Messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela għas-sena l-ġdida 2024

PR232029

31/12/2023

Insellmilkom.

Se nibdew sena ġdida fejn minkejja l-isfidi ta’ madwarna, nistgħu nħarsu lejha b’ottimiżmu.

Pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem.

Flimkien se nkomplu naħdmu biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

F’ċirkostanzi internazzjonali partikolari, bqajna u se nibqgħu nipprovdu stabbiltà, ċertezza u s-serħan il-moħħ.

Madwarna l-ekonomiji staġnaw, tort l-inflazzjoni qawwija li laqtithom u l-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu.

Mal-għawġ ekonomiku, żdied ukoll in-niket illi naraw tant ħajjiet jinħasdu u l-ħajja ta’ tant familji titħarbat.

Dan ma kienx dak illi konna qed nittamaw waqt li konna għaddejjin mill-pandemija.

Minkejja dan kollu, mhux biss ma qtajniex qalbna, imma erġajna qomna għall-okkażjoni. Flimkien.

Urejna s-saħħa u l-valuri tagħna bħala Għawdxin u Maltin.

Għażilna t-triq tal-investiment u tal-progress, mhux tal-qtigħ il-qalb u l-awsterità.

Saħansitra wasalna għal qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha biex ikollna l-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali fl-istorja.

U bħala Gvern ħabbarna Budget li fih bqajna nkunu ta’ spalla għal kulħadd.

Quddiem l-isfidi tal-familji, ma nistgħux inkunu indifferenti.

Irridu nieħdu l-passi kollha biex ħadd ma jaqa’ lura.

Ma ħadniex it-triq tal-indifferenza lanqas dwar is-sitwazzjoni internazzjonali.

Iva, pajjiżna stat newtrali u kburi. Iżda dak ma jfissirx li nkunu indifferenti quddiem it-tbatijiet.

In-newtralità attiva tagħna qed inħaddmuha bħala għodda b’saħħitha favur il-paċi u kontra l-aggressjoni.

Ersaqna ’l quddiem bħala promoturi tad-djalogu u tas-sewwa fil-fora kollha internazzjonali li konna fihom.

Għamilt dan bħala Prim Ministru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala missier, bil-valuri kollha li nħaddan għall-familja tiegħi.

F’isimkom, tkellimt dwar il-paċi kull fejn kont. Għax aħna poplu li huwa kontra l-gwerer, jagħmilhom min jagħmilhom.

Il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna ġiet apprezzata.

Dan wassal biex Malta ġiet fdata għal darba wara oħra fix-xena internazzjonali.

Ġejna fdati bi rwoli importanti u mill-bidu tas-sena d-dieħla se nassumu oħrajn.

Ġew fostna l-ikbar potenzi tad-dinja jiddjalogaw għax ħassew li aħna l-art tal-sliem.

Ilqajt hawn lill-Mexxejja tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji biex flimkien infasslu pożizzjonijiet komuni fl-interess tar-reġjun u taċ-ċittadini tagħna.

Dan kollu huwa frott ir-reputazzjoni b’saħħitha ta’ pajjiżna.

Reputazzjoni li ġiet mill-kuraġġ tad-deċiżjonijiet konsistenti tagħna. Deċiżjonijiet ispirati mit-twemmin tagħna. Kemm fil-kamp tal-politika internazzjonali kif ukoll fil-politika ekonomika.

Għax nemmnu fin-nies, nemmnu fil-paċi.

Għax nemmnu fin-nies, ma nemmnux fl-awsterità.

Għalhekk bqajna wara l-familji u n-negozji ħalli ma jintlaqtux mill-impatt li l-gwerer ġabu fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.

Malta baqgħet l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma żied ebda minn dawn il-piżijiet fuq in-nies.

Insibu min jgħidilna li qed inkunu wisq ġenerużi.

Għal dan aħna se nibqgħu nwieġbu li r-riżultati jinkisbu bl-investiment, u mhux bl-awsterità.

Qatt ma għandu jkun il-Gvern li joħloq l-inflazzjoni. Għalhekk, fil-jiem li ġejjin, jidħlu fis-seħħ aktar miżuri illi diġà ħabbarna u se nibqgħu naħdmu mal-istakeholders kollha biex ikollna suċċess akbar fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Nistgħu nagħmlu dan għax pajjiżna għandu ekonomija li baqgħet għaddejja b’ritmu b’saħħtu u dan ma ngħidux jien.

Jgħiduh l-esperti illi jpoġġuna fost l-aqwa fl-Ewropa fl-oqsma tal-ħolqien tax-xogħol u tal-ħolqien tal-ġid.

Għalhekk, nistgħu nħarsu b’fiduċja kbira lejn is-sena li ġejja.

Dan mhux qed ngħidu biex nistrieħu fuq dak li ksibna. Iżda, biex ninvestu aktar f’pajjiżna u biex niksbu aktar.

Is-suċċessi li ksibna fis-sena li għaddiet u l-avvenimenti bħar-rebħ u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-EuroPride kienu mumenti ta’ kburija nazzjonali.

Dawn se nżommuhom bħala s-sors ta’ ispirazzjoni biex dejjem inwettqu aktar.

Dawk iċ-ċirkostanzi fejn stajna ħdimna differenti jew fejn stajna fhimna aktar il-prijoritajiet tan-nies, se jservuna ta’ tagħlima. Biex matul is-sena nwettqu ħidma akbar fl-oqsma kruċjali biex pajjiżna jimxi ’l quddiem.

Fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-sigurtà fuq quddiem nett.

F’dawn l-oqsma kruċjali investejna u lesti li nibqgħu ninvestu b’mod sod u sostenibbli, mhux l-inqas fil-ħaddiema.

Tul is-snin, grazzi għall-ħidma ta’ ħafna nies, pajjiżna nbidel għall-aħjar.

Ekonomikament sar aktar dinamiku, u sar joffri opportunitajiet aqwa.

Irridu li dawk l-aqwa opportunitajiet joħduhom l-ewwel it-tfal Għawdxin u Maltin.

Iżda, pajjiżna wkoll qed jiffaċċja realtajiet ġodda bħal popolazzjoni aktar anzjana. Għalhekk, nilqgħu fostna ħaddiema minn pajjiżi oħra.

Żgur li qatt mhu se nkunu populisti u nitkellmu b’mod dispreġġjattiv fil-konfront ta’ dawn il-persuni daqslikieku dawn ġew hawn biex jagħmlulna l-ħsara, jew li huma bnedmin b’dinjità jew valur inqas.

Fl-istess ħin iżda se nkomplu nimplimentaw numru ta’ bidliet illi jsaħħu l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, u li jieħdu ħsieb id-dinjità ta’ kulħadd.

Biex nikkontrollaw fejn għandna diġà biżżejjed ħaddiema, u ntejbu l-kwalità fejn neħtieġu aktar.

Dawn id-deċiżjonijiet se jibqgħu jittieħdu skont il-ħtiġijiet tal-poplu tagħna.

B’hekk inħarsu dak li jagħmilna Għawdxin u Maltin; insaħħu dak li jagħmel tant sbieħ il-komunitajiet tagħna, u fl-istess ħin inkomplu l-bidliet li hemm bżonn biex inwettqu l-qalba ambjentali u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Żrajna ż-żerriegħa ta’ riformi importanti bħal fatt illi għall-ewwel darba f’pajjiżna daħħalna l-liċenzja għal min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni.

Regoli ġodda u regoli meħtieġa li ma saru qatt qabel.

Ħadna wkoll l-iktar deċiżjonijiet biex inħarsu l-ambjent, fosthom f’Ħondoq ir-Rummien.

Fis-sena li ġejja, dan l-impenn irid ikompli jikber.

Ir-riformi jridu jintensifikaw u l-bidla tkompli.

Mhux l-inqas biex nallokaw aktar artijiet li setgħu jiġu żviluppati, biex minflok jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa.

Fl-2024 se nagħmlu wkoll għażliet importanti. Għażliet għall-komunitajiet tagħna u għażliet dwar kif irridu li nkunu rappreżentati fl-istituzzjonijiet Ewropej.

M’hemmx dubju li huma għażliet illi rridu nagħmluhom f’rispett lejn xulxin u li għandhom ikunu ispirati mill-imħabba lejn il-komunitajiet tagħna u lejn pajjiżna.

L-istedina tiegħi lill-poplu Għawdxi u Malti hi mhux biss biex f’dawn il-proċessi demokratiċi jersaq ’il quddiem, iżda jersaq ’il quddiem ta’ kuljum bl-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar pajjiżna.

Kien proprju għalhekk li ħloqna l-Youth Advisory Forum li se jkun punt ta’ referenza ta’ leħen iż-żgħażagħ għall-Kabinett tal-Ministri.

Dan huwa pajjiżna u jitmexxa ’l quddiem skont ir-rieda tagħkom.

U jien persważ li bħali tridu pajjiż li jibqa’ miexi ’l quddiem, għalikom u għall-familji u dawk li l-aktar tħobbu f’ħajjitkom.

F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena hienja, mimlija risq, saħħa u paċi.

FacebookTwitter
Skip to content