Investimenti f’Għawdex b’aktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin.

PR230575

22/04/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela żar aktar investimenti li qed isiru f’Għawdex. Fir-Rabat żar il-kumpless rinovat tal-Arkadia fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti differenti filwaqt li fix-Xagħra żar investiment ta’ €6.5 miljun li sar f’lukanda bl-isem ta’ The Segond.

Fl-Arkadia l-Prim Ministru ġie mdawwar mit-tmexxija tal-kumpless operat mill-Organizazzjoni Mizzi fejn ġie spjegat kif dan huwa spazju kummerċjali mhux biss imfittex mill-Għawdxin iżda anki minn dawk li jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet. Ġie nnutat l-investiment li sar ta’ rinovazzjoni biex il-kumpless baqa’ jattira lejh marki ta’ negozji importanti filwaqt li kompliet titjieb l-esperjenza tal-klijenti u tal-ħaddiema li qed jaħdmu f’ambjent isbaħ. 

Fil-kuntest li bl-aħħar investiment fl-Arkadia qed jaħdmu kważi 250 ruħ, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tat-tkabbir u l-investiment bħala mod kif jinħolqu iżjed impjiegi. Qal li l-gvern jibqa’ ffukat fuq ħidma importanti li jkomplu jinħolqu mpjiegi ta’ kwalità biex tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema anki dawk f’Għawdex fejn l-Għawdxin jibqgħu jsibu xogħol li jrendi f’Għawdex stess.

Fix-Xagħra, fil-boutique hotel The Segond, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-fiduċja f’pajjiżna permezz ta’ investiment fis-settur tal-ospitalità. Fil-fatt it-tmexxija ta’ SmartGroup Malta, li investiet f’din il-lukanda u li biha ħolqot 21 impjieg ieħor, irrimarkat kif iż-żmien tal-pandemija kien wieħed ta’ sfida iżda emmnet fil-potenzjal anki tas-suq turistiku Għawdxi li reġa’ qabad andament b’saħħtu. Fil-fatt intqal kif l-aħħar perjodu tal-Għid wera andament pożittiv ħafna għall-gżira Għawdxija. 

Fil-lukanda li titħaddem b’operat nadif u li tikkonsisti f’51 kamra, fosthom disa’ minnhom b’pixxina privata, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-gvern irid ikompli jinċentiva l-investiment u jagħti kuraġġ lil kull min qed joħloq ix-xogħol biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri filwaqt li d-Deputat tal-Gvern Abigail Camilleri akkumpanjat lil Dr Abela fiż-żjara fl-Arkadia.

FacebookTwitter
Skip to content