Jeħtieġ li jintlaħqu l-kompromessi biex tirrenja l-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani – il-Prim Ministru Robert Abela fis-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

PR231991

15/12/2023

F’summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li l-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ waqfien mill-ġlied immedjat ikkumplimentat bis-soluzzjoni taż-Żewġ Stati. Din il-pożizzjoni kienet riflessa wkoll f’ittra li ntbagħtet mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ tliet prim ministri oħra ta’ Spanja, tal-Irlanda u tal-Belġju lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel. Fl-istess ittra, il-firmatarji talbu wkoll li l-Kunsill jieħu pożizzjoni soda dwar il-Lvant Nofsani, anke biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ kredibbli fuq livell internazzjonali u konsistenti ma’ pożizzjonijiet li ħadet dwar kunflitti oħra. 

Matul id-diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, Dr Abela saħaq li ma jistax ikun li nibqgħu naċċettaw atroċitajiet fuq popli innoċenti. “Nemmen li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani kienet timmerita sinjal ċar mill-Kunsill. Għamilt dan l-appell lill-mexxejja u anke lill-presidenti tal-istituzzjonijiet Ewropej. Kif nistgħu nibqgħu naċċettaw il-qtil indiskriminat ta’ persuni innoċenti, u oħrajn jiġu mġiegħla jitilqu minn darhom stess? Diżappuntat li ma kienx hemm qbil li għandu jkun hemm konklużjonijiet li jixprunaw pressjoni internazzjonali dwar din is-sitwazzjoni. Stennejt li l-istituzzjonijiet Ewropej ikunu konsistenti ma’ pożizzjonijiet li ttieħdu fuq kunflitti oħra”, sostna l-Prim Ministru. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod immedjat is-sitwazzjoni umanitarja fl-istrixxa ta’ Gaza filwaqt li l-Riżoluzzjoni li mexxiet Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda tiġi implimentata, sostna l-Prim Ministru.

Fl-istess waqt li rrikonoxxa l-ħtieġa ta’ miżuri li jassiguraw is-sigurtà tal-Iżrael, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jeħtieġ li nsaħħu l-Awtorità Palestinjana permezz ta’ għajnuna finanzjarja u politika biex din tkun tista’ tmexxi l-istrixxa ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent b’mod effettiv. Il-Prim Ministru wera wkoll it-tħassib tiegħu fuq is-sigurtà marittima kif ukoll dwar il-possibilità li dan il-kunflitt jeskala għal wieħed reġjonali b’effetti negattivi fuq il-pajjiżi ġirien. Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew intlaħaq qbil ukoll bejn il-mexxejja tal-Istati Membri li jinfetħu n-negozjati bi tħejjija għas-sħubija tal-Ukrajna u l-Moldova fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din id-deċiżjoni bħala pass importanti fit-triq lejn riformi li se jqarrbu lil dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna li Malta se tibqa’ tagħti s-sostenn tagħha lill-poplu Ukren permezz ta’ għajnuna umanitarja.

Dwar ir-reviżjoni tal-Qafas Multiannwali Finanzjarju tal-Unjoni Ewropea li fuqu ma ntlaħaqx qbil, il-Prim Ministru spjega l-pożizzjoni ta’ Malta li hemm bżonn ta’ pakkett ta’ inizjattivi li bihom jiġu ffinanzjati diversi prijoritajiet, mhux biss in-nefqa għall-għajnuna lill-Ukrajna. Hawn il-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li d-dimensjoni Mediterranja ma tesperjenzax tnaqqis ta’ fondi fl-erba’ snin li ġejjin. Jeħtieġ li jkollna biżżejjed riżorsi biex ninvestu f’investimenti li bihom nibnu relazzjonijiet strateġiċi ma’ pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika u biex insaħħu l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin, qal Dr Abela. Id-diskussjoni dwar din ir-reviżjoni se tkompli f’summit ieħor tal-Kunsill Ewropew f’Jannar li ġej, hekk kif f’din il-laqgħa ma ntlaħaqx qbil.

FacebookTwitter
Skip to content