Month: September 2025

PR251508

Aktar fiduċja f’pajjiżna b’investiment li joħloq karrieri ta’ kwalità inkluż professjonisti fil-finanzi u t-teknoloġija, bdoti u inġiniera

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, inawguraw 700 metru kwadru t’uffiċini ġodda tal-kumpanija Ryanair f’Malta.

Dawn l-uffiċini jirrappreżentaw investiment ieħor minn din il-kumpanija f’pajjiżna. Permezz ta’ dan l-investiment, Ryanair se tkun qed toħloq 70 impjieg ġdid ta’ livell għoli. B’hekk issa se jkollha stazzjonati f’Malta aktar minn 500 professjonist speċjalizzati fuq il-finanzi, is-sikurezza, u r-riżorsi umani flimkien ma’ piloti, ekwipaġġ tal-kabina, u inġiniera.

Il-Prim Ministru rrimarka li Ryanair saret waħda mill-imsieħba ewlenin ta’ pajjiżna fil-qasam tal-avjazzjoni. Huwa żied jgħid li dan l-investiment huwa “simbolu ta’ fiduċja fir-riżorsa umana f’pajjiżna, kif ukoll fl-ekonomija, u fil-futur tagħna.”

Permezz tal-Malta Air, Lauda, u l-kumpaniji assoċjati magħha, Fravel u AFL, Ryanair stabbiliet f’Malta ċentru għall-operat, taħriġ, kiri tal-ajruplani, u manutenzjoni. Sal-lum, din il-linja tal-ajru għandha tmien ajruplani bbażati lokalment u 190 ajruplan irreġistrati fir-reġistru Malti. Barra minn hekk, fl-2022 Ryanair nediet ukoll proġett b’investiment ta’ €20 miljun fil-manutenzjoni, it-tiswija, u t-tiġdid tal-ajruplani (MRO), liema proġett mistenni jiġġenera 250 impjieg u jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru mhux biss għall-konnettività bl-ajru, iżda wkoll għall-inġinerija u l-innovazzjoni.

Il-Prim Ministru żied jgħid li dan l-investiment mill-kumpanija Ryanair huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050. Dan hekk kif din il-Viżjoni nazzjonali qed tħares lejn l-avjazzjoni bħala settur li għandu rwol kruċjali għat-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru sostna li “l-avjazzjoni mhix biss mezz ta’ trasport jew settur li qed jgħin biss għat-tkabbir tar-reġistru tal-ajruplani, iżda wkoll settur ekonomiku ewlieni li joħloq karrieri u opportunitajiet ta’ kwalità għolja.” Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern se jkompli jadotta approċċ favur in-negozju, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-avjazzjoni billi jinvesti f’faċilitajiet u servizzi speċjalizzati.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpaniji Malta Air u Lauda Europe, David O’Brien qal li dawn l-uffiċini ġodda ta’ Ryanair f’Malta jimmarkaw pass ieħor importanti fl-investiment fit-tul ta’ din il-kumpanija f’Malta. Huwa żied jgħid li “Ryanair qed tħares li tkompli tinvesti f’diversi niċeċ tal-avjazzjoni f’ Malta, b’hekk tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru t’eċċellenza fl-avjazzjoni.”

Illum, is-settur tal-avjazzjoni jikkontribwixxi madwar €600 miljun fis-sena għall-ekonomija ta’ Malta, filwaqt li jsostni eluf ta’ impjiegi, u jġorr miljuni tal-passiġġieri.

PR251501

Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Times of Malta għas-snin twal ta’ servizz ġurnalistiku li taw lil pajjiżna, waqt li kien qed jindirizza Business Breakfast organizzat mill-istess organizzazzjoni f’għeluq id-90 sena mit-twaqqif tagħhom.

Waqt dan l-avveniment, il-Prim Ministru nnota li x-xenarju tal-midja tal-lum huwa msawwar minn sfidi fejn il-fatti jiġu mistoqsija, id-diżinformazzjoni tinfirex b’mod mgħaġġel, filwaqt li l-ġurnaliżmu qed jiffaċċja pressjonijiet kemm ekonomiċi kif ukoll diġitali. Madankollu, huwa enfasizza l-fatt li l-istorja turina li ġurnaliżmu ta’ kwalità jibqa’ dejjem kruċjali għad-demokrazija fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru rriafferma l-impenn kontinwu tal-Gvern li jara li l-ġurnaliżmu jkompli jissaħħaħ. Huwa rrefera għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-midja, liema riforma tipprijoritizza l-protezzjoni tal-ġurnalisti, t-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni, u l-ħarsien tal-integrità professjonali. Permezz ta’ din ir-riforma l-Gvern għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas legali billi jħares kemm il-libertà ġurnalistika kif ukoll id-dinjità tal-bniedem. Hawn semma kif il-Gvern mhux jara li jintroduċi l-libell kriminali, li kienet din l-amministrazzjoni li neħħietu iżda hemm diskussjoni li għandha tkun aktar fl-ambitu legali ċivili. Dr Abela sostna li l-liġi ċivili tagħna trid tkompli toffri protezzjoni lil dawk il-ġurnalisti ta’ rieda tajba u rimedju proċedurali u kompensatorju effettiv lil dawk li huma vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif il-Gvern mexxa wkoll ’il quddiem tliet proposti leġiżlattivi biex jiġi żgurat li l-libertà tal-istampa tkun minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll biex jissaħħu d-drittijiet tal-privatezza, u biex il-ġurnalisti jingħataw salvagwardji aktar b’saħħithom kontra l-intimidazzjoni. Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ttraspona l-leġiżlazzjoni Anti-SLAPP, u assigura li kawżi vessatorji ma jintużawx biex isikktu rappurtaġġ fl-interess pubbliku.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-passi prattiċi li ttieħdu biex titjieb is-sigurtà tal-ġurnalisti, fosthom protokolli ġodda biex il-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà jirrispondu malajr u b’mod effettiv għat-theddid. Huwa semma’ kif il-Gvern irrikonoxxa wkoll il-pressjonijiet finanzjarji li qed jiffaċċjaw il-kmamar tal-aħbarijiet, tant hu hekk li pprovda appoġġ fi żminijiet ta’ sfida billi taffa l-effetti tal-pandemija kif ukoll billi assista lill-gazzetti stampati milquta mill-għoli fil-prezz tal-karta.

Hekk kif it-Times of Malta ċċelebrat dan il-vjaġġ ta’ ħidma, il-Prim Ministru Abela appella għal impenn kollettiv u sostnut mill-Gvern, il-midja, u ċ-ċittadini biex ilkoll flimkien jiżguraw li l-ġurnaliżmu f’Malta jkompli jkun vibranti.

PR251500

Il-bini ta’ Ċentru tal-Konvenzjonijiet nazzjonali ser jiżgura li Malta tilqa’ għadd ġdid ta’ avvenimenti ta’ kwalità fil-futur

Il-Prim Ministru Robert Abela llum żar is-SiGMA-EuroMed expo, ġewwa l-Malta Maritime Hub. Huwa ntlaqa’ mill-fundatur ta’ SiGMA Eman Pulis filwaqt li żar lill-eżebituri u ra l-aħħar innovazzjonijiet fil-qasam tal-gaming u t-teknoloġija.


Għal darb’oħra, Malta qed tospita wieħed mill-expos ewlenin ta’ SiGMA. Din l-edizzjoni attirat aktar minn 400 sponsor u esibitur, u madwar 12,000 delegat, inkluż 400 kelliem espert minn madwar id-dinja.

SiGMA bdiet bħala start-up, madankollu llum, hija intrapriża globali, b’isem rinomat fis-settur tal-gaming u t-teknoloġija, tant li saret wieħed min-negozji Maltin li għamlu suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. L-uffiċini li din il-kumpanija għandha f’pajjiżna jimpjegaw ’il fuq minn mitt professjonist kreattiv.

Fiż-żmien li ġej, il-Gvern ser jkun qed jiżgura li Malta tibqa’ pajjiż attraenti għall-avvenimenti internazzjonali bħal dan. B’hekk qed jitfasslu l-pjanijiet neċessarji għal Ċentru tal-Konvenzjonijiet maħsub biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ summits globali bħal SiGMA u oħrajn. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza filwaqt li mistennija ssarraf f’investiment nazzjonali fl-ekonomija futura ta’ Malta. Dan ukoll bħala parti essenzjali mill-Viżjoni Malta 2050.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.

PR251498

Fl-isfond ta’ dak imħabbar mill-Gvern il-ġimgħa li għaddiet favur sigurtà msaħħa fit-toroq, il-Gvern u l-organizzazzjoni Doctors for Road Safety kellhom diskussjoni favur aktar kollaborazzjoni bejniethom biex javvanzaw il-ħidma biex din ir-riforma titwettaq b’suċċess u l-għanijiet komuni jintlaħqu. Bil-membri tal-organizzazzjoni laqgħu b’mod pożittiv il-ħsieb u d-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern bl-abbozz ta’ liġi.

Doctors for Road Safety hija għaqda nongovernattiva mwaqqfa minn tobba u studenti tal-mediċina li jaħdmu favur l-ogħla standards ta’ sigurtà fit-toroq f’Malta u Għawdex.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ħabbar 5 miżuri ta’ deterrent għal aktar sigurtà fit-toroq tagħna. Dawn jinkludu:

1.       Testijiet tad-droga mill-Pulizija fit-triq – simili għall-mod li llum isiru t-testijiet tal-alkoħol. 

2.       Random Roadside Testing, fejn testijiet fuq id-droga jew l-alkoħol isiru anke mingħajr suspett raġonevoli. 

3.       Sentenza ta’ priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna, anke b’mod involontarju, taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga.

4.       Jissaħħu l-pieni għal min jagħżel li jsuq xurban jew taħt l-effett tad-droga, b’multi eħrex għad-dispożizzjoni tal-Qorti.

5.       Poter lill-Prosekuzzjoni sabiex titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti, fejn imbagħad tkun il-Qorti li tiddeċiedi din it-talba. 

Id-delegazzjoni tal-Gvern kienet immexxija mill-Prim Ministru Robert Abela li kien akkumpanjat mill-Ministri Byron Camilleri u Chris Bonett, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia u magħhom il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia.