Month: October 2022

PR221310

​Fl-Istitut tax-Xjenza Applikata fl-MCAST ta’ Ħal Luqa, li jinkorpora fih iċ-Ċentru tal-Agrikoltura, l-Akwatika u x-Xjenza tal-Annimali, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ u tkellem ma’ bosta studenti li bdew is-sena akkademika tagħhom.

Il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jsegwi l-lezzjonijiet fil-klassijiet u jisma’ mill-edukaturi u mill-istudenti dwar il-proċess prattiku ta’ riċerka li josservaw fil-laboratorji l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom f’dan iċ-ċentru.

Meta kien qed jitkellem mal-istudenti, il-Prim Ministru nnota wkoll kif dawk li qed jagħżlu karriera relatata ma’ dan il-qasam dejjem qed jiżdiedu.

Akkumpanjat mill-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, il-Prim Ministru sema’ dwar l-imħabba li għandhom l-istudenti lejn dawn is-setturi li qegħdin jistudjaw fihom.

“Ulied il-bdiewa u s-sajjieda qegħdin jiżdiedu fin-numru li jagħżlu l-korsijiet li joffri dan l-istitut, fil-fatt bħalissa għandna 313 student full-time. Dan jagħtina sens ta’ sodisfazzjon għaliex iżommu ħaj dak li bdew il-ġenituri tagħhom u jsaħħuh permezz tat-tagħlim xjentifiku li jirċievu,” spjega l-Professur Calleja.

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru fakkar ukoll il-ħidma tal-gvern f’dan il-qasam hekk kif bl-emenda fil-liġi fuq il-qbiela privata mressqa l-Parlament, il-gvern qed jipproteġi l-art agrikola biex tiġi garantita s-sostenibbiltà tal-biedja, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

PR221311

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-General Workers’ Union fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Budget li se jitressaq għas-sena d-dieħla mhux se jkun difensiv biss iżda wieħed ambizzjuż ukoll biex ikattar l-investiment u jġib iżjed xogħol.​​

Għall-ikbar parti tal-laqgħa, il-Prim Ministru u l-ministri preżenti semmgħu l-ħsibijiet tat-tmexxija u r-rappreżentanti tal-GWU, fi proċess ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Gvern.

F’kuntest tal-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja spjega kif f’pajjiżna xorta hawn għatx għal aktar impjiegi minn min iħaddem u saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema f’Malta.​

Is-Sur Bugeja aċċenna għall-importanza tad-djalogu soċjali u wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern se jibqa’ jsostni l-għajnuna fis-settur tal-enerġija u ċ-ċereali.

Il-General Workers’ Union saħqet ukoll dwar il-fatt li l-mekkaniżmu preżenti ta’ kif jiġi stabbilit l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) għandu jibqa’ jiġi segwit, bl-unjin se tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet futuri.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-akbar għajnuna li għandha tibqa’ tingħata lil min l-aktar jeħtieġha, fosthom lill-familji bl-inqas dħul u lill-pensjonanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jwieżen, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, hekk kif f’dawn is-sentejn, il-Gvern se jkun qed jgħin b’aktar minn biljun ewro biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-piżijiet ma jintefgħux fuq il-ħaddiema u l-familji.

Qal li l-Budget li ġej huwa wieħed partikolari, anki wisq iżjed mill-aħħar tnejn li tressqu waqt pandemija.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-Budget 2023 se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa li se jibnu fuq xulxin biex jiġi implimentat il-pjan ta’ ħidma u jitwettqu l-wegħdi kollha.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana, Julia Farrugia Portelli u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield.

PR221300

Il-Prim Ministru Robert Abela Abela ltaqa’ u tkellem ma’ bosta studenti u rappreżentanti tal-għaqdiet studenteski li qegħdin jilqgħu lill-istudenti permezz tal-istands imferrxin mal-kampus tal-Università ta’ Malta.

Dan fil-ġimgħa li bdiet sena akkademika oħra f’din l-istituzzjoni edukattiva terzjarja.

Meta kien qed jitkellem mal-istudenti u l-għaqdiet rispettivi tagħhom, il-prim ministru segwa mill-qrib id-dedikazzjoni u l-imħabba li għandhom dawn l-għaqdiet lejn ix-xogħol volontarju li jwettqu favur l-istudent, bil-għan li joffru l-aħjar esperjenza edukattiva matul il-kors ta’ studju.

Dr Abela kellu wkoll l-opportunità li jitkellem ma’ għadd ta’ kumpaniji li matul din il-ġimgħa għażlu li jmorru fl-università u jitkellmu iżjed mill-viċin mal-istudenti dwar opportunitajiet ta’ xogħol f’bosta setturi differenti.

Il-prim ministru nnota kif il-kumpaniji kollha jkunu qegħdin jistennew din il-ġimgħa b’entużjażmu qawwi sabiex iħajru iżjed studenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol waqt li jkunu fil-kors edukattiv tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-prim ministru saħaq mill-ġdid dwar l-importanza tal-investiment fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet oħra li żdiedu b’miljun ewro għal din is-sena akkademika.

“Timtela b’iżjed kuraġġ meta tisma’ l-kumpaniji jgħidulek li qegħdin hawnhekk għal skop wieħed; li jfittxu biex iħaddmu iżjed studenti magħhom. Is-settur privat għatxan li jimpjega studenti tal-edukazzjoni terzjarja u aħbarijiet bħal tal-lum jimmotivawna biex inkomplu nsostnu l-istudenti bl-għodda kollha meħtieġa”, stqarr Dr Abela.

Matul iż-żjara, il-prim ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, u l-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Alexandra Gaglione.

PR221296

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern Malti favur qalba sostenibbli u iżjed ambjentali fl-industrija marittima. Dan għamlu waqt l-inawgurazzjoni t’uffiċini ġodda tar-‘Regional Marine Pollution Emergency Response Centre’ (REMPEC). Dan iċ-ċentru huwa amministrat mill-‘International Maritime Organisation’ (IMO), fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u kien fis-sebgħinijiet taħt l-eks Prim Ministru Dom Mintoff li Malta għażlet li tilqa’ dan iċ-ċentru biex jaħdem mill-qalba tal-Mediterran.

Fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim, il-Prim Ministru Dr Robert Abela spjega kif l-industrija marittima tikkontribwixxi mal-14% fl-ekonomija Maltija u f’dan il-kuntest saħaq li l-importanza marittima ma għandhiex tkun limitata biss għal skop kummerċjali iżda anki hemm l-aspett ambjentali u l-protezzjoni ta’ speċi fil-baħar. Hawn, Dr Abela sostna li l-ambjent marittimu huwa importanti għal Malta u se jkompli jingħata viżibilità minn pajjiżna hekk kif mill-bidu tas-sena d-dieħla, Malta se tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru rrikonoxxa ħidmet ir-REMPEC u l-assistenza li dan iċ-ċentru ta għal dawn l-aħħar 45 sena f’pajjiżi li jmissu mal-baħar Mediterran, fosthom billi pprevena t-tniġġis fil-baħar u rrisponda mill-aktar fis għal inċidenti fil-baħar li jikkawżaw tniġġis. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta tħares ‘il quddiem li tibqa’ tappoġġja lil dan iċ-ċentru għall-ġid tal-baħar Mediterran u l-pajjiżi li jmissu miegħu.

Intant, waqt l-istess inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-IMO. Kitack Lim saħaq li REMPEC qed tibda kapitlu ġdid f’uffiċini ġodda f’Sa Maison, fil-Furjana. Lim irringrazzja lil Malta u qal li s-suċċess tar-REMPEC huwa dovut għal kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-IMO, il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern Malti.

Qabel l-inawgurazzjoni, li għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farugia, saret laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim. Fil-laqgħa li saret f’Kastilja ġew diskussi il-miri għal tnaqqis t’emmissjonijiet li qed jingħataw prijorità mill-IMO wkoll. Malta aċċennat ukoll li l-IMO għandha twassal il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li tolqot tant lill-Mediterran, f’istituzzjonijiet relevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti.​