Month: December 2023

PR232029

Insellmilkom.

Se nibdew sena ġdida fejn minkejja l-isfidi ta’ madwarna, nistgħu nħarsu lejha b’ottimiżmu.

Pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem.

Flimkien se nkomplu naħdmu biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’ċirkostanzi internazzjonali partikolari, bqajna u se nibqgħu nipprovdu stabbiltà, ċertezza u s-serħan il-moħħ.

Madwarna l-ekonomiji staġnaw, tort l-inflazzjoni qawwija li laqtithom u l-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu.

Mal-għawġ ekonomiku, żdied ukoll in-niket illi naraw tant ħajjiet jinħasdu u l-ħajja ta’ tant familji titħarbat.

Dan ma kienx dak illi konna qed nittamaw waqt li konna għaddejjin mill-pandemija.

Minkejja dan kollu, mhux biss ma qtajniex qalbna, imma erġajna qomna għall-okkażjoni. Flimkien.

Urejna s-saħħa u l-valuri tagħna bħala Għawdxin u Maltin.

Għażilna t-triq tal-investiment u tal-progress, mhux tal-qtigħ il-qalb u l-awsterità.

Saħansitra wasalna għal qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha biex ikollna l-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali fl-istorja.

U bħala Gvern ħabbarna Budget li fih bqajna nkunu ta’ spalla għal kulħadd.

Quddiem l-isfidi tal-familji, ma nistgħux inkunu indifferenti.

Irridu nieħdu l-passi kollha biex ħadd ma jaqa’ lura.

Ma ħadniex it-triq tal-indifferenza lanqas dwar is-sitwazzjoni internazzjonali.

Iva, pajjiżna stat newtrali u kburi. Iżda dak ma jfissirx li nkunu indifferenti quddiem it-tbatijiet.

In-newtralità attiva tagħna qed inħaddmuha bħala għodda b’saħħitha favur il-paċi u kontra l-aggressjoni.

Ersaqna ’l quddiem bħala promoturi tad-djalogu u tas-sewwa fil-fora kollha internazzjonali li konna fihom.

Għamilt dan bħala Prim Ministru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala missier, bil-valuri kollha li nħaddan għall-familja tiegħi.

F’isimkom, tkellimt dwar il-paċi kull fejn kont. Għax aħna poplu li huwa kontra l-gwerer, jagħmilhom min jagħmilhom.

Il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna ġiet apprezzata.

Dan wassal biex Malta ġiet fdata għal darba wara oħra fix-xena internazzjonali.

Ġejna fdati bi rwoli importanti u mill-bidu tas-sena d-dieħla se nassumu oħrajn.

Ġew fostna l-ikbar potenzi tad-dinja jiddjalogaw għax ħassew li aħna l-art tal-sliem.

Ilqajt hawn lill-Mexxejja tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji biex flimkien infasslu pożizzjonijiet komuni fl-interess tar-reġjun u taċ-ċittadini tagħna.

Dan kollu huwa frott ir-reputazzjoni b’saħħitha ta’ pajjiżna.

Reputazzjoni li ġiet mill-kuraġġ tad-deċiżjonijiet konsistenti tagħna. Deċiżjonijiet ispirati mit-twemmin tagħna. Kemm fil-kamp tal-politika internazzjonali kif ukoll fil-politika ekonomika.

Għax nemmnu fin-nies, nemmnu fil-paċi.

Għax nemmnu fin-nies, ma nemmnux fl-awsterità.

Għalhekk bqajna wara l-familji u n-negozji ħalli ma jintlaqtux mill-impatt li l-gwerer ġabu fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.

Malta baqgħet l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma żied ebda minn dawn il-piżijiet fuq in-nies.

Insibu min jgħidilna li qed inkunu wisq ġenerużi.

Għal dan aħna se nibqgħu nwieġbu li r-riżultati jinkisbu bl-investiment, u mhux bl-awsterità.

Qatt ma għandu jkun il-Gvern li joħloq l-inflazzjoni. Għalhekk, fil-jiem li ġejjin, jidħlu fis-seħħ aktar miżuri illi diġà ħabbarna u se nibqgħu naħdmu mal-istakeholders kollha biex ikollna suċċess akbar fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Nistgħu nagħmlu dan għax pajjiżna għandu ekonomija li baqgħet għaddejja b’ritmu b’saħħtu u dan ma ngħidux jien.

Jgħiduh l-esperti illi jpoġġuna fost l-aqwa fl-Ewropa fl-oqsma tal-ħolqien tax-xogħol u tal-ħolqien tal-ġid.

Għalhekk, nistgħu nħarsu b’fiduċja kbira lejn is-sena li ġejja.

Dan mhux qed ngħidu biex nistrieħu fuq dak li ksibna. Iżda, biex ninvestu aktar f’pajjiżna u biex niksbu aktar.

Is-suċċessi li ksibna fis-sena li għaddiet u l-avvenimenti bħar-rebħ u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-EuroPride kienu mumenti ta’ kburija nazzjonali.

Dawn se nżommuhom bħala s-sors ta’ ispirazzjoni biex dejjem inwettqu aktar.

Dawk iċ-ċirkostanzi fejn stajna ħdimna differenti jew fejn stajna fhimna aktar il-prijoritajiet tan-nies, se jservuna ta’ tagħlima. Biex matul is-sena nwettqu ħidma akbar fl-oqsma kruċjali biex pajjiżna jimxi ’l quddiem.

Fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-sigurtà fuq quddiem nett.

F’dawn l-oqsma kruċjali investejna u lesti li nibqgħu ninvestu b’mod sod u sostenibbli, mhux l-inqas fil-ħaddiema.

Tul is-snin, grazzi għall-ħidma ta’ ħafna nies, pajjiżna nbidel għall-aħjar.

Ekonomikament sar aktar dinamiku, u sar joffri opportunitajiet aqwa.

Irridu li dawk l-aqwa opportunitajiet joħduhom l-ewwel it-tfal Għawdxin u Maltin.

Iżda, pajjiżna wkoll qed jiffaċċja realtajiet ġodda bħal popolazzjoni aktar anzjana. Għalhekk, nilqgħu fostna ħaddiema minn pajjiżi oħra.

Żgur li qatt mhu se nkunu populisti u nitkellmu b’mod dispreġġjattiv fil-konfront ta’ dawn il-persuni daqslikieku dawn ġew hawn biex jagħmlulna l-ħsara, jew li huma bnedmin b’dinjità jew valur inqas.

Fl-istess ħin iżda se nkomplu nimplimentaw numru ta’ bidliet illi jsaħħu l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, u li jieħdu ħsieb id-dinjità ta’ kulħadd.

Biex nikkontrollaw fejn għandna diġà biżżejjed ħaddiema, u ntejbu l-kwalità fejn neħtieġu aktar.

Dawn id-deċiżjonijiet se jibqgħu jittieħdu skont il-ħtiġijiet tal-poplu tagħna.

B’hekk inħarsu dak li jagħmilna Għawdxin u Maltin; insaħħu dak li jagħmel tant sbieħ il-komunitajiet tagħna, u fl-istess ħin inkomplu l-bidliet li hemm bżonn biex inwettqu l-qalba ambjentali u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Żrajna ż-żerriegħa ta’ riformi importanti bħal fatt illi għall-ewwel darba f’pajjiżna daħħalna l-liċenzja għal min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni.

Regoli ġodda u regoli meħtieġa li ma saru qatt qabel.

Ħadna wkoll l-iktar deċiżjonijiet biex inħarsu l-ambjent, fosthom f’Ħondoq ir-Rummien.

Fis-sena li ġejja, dan l-impenn irid ikompli jikber.

Ir-riformi jridu jintensifikaw u l-bidla tkompli.

Mhux l-inqas biex nallokaw aktar artijiet li setgħu jiġu żviluppati, biex minflok jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa.

Fl-2024 se nagħmlu wkoll għażliet importanti. Għażliet għall-komunitajiet tagħna u għażliet dwar kif irridu li nkunu rappreżentati fl-istituzzjonijiet Ewropej.

M’hemmx dubju li huma għażliet illi rridu nagħmluhom f’rispett lejn xulxin u li għandhom ikunu ispirati mill-imħabba lejn il-komunitajiet tagħna u lejn pajjiżna.

L-istedina tiegħi lill-poplu Għawdxi u Malti hi mhux biss biex f’dawn il-proċessi demokratiċi jersaq ’il quddiem, iżda jersaq ’il quddiem ta’ kuljum bl-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar pajjiżna.

Kien proprju għalhekk li ħloqna l-Youth Advisory Forum li se jkun punt ta’ referenza ta’ leħen iż-żgħażagħ għall-Kabinett tal-Ministri.

Dan huwa pajjiżna u jitmexxa ’l quddiem skont ir-rieda tagħkom.

U jien persważ li bħali tridu pajjiż li jibqa’ miexi ’l quddiem, għalikom u għall-familji u dawk li l-aktar tħobbu f’ħajjitkom.

F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena hienja, mimlija risq, saħħa u paċi.

PR231991

F’summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li l-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ waqfien mill-ġlied immedjat ikkumplimentat bis-soluzzjoni taż-Żewġ Stati. Din il-pożizzjoni kienet riflessa wkoll f’ittra li ntbagħtet mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ tliet prim ministri oħra ta’ Spanja, tal-Irlanda u tal-Belġju lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel. Fl-istess ittra, il-firmatarji talbu wkoll li l-Kunsill jieħu pożizzjoni soda dwar il-Lvant Nofsani, anke biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ kredibbli fuq livell internazzjonali u konsistenti ma’ pożizzjonijiet li ħadet dwar kunflitti oħra. 

Matul id-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, Dr Abela saħaq li ma jistax ikun li nibqgħu naċċettaw atroċitajiet fuq popli innoċenti. “Nemmen li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani kienet timmerita sinjal ċar mill-Kunsill. Għamilt dan l-appell lill-mexxejja u anke lill-presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej. Kif nistgħu nibqgħu naċċettaw il-qtil indiskriminat ta’ persuni innoċenti, u oħrajn jiġu mġiegħla jitilqu minn darhom stess? Diżappuntat li ma kienx hemm qbil li għandu jkun hemm konklużjonijiet li jixprunaw pressjoni internazzjonali dwar din is-sitwazzjoni. Stennejt li l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu konsistenti ma’ pożizzjonijiet li ttieħdu fuq kunflitti oħra”, sostna l-Prim Ministru. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod immedjat is-sitwazzjoni umanitarja fl-istrixxa ta’ Gaza filwaqt li l-Riżoluzzjoni li mexxiet Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda tiġi implimentata, sostna l-Prim Ministru.

Fl-istess waqt li rrikonoxxa l-ħtieġa ta’ miżuri li jassiguraw is-sigurtà tal-Iżrael, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jeħtieġ li nsaħħu l-Awtorità Palestinjana permezz ta’ għajnuna finanzjarja u politika biex din tkun tista’ tmexxi l-istrixxa ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent b’mod effettiv. Il-Prim Ministru wera wkoll it-tħassib tiegħu fuq is-sigurtà marittima kif ukoll dwar il-possibilità li dan il-kunflitt jeskala għal wieħed reġjonali b’effetti negattivi fuq il-pajjiżi ġirien. Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew intlaħaq qbil ukoll bejn il-mexxejja tal-Istati Membri li jinfetħu n-negozjati bi tħejjija għas-sħubija tal-Ukrajna u l-Moldova fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din id-deċiżjoni bħala pass importanti fit-triq lejn riformi li se jqarrbu lil dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna li Malta se tibqa’ tagħti s-sostenn tagħha lill-poplu Ukren permezz ta’ għajnuna umanitarja.

Dwar ir-reviżjoni tal-Qafas Multiannwali Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea li fuqu ma ntlaħaqx qbil, il-Prim Ministru spjega l-pożizzjoni ta’ Malta li hemm bżonn ta’ pakkett ta’ inizjattivi li bihom jiġu ffinanzjati diversi prijoritajiet, mhux biss in-nefqa għall-għajnuna lill-Ukrajna. Hawn il-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li d-dimensjoni Mediterranja ma tesperjenzax tnaqqis ta’ fondi fl-erba’ snin li ġejjin. Jeħtieġ li jkollna biżżejjed riżorsi biex ninvestu f’investimenti li bihom nibnu relazzjonijiet strateġiċi ma’ pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika u biex insaħħu l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin, qal Dr Abela. Id-diskussjoni dwar din ir-reviżjoni se tkompli f’summit ieħor tal-Kunsill Ewropew f’Jannar li ġej, hekk kif f’din il-laqgħa ma ntlaħaqx qbil.

PR231972

Fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela attenda u indirizza summit bejn il-Mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Balkani tal-Punent li matulu enfasizza dwar il-ħtieġa ta’ għaqda u solidarjetà bejn il-pajjiżi membri, fid-dawl tal-kuntest ġeo-politiku. Qal li mingħajr ebda dubju, il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni Ewropea.

Fost it-temi diskussi matul dan is-summit kien hemm kif is-sħab tal-Balkani tal-Punent jistgħu jiġu integrati b’mod gradwali fl-Unjoni Ewropea u kif se jitnaqqas l-impatt li qed tħalli l-gwerra fl-Ukrajna fuq ir-reġjun.

Qal li sena wara li l-Mexxejja tal-Istati Membri u tal-Balkani tal-Punent iltaqgħu f’Tirana l-Albanija, fejn kien intlaħaq qbil dwar it-tnaqqis fit-tariffi tar-roaming bejn pajjiżi Ewropej u l-Balkani tal-Punent, issa huwa ż-żmien li nkomplu ninċentivaw ir-riformi meħtieġa biex dawn il-pajjiżi jkomplu t-tħejjijiet tagħhom biex fil-futur jissieħbu fl-Unjoni.

“Fiċ-ċentru ta’ dan kollu hemm in-nies, iċ-ċittadini Ewropej u dawk tal-Balkani tal-Punent, li għandhom bil-bosta x’jiggwadanjaw minn din l-integrazzjoni”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Fil-fatt, fi tmiem is-summit ġiet iffirmata dikjarazzjoni li permezz tagħha s-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jintrabtu jimxu magħha. Id-dikjarazzjoni tara fost l-oħrajn li jkun hemm impenn politiku u strateġiku, pjan ta’ tkabbir li jwassal għall-integrazzjoni, kif ukoll Campus tal-Kulleġġ tal-Ewropa f’Tirana li jservi ta’ opportunità għal studenti Ewropej biex jistudjaw fil-Balkani tal-Punent.

Id-dikjarazzjoni hija l-bażi fuq xiex l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent jibnu l-politika tagħhom, immirata għal titjib fil-kwalità ta’ ħajjet il-popli.

PR231967

L-anzjani tal-Marsa se jkunu qegħdin igawdu minn Ċentru ta’Matul il-Jum ġdid li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi u l-kunsillieri. Bl-investiment f’dan iċ-Ċentru, ko-finanzjat minn fondi tan-Norveġja, bidel sala li ma kinitx qegħda tintuża biex issa ser tkun qiegħda tippromwovi anzjanità attiva.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ma hemmx komunitajiet b’saħħithom  jekk ma jkunux inklużivi u ma hemmx komunitajiet ġusti jekk ma jieħdux ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kulħadd, u “huwa għal dan li rridu naħdmu aħna li ġejna mislufa l-fiduċja biex proprju ntejbu ħajjet in-nies.”

B’dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Marsa u oħrajn bħalu, fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, għandhom valur kbir għal dawk li ser jibbenefikaw minnu.

“Huwa proġett li jippromwovi wkoll l-anzjanità attiva li hija fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. Għalhekk qegħdin nifirxu proġetti bħal dan mal-pajjiż kollu, kif għamilna fl-aħħar ġimgħat bil-ftuħ ta’ ċentri ta’ dan it-tip fl-ibliet tal-Kottonera u huwa wkoll għalhekk li nżommu l-anzjani tagħha fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li nieħdu. Fil-budget żidna l-pensjonijiet u l-għotja lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità. Għaliex anke finanzjarjament irridu ngħinu lill-anzjani jgħixu aħjar.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li lill-anzjani, il-Gvern, irid ikompli jtaffilhom il-piżijiet fosthom b’aktar mediċini mogħtija mingħajr ħlas, u kura aqwa fil-komunità, flimkien ma’ komunitajiet iktar siguri. Irridu kullana ta’ servizzi biex l-anzjani tagħna jibqgħu jħossu, il-belt jew ir-raħal li għexu fihom, bħala d-dar tagħhom. Għaliex meta ngħidu li rridu komunitajiet sbieħ, siguri u bis-servizzi viċin tagħkom, huwa dak li nkunu qegħdin infissru.”

Il-Prim Ministru kkonkluda li l-anzjani sawru lil dan il-pajjiż u bnewh mix-xejn b’ħidmiethom u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jibni fuq dak li għamlu, “imma nagħmlu dan magħkom għax dak li tistgħu tibqgħu tagħtuna intom, ma nistgħu nitilfuh qatt.”

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi, rrefera għal dan il-proġett bħala ħolma li saret realtà għar-residenti Marsin hekk kif iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ser ikun qiegħed jintuża wkoll, fost oħrajn, għal korsijiet edukattivi mhux biss għall-anzjani iżda wkoll għall-adulti u għat-tfal. 

“Bħala Kunsill Lokali, ser nibqgħu naħdmu mhux biss għall-anzjani iżda għall-Marsin kollha bi proġetti għal kulħadd, mit-tranġar ta’ postijiet pubbliċi, servizzi dejjem aktar qrib iċ-ċittadin u attivitajiet, fost oħrajn. Inħarsu ‘l quddiem għal ħafna aktar proġetti ambizzjużi u ta’ benefiċċju għar-resident Marsi.”

PR231964

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku fil-Berġa ta’ Kastilja nhar l-Erbgħa 20 ta’ Diċembru bejn l-4:00pm u l-5:30pm, għall-awguri tal-festi tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida.

Dan qed jitħabbar illum, fil-jum li wieħed jista’ jmur u jpoġġi rigal taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja bħala parti mill-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’. Ir-rigali taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja se jkunu jistgħu jibqgħu jitpoġġew sal-21 ta’ Diċembru, fejn dakinhar jintlaħaq il-qofol bl-għeluq tar-raba’ edizzjoni ta’ ‘Rigal bi Mħabba’.

Dakinhar u lejliet, fl-20 ta’ Diċembru, jiġifieri dakinhar li l-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela se jilqgħu lill-pubbliku għall-awguri tal-festi, fi Pjazza Kastilja se jittella’ Villaġġ tal-Milied. Propju fl-20 ta’ Diċembru se jittella’ kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Kull min jixtieq jiltaqa’ mal-Prim Ministru u ma’ Dr Lydia Abela fl-20 ta’ Diċembru huwa mitlub jirreġistra d-dettalji tiegħu fuq 22002400/1.