Abela saħaq dan fi żjara fil-fergħa tal-MaltaPost fix-Xewkija, fejn iltaqa’ ma’ aktar ħaddiema fosthom dawk b’diżabbiltà, li jammontaw għal iżjed minn tliet kwarti tal-ħaddiema li jaħdmu f’din il-fergħa postali.​​

B’mod partikolari l-Prim Ministru segwa x-xogħol ta’ dawn il-persuni f’fergħa li toffri diversi servizzi fosthom stampar u scanning ta’ dokumenti lil intrapriżi kbar u klijenti individwali. Innota kif aktar persuni b’diżabbiltà qed jikkontribwixxu fl-ekonomija billi jkunu parteċipi fis-suq tax-xogħol u l-aħħar statistika uffiċjali għax-xahar li għadda wriet ukoll li n-numru ta’ persuni b’diżabbiltà jirreġistraw għax-xogħol reġa’ naqas.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jinċentiva lil min iħaddem biex aktar persuni b’diżabbiltà mhux biss jaħdmu iżda saħansitra jtejbu l-ħiliet. Hawn innota l-ambjent offrut f’din il-fergħa postali f’Għawdex u l-kollaborazzjoni mħaddna ma’ JobsPlus u l-Fondazzjoni Lino Spiteri.

Il-Prim Ministru Abela sostna li rridu nibqgħu nemmnu fil-kapaċitajiet ta’ kulħadd u nsaħħu programmi bħal dak INK, li qed ikompli joħloq numru ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ u xogħol għall-persuni b’diżabbiltà. “L-impjieg għall-persuni b’diżabbiltà ma jfissirx biss titjib fil-kwalità tal-ħajja li tibqa’ punt importanti fit-tħaddin tal-politika soċjali tagħna iżda ix-xogħol jfisser ukoll dinjità”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. F’dan il-kuntest spjega li l-Gvern se jibqa’ jassisti u jinċentiva lil min iħaddem biex jimpjega persuni b’diżabbiltà.

Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-MaltaPost qalet li l-faċilità fix-Xewkija tissodisfa r-rekwiżiti regolatorji u leġiżlattivi biex tipprovdi l-faċilitajiet neċċessarji ta’ aċċessibbiltà fuq il-post tax-xogħol u hija kburija bil-fatt li t-tim li jamministra l-faċilità qed jaħdem b’qalbu kollha biex jara li dan il-proġett jibqa’ għaddej b’mod effiċjenti. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fiż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.