PR240734
30/04/2024
Waqt żjara fil-bini tal-Malta Business Registry fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ diversi entitajiet li joperaw minn din l-istess binja fosthom ir-Reġistru tan-Negożji nnifsu. Ir-Reġistru, jew inkella kif inhu magħruf aħjar bħala l-MBR, kien strumentali biex jiġu introdotti bidliet leġiżlattivi importanti li wasslu għal ġurisdizzjoni Maltija iktar robusta fuq livell internazzjonali.
Il-Prim Ministru Robert Abela ntwera s-sezzjoni tal-arkivji mill-Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas, li spjegat li l-ewwel reġistrazzjonijiet ta’ kumpaniji jmur lura għas-sittinijiet.
Fl-istess binja, il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll l-uffiċini ta’ Gaming Malta. Akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv Ivan Filletti, il-Prim Ministru ltaqa’ u tkellem ma’ diversi ħaddiema ġejjin minn kumpaniji differenti fl-oqsma tal-logħob diġitali u l-esports. Dawn joperaw minn spazju apposta fi ħdan Gaming Malta, magħruf bħala Basecamp.
F’dan l-ispazju, kumpanija minn Liverpool bl-isem ta’ Draw&Code tiffaċilita r-riċerka u l-iżvilupp fl-immersive technologies. L-opportunitajiet f’dan il-qasam huma saħansitra offruti wkoll lill-istudenti Universitarji Maltin f’dan l-istess spazju, li bħalissa qed jistudjaw il-Video Game Development.
Teknoloġiji emerġenti oħra kienu diskussa mat-tmexxija ta’ Tech.mt, bil-Kap Eżekuttiv Wayne Grixti jispjega kif il-fondazzjoni qed tassisti numru ta’ kumpaniji lokali biex jespandu ’l bogħod minn xtutna u jippromwovu l-ekosistema teknoloġika Maltija.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru nnota kif is-sinerġija bejn entitajiet ewlenin fil-qasam ekonomiku hija l-bażi ta’ ekosistema b’saħħitha li qed tħalli r-riżultati. Din l-istess sinerġija li flimkien ma’ ħidma f’oqsma oħra qed twassal biex pajjiżna jkompli jirreġistra tkabbir ekonomiku u jibqa’ jgawdi minn prosperità kontinwa.
Fl-istess binja fiż-Żejtun, il-Prim Ministru żar ukoll Finance Malta, biċ-Chairman George Vella jitkellem dwar ħidmet l-entità fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Spjega li Finance Malta tiffaċilita l-kollaborazzjoni u t-tkabbir għall-istakeholders fl-industrija permezz t’attivitajiet u inizjattivi varji li lkoll jippromwovu lil Malta bħala hub finanzjarju.
Fl-uffiċini tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta, l-MTCA, il-Kummissarju Joseph Caruana tkellem dwar ir-riforma li bdiet fl-2023, fejn dak li kien magħruf bħala l-Uffiċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, inbidel fl-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta. Ġie spjegat li r-riforma diġà qed tħalli l-frott tagħha hekk kif l-MTCA qed tgawdi minn investimenti fit-teknoloġija, investimenti u żieda f’nies tekniċi, tiġdid u mmodernizzar kontiwu fil-proċessi interni u anke investiment fl-uffiċini u l-binjiet tal-entità.
Dan l-impenn qed iwassal biex ikun aktar faċli għall-individwi u l-kumpaniji biex jagħmlu l-pagamenti tagħhom fil-ħin u għall-amministrazzjoni stess biex tiġbor id-dħul kollu dovut lill-gvern.
Dr Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.