Month: September 2025

PR251539

“Il-Gvern kommess li jkompli jibni ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha, reżiljenti u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li tippreserva l-identità Għawdxija.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-imsieħba Għawdxin. Huwa ddiskuta mal-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex numru ta’ temi li huma ta’ prijorità, kif ukoll dwar kif jistgħu jkomplu jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi ta’ din il-gżira.

Il-membri tal-Kumitat ippreżentaw lill-Gvern numru ta’ proposti msejsa fuq pilastri prinċipali li jinkludu l-aċċessibbiltà u l-konnettività, id-diversifikazzjoni ekonomika u d-diġitalizzazzjoni, il-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħaddiema Għawdxin, il-ġid tal-impjegati fi ħdan l-intrapriżi Għawdxin u l-proprjetà u l-wirt kulturali.

Matul id-diskussjoni l-Prim Ministru Abela rrefera għall-andament ekonomiku li qed jiġi reġistrat fil-gżira Għawdxija, b’enfasi fuq żewġ indikaturi prinċipali, dak tal-impjiegi kif ukoll dak tat-turiżmu. Huwa semma kif filwaqt li sal-2013 f’Għawdex kien hemm kważi 750 persuna jirreġistraw għax-xogħol, illum din iċ-ċifra naqset drastikament għal ftit aktar minn 50 persuna. Għaldaqstant il-Prim Ministru saħaq fuq l-impenn li l-Gvern għandu biex fix-xhur u s-snin li ġejjin ikompli jmexxi ’l quddiem inizjattivi u miżuri li jsaħħu r-riżorsa umana f’Għawdex billi jkompli jtejjeb u jibni fuq inizjattivi li jattiraw aktar ħaddiema ta’ valur għoli u start-ups, kif ukoll billi jkompli jinvesti sabiex jitjiebu l-ħiliet tal-ħaddiema eżistenti.

Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-investiment li qed isir fi skejjel ġodda, filwaqt li tenna kif għal Għawdex irridu spazji miftuħa u ħodor fil-qalba tal-komunità. F’dan ir-rigward semma kif il-Gvern għandu sensiela ta’ proġetti, flimkien ma’ proġetti oħra taħt il-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Urban, li minnu Għawdex se jgawdi minn investiment ta’ €60 miljun.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-turiżmu l-Prim Ministru Abela nnota kif is-settur turistiku jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Għawdxija. Huwa żied jgħid li sat-tieni kwart ta’ din is-sena n-numru ta’ dawk li qagħdu f’lukandi Għawdxin żdied b’23%, filwaqt li n-numru ta’ iljieli kibru bi 17%. Dan ifisser li l-gżira Għawdxija qed tirreġistra attività turistika akbar minn dik irreġistrata f’Malta.

F’dan ir-rigward il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jara li jkompli jevolvi mudell ekonomiku sostenibbli anke għal Għawdex. Hawnhekk irrefera għall-Viżjoni Malta 2050 kif ukoll għall-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi li t-tnejn li huma qed jagħtu stampa konkreta tal-viżjoni sostenibbli li l-Gvern għandu għall-ekonomija Għawdxija aktar b’saħħitha, reżiljenti u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u li fl-istess waqt tippreserva l-identità Għawdxija. Il-Prim Ministru Abela saħaq ukoll kif il-konnettività fiżika kif ukoll dik diġitali jibqgħu elementi kruċjali biex jattiraw lejn Għawdex attività ta’ valur miżjud dejjem aqwa.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Anton Refalo, Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Clyde Caruana, u Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat Abigail Camilleri, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR251538

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat, Għawdex. Dan il-padiljun se joffri faċilitajiet sportivi u akkwatiċi fuq ġewwa ta’ kwalità għolja għall-użu lokali, nazzjonali u internazzjonali. Il-proġett, li jinsab strateġikament fil-qalba tar-Rabat Għawdex, jinkludi numru ta’ faċilitajiet li joffru firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi, minn pixxina ta’ daqs Olimpiku sa spazji speċjalizzati u żoni oħrajn t’attività fiżika.

Wara spettaklu sabiħ ta’ żfin sinkronizzat li ttella’ waqt l-inawgurazzjoni, f’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bit-tlestija ta’ dan il-proġett f’Għawdex fetħu l-bibien għall-avvenimenti sportivi internazzjonali. Huwa żied jgħid li dan huwa proġett li se jagħti valur addizzjonali lill-gżira Għawdxija.

Il-Prim Ministru tenna kif dan hu wieħed minn kullana ta’ proġetti li qed jittrasformaw lill-gżira Għawdxija u li qed isaħħu l-aspett komunitarju u soċjali li tant hu importanti sabiex tinżamm l-identità Għawdxija, identità li tagħmel Għawdex tassew gżira ta’ villaġġi. “Dan huwa t-tip t’investiment li jifforma l-bażi tal-istrateġija reġjonali għal Għawdex, li l-Gvern nieda u li issa qed jimplimenta,” saħaq il-Prim Ministru.

Dr Abela sostna, “Bħala Gvern se nibqgħu ninvestu kif għamilna f’dawn l-aħħar snin għaliex għalina Għawdex huwa parti miċ-ċentru tal-impenn tagħna fit-twettiq tal-ġid. B’hekk Għawdex isir il-mutur tal-prosperità ġdida ta’ pajjiżna.” Il-Prim Ministru Robert Abela elenka wkoll il-proġetti u investimenti ta’ kwalità li qed isiru f’Għawdex. F’dan il-kuntest semma l-binja tal-iskola ġdida primarja tar-Rabat, ix-xogħol li għaddej fit-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn u l-proġett tal-mużew tar-Rabat Għawdex fejn ix-xogħol ukoll miexi ġmielu.

Il-Prim Ministru fisser ukoll li l-Gvern qed jipprepara sabiex iniedi numru ta’ proġetti oħra taħt il-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Urban. Spjega kif minn dan il-fond, Għawdex se jgawdi minn investiment ta’ €60 miljun. “Dan huwa investiment ieħor li se jissarraf f’diversi proġetti fosthom spazji urbani ħodor li jinkludu l-parkeġġ taħt l-art fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex u l-estensjoni mal-ġnien tal-Villa Rundle,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri. Il-Ministru stqarr li llum kienet ġurnata storika għall-gżira Għawdxija bl-inawgurazzjoni tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku, l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Għawdex li jinkludi mhux biss l-ewwel pixxina ta’ daqs Olimpiku fil-gżira iżda joffri faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali taħt saqaf wieħed. Camilleri spjega li dan il-proġett jirrappreżenta l-qalba ta’ viżjoni ċara u konkreta għall-iżvilupp sportiv f’Għawdex.

“Bil-fatti qegħdin inpoġġu fuq il-mappa Ewropea lil Għawdex bħala destinazzjoni sportiva li toffri l-aqwa faċilitajiet sportivi bi standards internazzjonali. Għal snin twal il-pixxina kienet biss wegħda fuq il-karta, iżda llum saret realtà grazzi għal Gvern li jwettaq dak li jwiegħed,” qal il-Ministru Camilleri. Il-Ministru Camilleri elenka l-ħidma li saret biex twettaq dan il-proġett u żied jgħid li dan il-padiljun se jkun kruċjali mhux biss għall-iżvilupp tal-isport fil-gżira, iżda wkoll għat-tkabbir tat-turiżmu sportiv, l-organizzazzjoni ta’ logħob internazzjonali u t-tkattir ta’ opportunitajiet għal atleti Għawdxin ta’ kull età.

F’dan il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku, apparti l-isport tal-għawm, atleti u sportivi jistgħu jipprattikaw ukoll dixxiplini oħrajn fosthom il-basketball, il-volleyball, in-netball, il-badminton, il-handball, il-padel u l-isquash. Barra minn hekk, il-binja għandha ukoll sala mibnija apposta għall-ġinnastika, l-iżfin, it-table tennis u l-arti marzjali.

PR251528

Nhar il-Ħadd, 7 ta’ Settembru, ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma ħolistika fil-qasam tal-ippjanar. Dan wara erba’ ġimgħat ta’ konsultazzjoni miftuħa u li laħqet lil bosta individwi u setturi tas-soċjetà li semmgħu leħinhom dwar żewġ Abbozzi ta’ Liġi u żewġ Abbozzi ta’ Avviżi Legali li l-Gvern ressaq għad-diskussjoni u li permezz tagħhom irid iwettaq riforma favur ippjanar sensibbli u responsabbli.

Permezz tas-sistema diġitali li tilqa’ s-sottomissjonijiet, daħlu iktar minn 1500 sottomissjoni mill-pubbliku u għaqdiet varji. Dan fl-istess ħin li kienet għaddejja kampanja ta’ informazzjoni dwar ir-riformi proposti.

F’dawn l-aħħar ġimgħat ukoll, Kumitat tal-Kabinett li twaqqaf biex jgħarbel u janalizza l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, kellu  għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni diretta  ma’ għaqdiet ambjentali u organizzazzjonijiet oħrajn sabiex isaħħaħ l-abbozzi mressqa quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.

Is-sottomissjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika issa ser ikomplu jiġu mgħarbla mill-Kumitat tal-Kabinett li huwa mmexxi mill-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia. Il-kumitat hu kompost mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Owen Bonnici, Clint Camilleri, Miriam Dalli u Jonathan Attard, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg huwa osservatur.

Permezz ta’ din ir-riforma, il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadin fosthom bil-bidla fil-proċess tal-appelli li biha żvilupp jiġi sospiż sakemm tingħata deċiżjoni fi stadju t’appell b’termini stipulati ta’ żmien. L-Abbozzi proposti jindirizzaw ukoll il-ħtieġa li l-pajjiż jibda paġna ġdida u biex min tħalla jiżbalja fil passat iħallas t’għemilu u jagħti lura kumpens lill-pajjiż. Il-Gvern huwa kommess li jwettaq din ir-riforma meħtieġa li ġġib ġustizzja fis-settur permezz ta’ bidliet ħolistiċi favur dixxiplina, ċarezza u ċertezza fil-qasam tal-ippjanar.

Wara l-analiżi tas-sottomissjonijiet imressqa waqt il-konsultazzjoni pubblika issa d-diskussjoni mistennija titkompla fil-Kamra tar-Rappreżentanti – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

PR251529

Fl-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ sieħeb soċjali bi tħejjija għall-Budget 2026, il-Prim Ministru Robert Abela rriaferma l-impenn politiku tal-Gvern li jkompli jinċentiva u jgħin lin-negozji, fosthom żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Fil-Berġa ta’ Kastilja f’laqgħa mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru qal li l-Gvern impenjat li jwettaq wegħda elettorali dwar it-tnaqqis fit-taxxa tal-kumpaniji matul din il-leġislatura. Qal li għal sena oħra l-Gvern se jżomm l-għajnuna kbira fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri s-sussidji fil-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fuels li taw nifs lill-familji u n-negozji fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.

Il-Prim Ministru spjega li għal darb’oħra, il-Gvern se jressaq Budget ieħor b’saħħtu li jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan permezz ta’ miżuri strateġiċi li jappoġġjaw b’mod ħolistiku lin-negozji, li jgħinu biex tkompli tiġi kkultivata ekosistema ta’ negozji aktar attraenti u li jħeġġu investiment dejjem aktar sostenibbli u innovattiv.

Waqt din il-laqgħa ġew diskussi l-proposti ppreżentati mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, ilkoll imsejsa fuq ħames pilastri li jinkludu t-taxxi u l-finanzi, il-governanza, il-qalba diġitali u ambjentali, l-enerġija u t-trasport. Filwaqt li rringrazzja lill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji għall-proposti tagħhom, il-Prim Ministru wera sodisfazzjon li ħafna minn dawn il-proposti huma konformi mal-Viżjoni Malta 2050. Huwa żied jgħid li fuq bosta proposti li ġew ippreżentati diġà hemm inizjattivi li l-Gvern qed iħares li jkompli jsaħħaħ u jmexxi ’l quddiem.

Dr Abela qal, “Bħala Gvern qed nibqgħu nħarsu lejn ħolqien ta’ karrieri aktar milli sempliċiment impjiegi. It-tragward tal-ħolqien tax-xogħol issa ilna li lħaqnieh u biex insostnuh irridu issa aktar karrieri ta’ kwalità li jgħinu wkoll lil min joħloq ix-xogħol f’dan il-pajjiż.” Huwa żied jgħid li l-Gvern qed iħares li jkompli jtejjeb l-iskemi offruti minn diversi entitajiet pubbliċi biex jiġu attirati aktar ħaddiema ta’ kwalità u aktar start-ups. Dan filwaqt li jkompli jgħin biex jissaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema.

F’kuntest li għall-Gvern, in-negozji żgħar u medji huma wkoll mutur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, il-Prim Ministru assigura li l-Gvern se jkompli jkun vuċi soda favur kompetittività ekwa kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali. Filwaqt li se jkompli jkun ta’ sostenn biex negozji żgħar u medji jkomplu jkunu megħjuna sabiex fost l-oħrajn, jimplimentaw qalbiet diġitali u ambjentali, anke permezz tal-użu ta’ fondi Ewropej.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, id-Deputat Cressida Galea u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR251516

Issalvagwardjati l-interessi tar-residenti fi proġett ta’ riklamazzjoni tal-art li jista’ jkun eżempju għal proġetti oħra simili f’pajjiżna

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonnet żaru l-Port il-Ħieles hekk kif ix-xogħlijiet fuq l-espansjoni tat-terminal jinsabu f’fażi avvanzata.

B’investiment kapitali ta’ madwar €56 miljun, dan il-proġett se jwassal għal riklamazzjoni ta’ 30,000 metru kwadru t’art mill-baħar. Dan ifisser li l-moll tat-Tramuntana fit-tieni terminal se jiġi estiż b’176 metru, filwaqt li l-moll tal-punent se jkun estiż b’195 metru. Dan it-twessigħ infrastrutturali se tkun qed isaħħaħ il-kapaċità tal-Port il-Ħieles biex jimmaniġġja containerships li huma itwal minn erba’ grawnds tal-futbol u li jġorru 23,000 kontejner.

Sal-lum il-Port Ħieles joffri servizzi lil aktar minn 110 port madwar id-dinja li aktar minn 50 minnhom jinsabu fil-Mediterran. Il-faċilità tieħu ħsieb kważi tliet miljun kontejner TEU fis-sena, tipprovdi impjieg dirett għal aktar minn 1,500 persuna u tikkontribwixxi €170 miljun għall-ekonomija ta’ Malta. It-twessigħ u t-titjib fl-infrastruttura marittima fil-Port il-Ħieles se jwasslu sabiex jinħolqu madwar 165 impjieg ġdid.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li nkomplu ninvestu u nsaħħu infrastruttura marittima. Qal li dan il-proġett strateġiku se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru tat-trażbord fil-Mediterran. Huwa nnota b’sodisfazzjon, kif apparti mill-importanza tal-Port il-Ħieles għall-konnettività u l-ekonomija ta’ Malta, il-Korporazzjoni Malta Freeport qiegħda tara wkoll li r-residenti ta’ Birżebbuġa jibbenefikaw ladarba jitlesta dan il-proġett. Dan għaliex hekk kif jibda jiġi operat dan it-terminal, bastimenti merkantili se jibdew isorġu iżjed ’il barra, fejn krejnijiet li jerfgħu l-kontejners jkunu iżjed ’il barra b’inqas ħoss u inkonvenjent għan-nies ta’ Birżebbuġa. Il-Prim Ministru żied jgħid li dan it-tip t’investiment huwa allinjat mal-Viżjoni ta’ pajjiżna għall-2050. Il-proġett tal-Freeport huwa fil-fatt eżempju ta’ proġetti oħrajn ta’ riklamazzjoni tal-art li jistgħu jitwettqu f’pajjiżna u li talludi għalihom il-Viżjoni Malta 2050.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, wera sodisfazzjon għall-progress li sar, hekk kif s’issa tlestew madwar nofs ix-xogħlijiet meħtieġa. Huwa qal dan il-proġett ta’ riklamazzjoni tal-art ippreżenta sfidi kbar, iżda grazzi għad-dedikazzjoni u l-professjonalità ta’ dawk kollha li qed jaħdmu fuq il-proġett ġew megħluba numru ta’ sfidi reali li jġib miegħu proġett ta’ riklamazzjoni t’art mill-baħar.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministri Schembri u Bonett ġew murija wkoll is-simulatur tal-krejn. Dan is-simulatur mill-aktar avvanzat se jkun qed jipprovdi taħriġ sigur għar-rekluti ġodda kif ukoll għall-ħaddiema attwali.