Tiftaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex żgħażagħ japplikaw għall-Youth Advisory Forum

PR230596

26/04/2023

“Postkom huwa fil-qalba ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet” – il-Prim Ministru Robert Abela

Illum l-Uffiċċju tal-Kabinett beda jilqa’ l-applikazzjonijiet biex żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena jkunu jistgħu jsiru membri fil-Youth Advisory Forum. Il-Forum twaqqaf sabiex iservi ta’ organu fejn il-Gvern jikkonsulta b’mod kontinwu maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali.

It-twaqqif ta’ dan il-forum tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-ġimgħat ilu waqt laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ fl-MCAST, Raħal Ġdid. Dakinhar il-Prim Ministru saħaq li din il-laqgħa ma kellhiex tkun laqgħa ta’ darba, iżda ried li jibqa’ jiddjaloga maż-żgħażagħ b’mod kontinwu. F’messaġġ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li post iż-żgħażagħ huwa fil-qalba ta’ fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Irrid l-involviment dirett taż-żgħażagħ fit-tmexxija tal-pajjiż u għal dan il-għan qed nieħdu inizjattiva li f’pajjiżna hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha”, qal il-Prim Ministru.

Il-Forum ser jiġi ffurmat minn grupp ta’ disa’ żgħażagħ li ser jintgħażlu minn bord tal-għażla kompost minn uffiċjali pubbliċi u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ). Il-membri appuntati fil-Youth Advisory Forum ser ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom f’laqgħat regolari mal-Prim Ministru li ser ikun qed imexxi dawn il-laqgħat. Il-KNŻ ser ikun jista’ jwassal il-pożizzjonijiet tiegħu u tal-għaqdiet fi ħdanu f’dawn il-laqgħat billi wieħed mill-membri ser ikun innominat minnu.

Il-membri jservu fil-Forum għal perjodu ta’ 18-il xahar u jkollhom ċans jerġgħu jiġu appuntati għal terminu ieħor biss. Żgħażagħ li jkunu interessati jservu fil-Youth Advisory Forum jistgħu japplikaw online fuq www.primministru.gov.mt.

FacebookTwitter
Skip to content