Month: October 2022

PR221452

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Kastilja indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela wara li l-Gvern ippreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla, intqal li dan il-Budget huwa għall-futur daqskemm hu għal-lum. Il-Prim Ministru saħaq li l-Budget moqri mill-Ministru għall-Finanzi huwa wieħed sod għaliex jindirizza l-isfidi kurrenti, bħall-għoli tal-ħajja. Qal li mbagħad il-Budget jaħseb għall-futur għaliex jagħti ċertezza u stabbiltà lin-negozji u l-familji billi jagħti serħan il-moħħ bl-għajnuna kbira li l-Gvern se jkompli jagħti fil-qasam tal-enerġija.

“Il-futur huwa sabiħ u llejla erġajna urejna li aħna konna, għadna u se nibqgħu forza progressiva, b’ruħ soċjali”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Ġie spjegat kif fil-politika soċjali, fl-edukazzjoni u fis-saħħa qed jiġu investiti €3.7 biljun. Il-Prim Ministru rrimarka li l-Budget għas-sena d-dieħla huwa mimli miżuri ġodda mill-manifest ‘Malta Flimkien’, li l-poplu ta mandat b’saħħtu fuqu. Spjega kif dan huwa l-ewwel Budget minn ħamsa biex jitwettaq il-pjan li l-Gvern għandu għal pajjiżna wara li ġie elett f’Marzu li għadda.

Dr Abela spjega kif il-Budget għas-sena li ġejja għandu l-akbar programm ta’ nefqa kapitali fl-istorja li tqarreb il-biljun ewro. Hawn semma ċentri tas-saħħa ġodda, skejjel moderni u tisbiħ u tkabbir ta’ ġonna u parks nazzjonali, fost oħrajn. Hu u jsemmi numru ta’ miżuri fosthom żidiet lill-pensjonanti u fiċ-children’s allowance, tax rebates u ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa, il-Prim Ministru ta żewġ eżempji ta’ kif se jgawdu n-nies bil-Budget 2023. Hawn semma koppja anzjana bil-pensjoni minima li bil-miżuri li se jiġu introdotti se tara żieda ta’ kważi €1,100 fis-sena fid-dħul tagħha. Dan apparti li familja b’żewġt itfal b’paga medja, se tara titjib annwali ta’ €1,820.

Filwaqt li semma inċentivi u għajnuniet lin-negozji, il-Prim Ministru tkellem dwar miżura oħra ewlenija tal-Budget, dik li tagħti għotja t’€10,000 fuq medda ta’ għaxar snin lil min se jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu b’self. Fl-isfond tal-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif dawn il-miżuri t’inċentivi u għajnuna se jiġu sostnuti f’kuntest ta’ tkabbir ekonomiku li pajjiżna mistenni jesperjenza frott il-fiduċja minn barra u anki mid-domanda domestika. Spjega kif id-dejn nazzjonali mistenni jonqos ferm iżjed minn dak previst u s-sena li ġejja, il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jistma li l-ekonomija Maltija se tikber sitt darbiet iżjed mill-medja taż-Żona Ewro. Il-Prim Ministru qal li quddiem riformi u l-akbar investiment ambjentali fl-istorja li se jibda kif imwiegħed, il-Gvern għandu prijoritajiet ċari b’enfasi fuq il-ġustizzja soċjali u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Ritratt (OPM)

PR221436

Il-mexxejja Ewropej qablu fuq mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass u strateġija li tnaqqas l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u l-enerġija. Dawn kienu wħud mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ Kunsill Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell fil-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa u li għalih attenda u pparteċipa l-Prim Ministru Robert Abela.

Fil-jiem li ġejjin, wara l-komunikat ippubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, u proposta leġiżlattiva fuq dan is-suġġett, jintensifika aktar ix-xogħol fuq ix-xiri konġunt tal-gass bejn is-27 stat membru. Fi tmiem il-laqgħat intensivi bejn il-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti saħaq li dak maqbul possibbilment jgħin ukoll lil Malta f’inqas spejjeż li qed toħroġ f’għajnuna biex il-familji u n-negozji qed jibqgħu jgawdu minn stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.

Filwaqt li Malta hija koperta b’kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija li jagħtiha sigurezza, il-mekkaniżmu għal xiri konġunt ta’ gass se jgħin biex iwaqqa’ l-prezz tal-enerġija globalment, inkluża dik impurtata mill-interconnector li Malta għandha mal-Italja. B’hekk, anke pajjiżna mistenni jgawdi minn dak maqbul.

Dr Abela saħaq li għall-familji Maltin u Għawdxin se tibqa’ l-istabbiltà ekonomika u soċjali għaliex dawn se jibqgħu jgawdu minn prezzijiet stabbli tal-enerġija frott l-għajnuna li qed jagħti l-gvern, li fuq din is-sena u s-sena d-dieħla tiżboq il-biljun ewro. Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll il-fatt li din l-istrateġija, riflessa fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, li tippromwovi s-sostenn lill-familji u lin-negozji fil-qasam tal-enerġija fuq livell Ewropew, hi ċertifikat ieħor għad-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Gvern Malti f’dan is-settur.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser it-tragward ewlieni li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda waqt id-diskussjonijiet appella biex il-Kummissjoni Ewropea tibqa’ ssegwi mill-viċin is-sitwazzjoni dwar il-prezz tal-gass u l-enerġija, u fejn meħtieġ tipproponi interventi li jimmitigaw żidiet. Il-Gvern ta’ Malta nnota wkoll b’mod pożittiv kif l-istrateġija adottata, riflessa wkoll fil-komunikat tal-Kummissjoni Ewropea, se żżid il-flessibbiltà fl-użu tal-fondi Ewropej. Permezz ta’ din il-flessibbiltà, se jkun jista’ jsir finanzjament mill-fondi ta’ koeżjoni għal għajnuniet fil-qasam tal-enerġija.

Barra minn hekk, pożittiv ukoll il-fatt li qed tiġi kkunsidrata aktar flessibbiltà fir-regoli fil-qasam temporanju tal-għajnuna li jistgħu jippermettu l-gvernijiet tal-istati membri biex jagħtu, permezz ta’ skemi ta’ assistenza, għajnuna sa massimu ta’ madwar tliet kwarti ta’ miljun ewro lill-entitajiet privati sal-aħħar tal-2023 f’diversi oqsma fosthom it-trasport u l-enerġija. Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll regoli simplifikati għal permessi relatati ma’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, b’Dr Abela jisħaq li hawn ukoll, Malta mistennija tgawdi u tista’ tħaffef il-proċess tad-dikarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħha. Il-Prim Ministru Malti rrimarka li l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġa investimenti f’enerġija rinnovabbli se jgħin ukoll fil-kompetittività tal-Unjoni u ta’ Malta. Dan apparti li l-konklużjonijiet isemmu wkoll investiment f’teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

F’Kunsill Ewropew impenjattiv ġew diskussa wkoll materji ekonomiċi fejn il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq livell Ewropew u anke dak nazzjonali rridu nibqgħu nikkordinaw politika soċjali li ma titfax il-piżijiet fuq il-familji u n-negozji. Il-mexxejja Ewropej tennew l-appoġġ lejn l-Ukrajna u meta fuq l-aġenda qamet id-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet esterni, fosthom ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, issemmiet ukoll il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, il-COP27. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’din il-konferenza rridu lkoll nonoraw dak maqbul fil-Ftehim ta’ Pariġi u fil-Patt Dwar il-Klima ta’ Glasgow u dan billi bil-politika tagħna nibqgħu nindirizzaw it-tibdil fil-klima b’miżuri ambjentali li jaħsbu wkoll fil-ġenerazzjonijiet futuri.

PR221412

Fil-ftuħ ta’ konferenza ta’ Ernst & Young bit-tema “Malta Future Realised”, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta ġej frott stabbiltà li joffri l-gvern biex jibni prosperità ġdida għall-intrapriżi u l-familji. “Irridu nimmiraw mhux biss li nkunu attraenti għall-investituri iżda Malta trid tħares li tibqa’ attraenti għall-investiment dirett barrani”, saħaq il-prim ministru hu u jinnota r-riżultati ta’ studju li ġie ppreżentat fil-konferenza li wera żieda fl-interess tal-investituri barranin f’pajjiżna.

Dr Abela qal li studju bħal tal-EY huwa importanti għal gvern li jfassal politika li biha jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku u spjega kif punti saljenti li joħorġu mill-istudju huma riflessi wkoll minn studji uffiċjali li jsiru minn żmien għal żmien. Fil-fatt skont l-istudju ta’ EY, il-proporzjon ta’ investituri barranin li jara li jkun f’pajjiżna daqs għaxar snin oħra, huwa seba’ darbiet aktar minn dak li jara li ma jkunux f’pajjiżna. Dan huwa wkoll żieda mill-ħames darbiet aktar reġistrati fl-istudju tas-sena l-oħra. Punt notevoli ieħor hu l-fatt li skont dan l-istudju, dawk li jixtiequ jespandu f’Malta telgħu għal kważi nofs dawk li ħadu sehem f’dan l-istudju. Dan b’żieda minn terz ta’ dawk intervistati s-sena l-oħra.

Quddiem dawn ir-riżultati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq medda ta’ tnax-il xahar, l-investiment dirett barrani li għandu x’jaqsam max-xjenza, remote gaming u l-komunikazzjoni fost oħrajn, żdied bi kważi kwart ta’ biljun ewro. “Dan ifisser li għall-ewwel darba, l-assi barrannin fis-settur diġitali laħqu l-biljun ewro”, qal il-Prim Ministru hu u jirrijafferma l-impenn tal-gvern li jiddiġitalizza l-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest, il-prim ministru qal li l-pandemija għallmitna iżjed minn qatt qabel, il-ħtieġa tad- diġitalizzazzjoni u dan illum huwa importanti għall-miri ta’ pajjiżna biex ikollna ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-prim ministru saħaq ukoll li l-kriżi fil-qasam tal-enerġija li laqtet l-Ewropa riżultat ta’ gwerra wriet aktar kemm huwa importanti li nkunu sostenibbli u kapaċi nsostnu lilna nfusna fil-provvista tal-enerġija. Qal li hemm l-aspett ambjentali imma anki dak ekonomiku huwa importanti u għalhekk irridu nħarsu iżjed lejn il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-prim ministru indirizza lill-imprendituri preżenti fil-konferenza u spjega kif waqt sfidi internazzjonali bħall-pandemija, Malta żammet il-produttività ekonomika b’settur tax-xogħol b’saħħtu. F’dan l-isfond, il-prim ministru qal li issa l-Gvern Malti qed jerġa’ jagħti stabbiltà billi qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ma jitfax il-piżijiet fuq in-negozji u l-familji. Dan apparti li kiseb derogi li ma jolqtux il-produttività f’pajjiżna u l-intrapriżi jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.

Il-prim ministru temm b’messaġġ ċar li jrid jara ġejjieni għal Malta mibni fuq sisien sodi mnebbaħ mill-valuri soċjali iżda wkoll li jimraħ u jirriforma u jħares l-aspetti ambjentali u tas-sostenibbiltà.

PR221407

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-iskavar ħalli mbagħad jimxi l-proċess tax-xogħol biex ikollna l-proġett ambizzjuż ta’ kampus ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi fi Smart City.

Dan wara li fis-sajf li għadda ntlaħaq ftehim biex fi Smart City ikun hemm sit apposta għall-ITS u b’hekk jitwettaq proġett kapitali ieħor.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif fl-aħħar xhur rajna settur turistiku li qed jirpilja mid-daqqiet tal-pandemija u llum wasalna għal seat load factor ta’ 90% fuq it-titjiriet.

Hawn semma kif se tibqa’ għaddejja ħidma biex jiżdiedu t-titjiriet lejn pajjiżna u sostna wkoll fuq il-ħtieġa ta’ linja nazzjonali tal-ajru viabbli.

Dr Abela rrimarka li huwa sodisfatt li din is-sena se naqbżu ż-żewġ miljun turist f’pajjiżna u li l-qasam turistiku jibqa’ settur kruċjali għall-ekonomija Maltija.

F’dan l-isfond huwa saħaq fuq il-prodott turistiku u aċċenna li l-Gvern huwa determinat li jibqa’ jinvesti fil-kwalità għas-settur turistiku.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-kwalità tal-ħaddiem li jagħti servizz fil-qasam turistiku.

“Wara pandemija u waqt gwerra fl-Ewropa, l-ażjendi f’pajjiżna jibqgħu jitkellmu magħna dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħaddiema. Dan il-fatt jixhed it-tkabbir f’pajjiżna li ma waqafx jikber u se jibqa’ jikber,” sostna il-Prim Ministru fil-laqgħa mal-MHRA.

Hawn qal li quddiem dan kollu rridu nkunu responsabbli u nħarrġu l-ħaddiema Maltin f’settur li jeżistu l-opportunitajiet.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk involuti fil-qasam turistiku għall-investiment tagħhom biex Malta ttejjeb il-prodott turistiku tagħha, il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li pajjiżi oħra jitkellmu dwar kif se jkollhom provvista tal-enerġija u li tkun affordabbli, pajjiżna qed iħares fuq kif irid jgħolli l-livell tal-prodott turistiku.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra ngħaqad mal-Prim Ministru dwar l-importanza tat-taħriġ u titjib fil-prodott turistiku Malti.

Saħaq li l-konnettività hija importanti għal gżira li tattira lit-turisti.

Dan filwaqt li rrikonoxxa kif is-sussidju tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija għen ukoll lill-operaturi turistiċi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Clint Camilleri u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Carmelo Abela u Cressida Galea.

PR221405

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-messaġġ li fis-settur tas-saħħa mhux biss dejjem jeħtieġ sens ta’ tmexxija iżda anke riżorsa umana b’saħħitha u l-gvern huwa kommess li jibqa’ jsaħħaħ dan.

Mar-rappreżentanti tal-MUMN, il-Prim Ministru qal li jqis lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala s-sinsla tas-servizz li jrid jibqa’ jkun wieħed b’saħħtu, kif wera li hu fost l-aqwa fid-dinja, speċjalment waqt pandemija.

Dr Abela qal li għaż-żmien li ġej, il-prijorità se tkun il-prevenzjoni tal-mard u l-użu tax-xjenza biex bħala pajjiż nevitaw kumplikazzjonijiet ta’ saħħa matul il-ħajja.

Il-Prim Ministru rrefera għall-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li fih pakkett ta’ proposti b’saħħithom għas-settur tas-saħħa u fost dawn semma l-aspett tas-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq dan l-aspett, fl-aħħar snin bdew jittieħdu numru ta’ passi importanti iżda jeħtieġ aktar passi li jkunu ta’ ħeffa biex nindirizzaw realtajiet li għandna fis-soċjetà.

Mal-MUMN, Dr Robert Abela rrefera għal ħafna xogħol li qed isir f’Monte Karmeli fejn qed tingħata kura speċjalizzata b’numru iżgħar ta’ pazjenti, xi ħaġa li anke l-Awditur Ġenerali nnota b’mod pożittiv.

Il-Prim Ministru qal li rridu wkoll nagħtu spinta lill-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta li se jiġi ffinanzjat minn fondi li Malta kisbet mill-Pjan ta’ Rkupru.

Waqt li sema’ l-idea tal-MUMN, il-Prim Ministru Robert Abela spjega wkoll li l-ħaddiema qed jinżammu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-gvern fosthom anke biex nilqgħu għall-impatti minn dak li għaddej fuq livell internazzjonali.

“Qed nagħtu għajnuniet biex inżommu stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-gass. Dawn huma deċiżjonijiet li jingħaqdu ma’ ħafna oħrajn li qed iżommu b’saħħitha l-qagħda tal-ekonomija u tal-ħaddiema ta’ pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

F’dan il-kuntest, il-President tal-MUMN Paul Pace tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa u fisser li investiment fil-qasam tas-saħħa, huwa investiment fin-nies.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Malcolm Paul Agius Galea u Romilda Baldacchino Zarb.