Month: December 2023

PR231957

Monument figurattiv tal-bronż f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri ġie inawgurat fil-Furjana, f’ċerimonja li ċċelebrat il-legat kbir li ħalla warajh dan il-ġgant letterarju.

Din l-okkażjoni kienet frott proċess li beda inqas minn xahar wara t-telfa tal-Prof. Friggieri bis-sejħa minn Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għal proposti b’disinni għall-mafkar. Wara dan, ġurija esperta għażlet id-disinn tal-artist Għawdxi John Grima.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Professur Oliver Friggieri ma kienx biss awtur, studjuż tal-Malti u għalliem mill-aqwa, iżda huwa wkoll wieħed mill-iprem ħassieba li ra pajjiżna.

Huwa rrimarka kif għex, kiteb u qasam ħsibijietu f’epoki differenti ta’ nazzjon, li bħal kull nazzjon ieħor fid-dinja ffaċċja l-isfidi tiegħu. “Bħal kull nazzjon ieħor, Malta mhix perfetta u kellha l-mumenti differenti fl-istorja tagħha. Sbieħ u inqas sbieħ. Iżda f’ebda ħin il-Professur Friggieri ma ċekken lil dan il-ġens jew qata’ qalbu minn dan il-ġens.”

Il-Prim Ministru tenna li kontinwament Oliver Friggieri ried imiss il-kuxjenza tan-nazzjon għax kien jemmen fil-ġejjieni għall-Maltin. 

“Ma straħ qatt. Ma kkuntenta qatt b’dak li kien inkiseb. Għax hu kien ċert, u bla dubju kellu raġun, li kien hemm u hemm ġejjieni sabiħ għall-Maltin, bħalma kien hemm passat li wasslu s’hawn. Kliemu kien jinstema’, taqbel jew ma taqbilx mal-linja tal-ħsieb tiegħu. Oliver Friggieri, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dak li emmen li hu abjad qal li kien abjad u l-iswed qal li kien iswed.”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja li minn kitbietu wieħed jifhem ċar kif kultant ħassu jirrabja għax kien hemm mumenti li hu ma kienx jaqbel ma’ ċerti deċiżjonijiet jew direzzjonijiet, xorta waħda kien bniedem li ried jibni fuq it-tajjeb. It-tajjeb li sar qabel qatt ma qabel li jiżżarma sempliċiment biex ikun iżżarma. U dan fi kliem il-Prim Ministru, m’hemmx dubju li kien jagħmlu għax kien ipoġġi lil Malta fuq kollox u ma kienx mgħammad mill-kulur jew xi preġudizzju. 

Fid-diskors tiegħu waqt ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-monument f’ġieħ Oliver Friggieri, il-Prim Ministru kkonkluda li anke meta kien kritiku qawwi, għamel dan għax iħobb lill-Maltin u emmen fihom. Anke meta tkellem fuq min ma kellux vuċi, għamel dan għax ħabb il-ħolqien kollu kemm hu. 

 “Il-Professur Friggieri kien kritiku aħrax meta kellu jkun kritiku. Imma mhux kattiv. Anke jekk tiegħu kien għerf bla qies, qatt ma prova joħnoq lil xi ħaddieħor milli jippreżenta ħsibijietu. Nieqfu u naħsbu. Kemm tagħlimiet għadu jagħtina sal-lum. Aħna wkoll obbligati li naraw li l-għerf li ħallielna ma jintilifx. U jekk nibqgħu ngħożżu l-identità li tagħmilna lkoll Maltin, ġens wieħed, m’hemmx dubju li l-figura ta’ Friggieri se tibqa’ tkun ċentrali u ħajja.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fakkar li l-Gvern Malti kien għamel wegħda mal-poplu biex iwaqqaf mafkar f’ġieħ il-poeta u l-Professur Oliver Friggieri, li matul ħajtu emmen fil-potenzjal uman u f’dak kollu li huwa sewwa, awtentiku u tajjeb.

“Illum qegħdin nikxfu dan il-monument f’ġieħ dan il-ġgant tal-letteratura Maltija u l-identità nazzjonali. Mafkar artistiku li jfakkar il-kontribut li ta Oliver Friggieri b’risq in-nazzjon Malti”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li, “Il-Professur Oliver Friggieri huwa meqjus fost l-ewlenin Maltin għaliex iddedika ħajtu mhux biss bħala poeta, studjuż u għalliem, imma għax ħabb il-kultura li tagħti libsa lil dak kollu li hu uman”.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qasam ħsibijietu dwar l-istatura immensa ta’ Friggieri, u ddeskrivieh bħala wieħed mill-akbar Maltin li b’għemilu daqskemm bis-saħħa tal-kelma miktuba u mitkellma ta xhieda ta’ kif għandu jkun ġens wieħed magħqud.

Huwa rrifletta wkoll dwar kif ix-xogħlijiet ta’ Friggieri jibqgħu jispiraw individwi u huma ta’ gwida għal Heritage Malta fit-twettiq tal-viżjoni tagħha biex il-mużewijiet tagħha jibqgħu rilevanti għas-soċjetà u jgħinu fit-tfassil tal-identità Maltija.

Il-monument, li jinsab faċċata ta’ dak li jfakkar lill-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, jikkonsisti f’rappreżentazzjoni ta’ Friggieri wieqaf fuq pedestall imponenti, li jirrifletti l-istatura tiegħu fil-fora akkademika lokali u lil hinn. Il-monument jinkludi wkoll versi mnaqqxa minn waħda mill-aktar poeżiji maħbuba ta’ Friggieri, bl-isem ta’ ‘Jekk’.

Oliver Friggieri twieled u trabba l-Furjana, mhux ’il bogħod wisq mill-post fejn issa hemm il-monument f’ġieħu, u beda jħarbex l-ewwel versi poetiċi tiegħu meta kien għadu jmur l-iskola primarja. Il-kontribut monumentali tiegħu lid-dinja letterarja, l-impatt li ħalla fuq pajjiżna, u l-umanità li wera matul ħajtu kollha kienu riflessi tul iċ-ċerimonja f’kummenti minn qraba u ħbieb, diskorsi minn mistednin distinti, u siltiet artistiċi animati mill-attur Mario Micallef u mill-kantawtur Vince Fabri.

PR231936

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-attiviżmu ġej minn fost l-iżgħar ċittadini ta’ pajjiżna ħaqqu kull appoġġ. “Il-Gvern jibqa’ jisma’ fosthom il-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ li mhumiex biss il-Maltin ta’ għada iżda anki ċittadini tal-lum”, sostna l-Prim Ministru waqt it-tnedija tal-proġett R.I.G.H.T.S. immexxi mill-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà. Dan il-proġett ħa s-sura tiegħu wara finanzjament minn fondi Ewropej u ħidma b’koperazzjoni mal-Ministeri għall-Gvern Lokali, għall-Edukazzjoni u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

“Nistqarr li kull esperjenza li jkolli mat-tfal u ż-żgħażagħ hi waħda li nitgħallem ħafna minnha għaliex il-lenti tagħhom hi meħtieġa wkoll biex inkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet għall-preżent u l-futur,” qal Dr Abela. Il-Prim Ministru spjega li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda jiltaqa’ uffiċjalment il-Youth Advisory Forum. Dan wara li saru l-interviews minn bord tal-għażla apposta li fih kien hemm ukoll ir-rappreżentanza tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

“Dak li qed tagħmlu intom, aħna nkompluh b’tarġa oħra. Illum inħares ‘il quddiem li nibdew l-esperjenza mal-Youth Advisory Forum,” saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota kif il-proġett R.I.G.H.T.S. tal-Fondazzjoni mmexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca se jħarreġ tfal u żgħażagħ f’ħiliet tat-tmexxija u jwaqqaf il-Kunsilli tat-Tfal Lokali u Reġjonali.

Il-Prim Ministru qal li pajjiżna għamel bidliet kbar fit-tisħiħ tal-vuċi taż-żgħażagħ fosthom bil-Vot-16 u l-introduzzjoni ta’ emenda legali li twassal biex tirrispetta l-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fit-totalità tiegħu, f’każ li l-komunità taħtar żagħżugħ ta’ 16 jew 17-il sena biex jokkupa l-kariga ta’ Sindku jew Viċi-Sindku. “Aħna konvinti li nkomplu nsaħħu l-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom aspirazzjonijiet għall-ġejjieni u xogħolna hu li noħolqu l-opportunitajiet biex il-ħolm tagħhom jinbidel f’realtà”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru qal li huwa għalhekk li l-Gvern qed iwettaq wegħda ewlenija, dik tal-garanzija għat-tfal għaliex biex issaħħaħ il-vuċi tat-tfal trid tinvesti fihom f’kull aspett. Hawn semma l-aspett soċjali u edukattiv. Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Fondazzjoni u l-Ministeri fost oħrajn involuti fi proġett li jkompli jsaħħaħ l-attiviżmu fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. “Malta b’saħħitha tfisser li jkollna komunitajiet li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom dwar temi differenti fosthom l-ambjent, il-qalbiet teknoloġiċi li qed jesperjenza pajjiżna u l-importanza tal-kwalità tal-ħajja f’dak kollu li nagħmlu,” qal il-Prim Ministru Abela.

Qabel indirizza t-tnedija tal-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela kellu diskussjoni ma’ tfal u żgħażagħ fuq diversi temi u fihom innota l-ideat imprezzabbli tagħhom.

PR231929

Matul l-ewwel konferenza li tella’ l-Osservatorju Malti għat-Turiżmu li ddiskuta s-sostenibilità tal-industrija fiż-żmien illi ġej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li r-riżultati b’saħħithom li rnexxielu jġib pajjiżna matul din is-sena ġew permezz ta’ sforz kollettiv minn kull min jaħdem f’din l-industrija.

Il-Prim Ministru spjega li ċifri uffiċjali maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu, il-UNWTO, juru li filwaqt li t-turiżmu dinji se jkun laħaq 90% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija sa tmiem din is-sena, Malta tiżboq bil-bosta dan l-irkupru. Dr Abela qal li dan huwa dovut ukoll għall-prodott turistiku Malti u d-diversi niċeċ li jattiraw turisti s-sena kollha. Insista iżda, li jeħtieġ li jittieħdu aktar azzjonijiet biex il-prodott turistiku jkompli jissaħħaħ u tiżdied il-kwalità. Hawnhekk irrefera għall-investiment li se jibda jsir fir-riżorsa umana, u allura, l-introduzzjoni tal-Iskills Card fil-qasam tal-ospitalità bil-għan li l-impjegati jkollhom il-ħiliet neċessarji f’industrija li kulma jmur qed ittejjeb il-kwalità tagħha.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fiċ-ċentru tal-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu hemm is-sostenibilità. Qal li s-sostenibilità hija prinċipju ewlieni li jiggwida lill-gvern f’dak kollu li jagħmel u fid-deċiżjonijiet li jieħu. “L-impatt tat-tibdil fil-klima, il-bżonn ta’ qalba għal ekonomija li ma tipproduċix emmissjonijiet u l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali u ambjentali jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni f’industrija turistika li kulma jmur qed tissaħħaħ”, saħaq Dr Abela. Hawnhekk appella lill-istakeholders tal-industrija biex għal darb’oħra jerġgħu jkunu minn ta’ quddiem ħalli jintlaħqu l-miri turistiċi. “Il-gvern jeħtieġ lilkom ilkoll biex flimkien inkomplu niksbu r-riżultati. Bi pjaċir ninnota li dan diġà qed iseħħ”, tenna l-Prim Ministru. Irrefera għall-investiment multimiljunarju mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li se jkun qed jagħti importanza lill-aspett ambjentali u għal investimenti oħra li qed isiru fis-settur tal-akkomodazzjoni. Qal li dawn ilkoll jgħollu l-livell tal-prodott turistiku Malti filwaqt li jikkontribwixxu għall-miri ambjentali li għandu pajjiżna biex jikseb in-newtralità tal-karbonju.

Il-konferenza kienet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ġiet indirizzata minn professjonisti u kelliema ewlenin fil-qasam.

PR231923

Meta laqa’ lis-Sindki tal-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex u lill-Presidenti Reġjonali fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern impenjat li jibqa’ jinvesti flimkien mal-Kunsilli Lokali fi proġetti ambjentali ġodda u ambizzjużi flimkien ma’ infrastruttura aqwa u servizz aħjar liċ-ċittadini fil-komunitajiet tagħna.

Fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru laqa’ lis-Sindki u lill-Presidenti tar-Reġjuni u saħaq magħhom li l-Kunsilli Lokali wkoll jieħdu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Sostna li d-deċiżjonijiet għandhom ikunu mibnija fuq bilanċ bejn l-interessi differenti fis-soċjetà u dak li naspiraw għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Il-pajjiż jeħtieġ l-esperjenza tal-Kunsilli Lokali li jwettqu l-ħolm għall-komunitajiet,” qal Dr Abela hu jfisser li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu l-protagonisti li jersqu ‘l quddiem b’ideat. Il-Prim Ministru saħaq, “Ressqu anki soluzzjonijiet li intom l-iktar li tgħixu l-ħajja tal-lokal kuljum, forsi tifhmuhom aħjar.”

Fil-Berġa ta’ Kastilja l-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jimbotta favur it-titjib tal-komunikazzjoni bejn entitajiet governattivi u l-Kunsilli Lokali. Sostna li din twassal għal riżultat aqwa fil-ħidma li tkun qed issir.

Il-Prim Ministru nnota li s-sena li ġejja l-Kunsilli Lokali se jgħaddu minn test elettorali. Kien hawn li rringrazzjahom tal-kontribut qawwi b’risq il-komunitajiet Maltin u Għawdxin u ħeġġiġhom biex ikomplu jsaħħu l-impenn għal-lokalitajiet.

PR231905

Prime Minister Robert Abela addresses the Commonwealth High-Level Side Event‘A Commonwealth Call to Action on Living Lands: Progressing from Adoption to Implementation – Launch of Implementation Framework’ on Sunday, 3rdDecember, during COP28 in Dubai, United Arab Emirates.