Month: September 2025

PR251673

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħat mal-istudenti waqt Freshers’ Week fil-Junior College u l-Università ta’ Malta

F’laqgħat maż-żgħażagħ waqt Freshers’ Week għal din is-sena akkademika fil-Kulleġġ Ġ.F. Abela, il-Junior College u fl-Università ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-istudenti għandhom ikomplu jistudjaw ħalli jkomplu jimxu ’l quddiem u dan il-Gvern se jkun spalla magħhom biex jilħqu l-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-Prim Ministru qal li l-istipendji qegħdin hemm biex jibqgħu u jgħinu lill-istudenti.

“Aħna l-Gvern li rduppjajna l-istipendji. Qed nagħtu d-doppju bħala stipendju kemm kien jagħti ħaddieħor. Illum ninvestu iktar minn €40 miljun,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela li takkumpanjah kien hemm martu Dr Lydia Abela, fejn iltaqgħu ma’ bosta żgħażagħ u tkellmu magħhom fuq diversi temi.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-Gvern irid jibqa’ jagħti l-aqwa għaż-żgħażagħ u l-familji tagħhom tul vjaġġ edukattiv li jmur lil hinn mill-edukazzjoni obbligatorja. F’pajjiżna r-rata ta’ early-school leavers niżlet għal taħt l-10% u pajjiżna jrid ikompli jnaqqas din ir-rata. L-għ­otja ta’ €500 kull sena għ­al tliet snin, jiġifieri massimu ta’ €1,500 kompliet tgħ­in lill-ġenituri u wliedhom li baqgħ­u jistudjaw. Din is-sena qed jiġu megħjuna b’din l-għotja ftit aktar minn 12,000 ġenitur li jirrappreżentaw kważi 14,000 student b’investiment ta’ €7 miljun favur l-aqwa g­ħal uliedna li qed ikomplu jistudjaw.

F’diskussjonijiet miftuħa maż-żgħażagħ kemm fil-Junior College u anki fl-Università, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-ħtieġa li l-attiviżmu fost iż-żgħażagħ ikompli jimbotta ideat importanti biex inkomplu nagħmlu lil pajjiżna aħjar. Hawn irrimarka għall-Youth Advisory Forum, li beda t-tieni terminu tiegħu u li jservi bħala Kabinett taż-żgħażagħ fejn l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskuti temi importanti maż-żgħażagħ.

Waqt Freshers’ Week il-Prim Ministru Robert Abela, li flimkien miegħu kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żar l-istands, fosthom t’għaqdiet studenteski. Din is-sena akkademika ġdida qed tara madwar 5,200 student fl-Università ta’ Malta, b’2,100 minnhom se jkunu qed jistudjaw f’kors postgradwatorju. Fil-Junior College hemm mal-2,100 student jistudjaw, b’nofshom huma student ġodda.

PR251664

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza t-80 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed titlaqqa’ fi New York. Id-diskors mehmuż qed ikun ippubblikat.

PR251654

Malta pparteċipat ukoll f’laqgħat oħra li saru matul il-jum tal-Ġimgħa fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, li ffukaw fuq it-tibdil fil-klima u ż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-Ukrajna skont il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment. Dan hekk kif indirizza l-ħames Summit tal-Crimea Platform fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, liema laqgħa kienet ippreseduta mill-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Fir-rimarki tiegħu, il-Prim Ministru Abela enfasizza li ħdax-il sena mill-annessjoni furzata tagħha, il-Federazzjoni Russa qed tkompli tasserixxi l-okkupazzjoni illeġittima tagħha tal-Krimea u Sevastopol, bi ksur dirett tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa saħaq li jingħataw lura t-territorji meħuda, mhux biss huwa essenzjali għall-Ukrajna nnifisha, iżda wkoll pass kruċjali lejn l-istabbiliment ta’ paċi ġusta, wiesgħa, u dejjiema.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà mar-residenti Ukreni taħt l-okkupazzjoni Russa fil-Krimea, u kkundanna t-tentattivi sistematiċi ta’ Moska biex tħassar l-identità u l-istil ta’ ħajja nazzjonali tal-Ukrajna. Huwa nnota li l-azzjonijiet tar-Russja, inkluż l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza, l-ikkontrollar bil-militar u l-intimidazzjoni, huma mmirati biex jibdlu b’mod permanenti n-nisġa demografika u kulturali tal-Krimea.

Huwa tkellem wkoll dwar id-deportazzjoni illegali ta’ tfal Ukreni mill-Krimea – azzjonijiet maħsuba biex jbiddlu l-identità u ċ-ċittadinanza tat-tfal.

Meta tkellem f’isem pajjiżna, bħala l-President attwali tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru enfasizza d-determinazzjoni tal-Gvern li jipprijoritizza l-protezzjoni tat-tfal milquta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Huwa saħaq li Malta se tkompli tappella għar-ritorn sigur tat-tfal Ukreni kollha spostati bil-forza minn art twelidhom.

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-integrazzjoni mill-ġdid bi dritt tal-Krimea bħala parti mill-Ukrajna mhix negozjabbli, u appella lill-Federazzjoni Russa biex immedjatament treġġa’ l-okkupazzjoni illegali tagħha tal-Krimea flimkien mat-territorji ta’ Donetsk, Luhansk, Kherson, u Zaporizhzhia.

Is-Summit għalaq l-adozzjoni ‘Tad-Dikjarazzjoni ta’ New York’, li fiha l-parteċipanti qablu li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi, legali, u umanitarji biex itemmu l-okkupazzjoni illegali tar-Russja u biex jiżguraw li jkun hemm rendikont għall-ksur tagħha tad-dritt internazzjonali.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll is-Summit tal-World Programme Action for Youth fejn saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar żgħażagħ fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet.

Tkellem fuq kif meta ż-żgħażagħ jingħataw spazju veru jkunu huma li joħorġu bis-soluzzjonijiet. Hawnhekk irrefera għall-Youth Advisory Forum li nħatar f’Malta u qed iservi ta’ Kabinett taż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru ta l-kelma lil Chloe Cauchi, avukat Maltija li qed isservi bħala Youth Delegate ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda. Hija saħqet fuq l-investiment fl-edukazzjoni u fix-xogħol diċenti, il-ħarsien tad-drittijiet taż-żgħażagħ, is-saħħa mentali u l-aċċess għal għodod diġitali bħala temi li n-Nazzjonijiet Magħquda għandha tqiegħed fuq quddiem nett fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-ħolqien tal-programm Action for Youth. Indirizza dan l-avveniment ukoll il-Kummissarju Ewropew f’isem pajjiżna, Glenn Micallef – dan fl-isfond tal-portafoll tiegħu li jkopri ż-żgħażagħ.

F’summit separat, li din id-darba kien organizzat minn pajjiżna bi sħab ma’ pajjiżi oħra, ġiet trattata t-tema tal-għoli fil-livelli tal-baħar – kawża tat-tibdil fil-klima.

Il-Prim Ministru fakkar kif it-tibdil fil-klima hija problema serja għall-pajjiżi li għandhom żoni qrib jew taħt tal-livell tal-baħar.

“F’pajjiżna għandna sistemi u studji li diġà qed isiru biex isir monitoraġġ ta’ żoni simili. Huwa importanti li nibqgħu nsegwu mill-qrib l-azzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, filwaqt li nqassmu l-esperjenza li għandha Malta biex ngħinu lil pajjiżi oħra”, temm jgħid Dr Abela.

PR251644

Ikomplu l-impenji diplomatiċi u ħidma oħra fl-isfond tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Fil-jiem ta’ wara d-diskors storiku li permezz tiegħu Malta rrikonoxxiet l-istat Palestinjan, il-ħidma tad-delegazzjoni Maltija kompliet b’għadd ta’ laqgħat u kontribut f’Summits fuq temi pertinenti fid-diplomazija internazzjonali.

F’laqgħa tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta favur l-ugwaljanza, b’enfasi fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ LGBTIQ. Huwa saħaq li filwaqt li l-Karta tan-NU twiegħed drittijiet għal kulħadd, hawn żgħażagħ li għadhom jaffaċċjaw l-esklużjoni u l-bullying minħabba l-ġeneru tagħhom. Filwaqt li enfasizza r-riformi ta’ Malta riżultat ta’ edukazzjoni inklużiva, inizjattivi fil-komunitajiet, u l-ħolqien ta’ spazji sikuri, spjega li xorta waħda jibqgħu sfidi x’negħlbu, bħad-diskors ta’ mibegħda online, l-aċċess għas-saħħa mentali. Huwa għalaq billi ħeġġeġ azzjoni kollettiva għall-futur fejn kull żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità u kburija.

Il-Prim Ministru indirizza wkoll is-Summit ‘Sustainable, Inclusive and Resilient Global Economy’ fejn tkellem dwar is-self għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex dan jsir iktar aċċessibbli, b’sostenibbilità. “Quddiem realtà fejn f’pajjiżna s-sitwazzjoni tal-familji tagħna qed titjieb – ir-responsabbiltà tagħna biex nitkellmu f’isem iż-żgħir u l-batut tibqa’,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru sostna wkoll dwar il-bżonn li din l-għajnuna tinżel għand in-nies u jkollha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

F’laqgħa oħra din id-darba fl-Ambaxxata Maltija fi New York il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-kumpanija globali Amazon. Id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Viċi Presidnet ta’ Amazon Susan Pointer, u d-Direttur ta’ Amazon Web Service Franco Spicciariello. Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mil-Kap tas-Segretarjat, il-Kurunell Mark Mallia.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Viżjoni Malta 2050 qed tqajjem interess ġdid f’Malta. “Permezz tal-opportunitajiet li tista’ toħloq din il-Viżjoni fit-tul għal pajjiżna, nistgħu naraw kumpaniji ta’ dan it-tip jersqu eqreb lejn l-ekosistema ta’ negozju u teknoloġija f’Malta.”

Amazon, permezz tad-diviżjoni tal-cloud tagħha Amazon Web Services (AWS), esprimiet interess qawwi li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Malta. L-AWS diġà taqdi numru ta’ klijenti lokalment u tagħraf il-progress sinifikanti ta’ Malta fl-innovazzjoni diġitali u teknoloġika. Il-kumpanija tkellemet dwar il-programmi tagħha b’appoġġ lil startups u l-ħiliet diġitali bħala oqsma li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju akbar għal Malta. Ir-rappreżentanti ta’ Amazon qalu wkoll kif il-Viżjoni ta’ Malta 2050 tallinja mal-istrateġija fit-tul tal-AWS u kif ambjent regolatorju sod jista’ jservi ta’ għall-attrazzjoni u t-tkabbir tal-investiment.

PR251639

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa kostruttiva mal-President tal-Kunsill Ewropew António Costa fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fi New York.

Id-diskussjonijiet iffokaw fuq kif l-Unjoni Ewropea (UE) tista’ tagħti benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini Maltin, b’enfasi fuq il-baġit li jmiss tal-UE, l-azzjoni klimatika, u l-kompetittività tal-Ewropa f’kuntest globali li qed isir dejjem aktar diffiċli. Iż-żewġ naħat enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li l-istati membri kollha jkollhom sehem ugwali fil-progress u fl-opportunitajiet tal-UE.

Il-Prim Ministru saħaq fuq l-impenn ta’ Malta li tassigura li l-vantaġġi tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE jimpattaw b’mod pożittiv lil kull ċittadin. Fosthom permezz ta’ opportunitajiet ekonomiċi ġodda, rabtiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi u reġjuni oħrajn, u b’ħolqien ta’ UE li tkun ġusta, sostenibbli, u li tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-poplu tagħha.

“Malta determinata li jkollha rwol attiv fit-tfassil tal-aġenda Ewropea,” qal il-Prim Ministru wara l-laqgħa. “Irridu naraw Unjoni li tappoġġja l-kompetittività tagħna, tinvesti fil-poplu tagħna, u tmexxi ’l quddiem azzjoni tanġibbli dwar il-klima. Fuq kollox, irridu li l-UE tkompli tagħti benefiċċji tanġibbli għal kull ċittadin Malti.”

Il-President Costa u l-Prim Ministru Abela tennew l-impenn tagħhom għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, b’mod partikolari hekk kif l-UE qed tħejji għaċ-ċiklu tal-budget li jmiss, u tavvanza l-istrateġiji dwar il-klima u l-kompetittività. It-tnejn qablu dwar il-ħtieġa ta’ politika ambizzjuża iżda ġusta u li ma tħalli l-ebda stat membru lura.

Il-laqgħa kienet tifforma parti mill-impenn diplomatiku ta’ Malta waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fejn qed jiġu diskussi, b’mod attiv, prijoritajiet globali u reġjonali.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia, u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kordinazzjoni tal-UE Leandro Borg.