Month: September 2025

PR251629

Il-PM Abela indirizza lill-mexxejja dinjija fil-konferenza dwar is-soluzzjoni taż-Żewġ Stati fin-Nazzjonijiet Uniti fejn saħaq li “minkejja li iebsa, ma jfissirx li impossibbli”

F’isem il-poplu Malti, il-Prim Ministru Robert Abela llum irrikonoxxa uffiċjalment l-Istat tal-Palestina. Din id-deċiżjoni storika qed tara lil Malta tingħaqad ma’ numru dejjem jikber ta’ pajjiżi li jemmnu li l-ħolqien tal-Istat Palestinjan għandu jkun pedament għall-kisba ta’ paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Il-Prim Ministru qal dan waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-soluzzjoni taż-Żewġ Stati.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal, “F’isem il-poplu Malti, illum ikkonfermajt li pajjiżna qed jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan. Il-pass tal-lum, iżda, huwa biss wieħed mill-ħafna azzjonijiet meħtieġa biex isseħħ il-ħolma ta’ dawk kollha ta’ rieda tajba. Il-ġuħ f’Gaża jrid jispiċċa. Il-ġlied irid jieqaf issa. L-ostaġġi kollha tas-7 t’Ottubru jridu jinħelsu. Il-Ħamas m’għandu l-ebda rwol fil-futur tal-Istat ġdid Palestinjan. Hu żied jgħid, “Nafu li t-triq hija iebsa u diffiċli, iżda s-soluzzjoni paċifika taż-żewġ stati tibqa’ l-unika soluzzjoni għar-reġjun, u aħna lesti noffru l-għajnuna tagħna biex nagħtu l-ħajja lil din is-soluzzjoni. Meta aspirazzjoni tkun iebsa biex isseħħ ma tagħmilhiex impossibbli biex titwettaq”.

Malta kkundannat b’mod konsistenti l-attakki terroristiċi tas-7 t’Ottubru 2023 mill-Ħamas u tenniet l-appell tagħha għall-ħelsien mingħajr kundizzjoni tal-ostaġġi kollha. Dan flimkien mal-appell urġenti għall-waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u permanenti f’Gaża. Dawn id-dikjarazzjonijiet twasslu f’avveniment imfassal apposta bħala parti mill-ġimgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed isseħħ bħalissa fi New York. Pajjiżi oħra li wkoll ikkonfermaw ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan jinkludu Andorra, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, Monako u San Marino. L-Awstralja, il-Kanada, il-Portugall u r-Renju Unit irrikonoxxew l-Istat Palestinjan fis-sigħat qabel.

Minbarra l-ħidma diplomatika, Malta qed taġixxi wkoll fuq bażi umanitarja. Lejlet din l-aħbar, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li waslu f’Gaża, minn Malta, 250 tunnellata ta’ dqiq li se jitqassmu bħala għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan. Malta qed tkompli tgħin ukoll lit-tfal Palestinjani midruba fil-kunflitt.

Il-Prim Ministru Robert Abela bħalissa jinsab fi New York għat-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn aktar minn 190 mexxej dinji, fosthom Kapijiet tal-Istat u l-Gvern, huma miġbura biex jiddiskutu l-paċi globali, id-drittijiet tal-bniedem, u l-iżvilupp sostenibbli, taħt it-tema stabbilità mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres “Magħqudin Flimkien Aħjar: 80 sena u aktar għall-Paċi, id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Iżvilupp”

PR251620

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi New York għat-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Aktar minn 190 Mexxej fosthom Kapijiet ta’ Stat jew Gvern se jkunu qed jipparteċipaw u jingħaqdu f’diskussjonijiet fuq temi differenti.

Fi New York, f’isem Malta u flimkien ma’ pajjiżi oħra, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jirrikonoxxi formalment l-Istat tal-Palestina. Dan bħala parti minn impenn politiku li kien ta l-Prim Ministru Robert Abela u l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur is-soluzzjoni taż-żewġ Stati.

Pożizzjoni li titkellem ukoll dwar djalogu u l-ħtieġa tal-paċi fil-Lvant Nofsani filwaqt li Malta tibqa’ tikkundanna l-attakki tas-7 ta’ Ottubru 2023 mill-grupp terroristiku Ħamas, li ma għandux irwol fl-Istat tal-Palestina. Pajjiżna jibqa’ jappella għall-ħelsien bla kundizzjoni tal-ostaġġi li fadal miżmuma mill-Ħamas filwaqt li jitlob għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti f’Gaża.

Intant il-Prim Ministru Robert Abela għandu diversi laqgħat oħra fuq temi differenti u oħrajn bilaterali qabel ma jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tema tat-80 sessjoni fi kliem is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, hija ‘Magħqudin flimkien aħjar: 80 sena u iktar għall-paċi, id-drittijiet u l-iżvilupp tal-bniedem’.

PR251611

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Malta Union of Teachers (MUT) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jkompli jassigura li nagħtu l-aqwa għal uliedna billi nibqgħu ninvestu b’mod qawwi fis-settur edukattiv. Dr Abela qal li minn dan l-investiment igawdi kulħadd, l-istudenti u anki l-edukaturi li fl-aħħar xhur komplew igawdu minn l-aqwa investiment fihom bi ftehimiet li fissru żidiet u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-Prim Ministru nnota kif id-djalogu miftuħ u d-diskussjonijiet kostruttivi mal-partijiet interessati u rappreżentanti tal-edukaturi f’pajjiżna dejjem wasslu għal tragwardi pożittivi. “B’kollox is-sena l-oħra għalaqna ħames ftehimiet settorjali li jkopru istituzzjonijiet edukattivi tal-istat, tal-Knisja u anke iskejjel indipendenti. Fihom investejna aktar minn €95 miljun li qed jissarfu f’benefiċċju dirett għal 7,766 edukatur,” innota Dr Abela. Dawn il-ftehimiet kollettivi wasslu sabiex illum l-edukaturi qed jirċievu rikonoxximent mistħoqq għall-progress professjonali tagħhom permezz ta’ allowances relatati mal-kwalifiki, flimkien ma’ aġġustamenti relatati max-xogħol li jagħmlu. Fl-istess waqt, l-investiment kontinwu li qed isir fl-iskejjel, qed iwassal biex l-edukaturi jgawdu wkoll minn spazji moderni u sbieħ.

“Qegħdin nagħtu spinta qawwija lill-edukazzjoni diġitali u lil-iSTEM. Hemm bżonn li nkomplu naħdmu biex fil-futur pajjiżna ikollu qasam tax-xogħol attrezzat b’ħiliet neċessarji. Dawn filwaqt li nibqgħu minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-progress,” sostna l-Prim Ministru. Permezz tal-programm One Device Per Child qed jitqassmu aktar minn 9,300 apparat lill-istudenti, u bl-istrateġija diġitali l-ġdida se jiddaħħlu għodod innovattivi bbażati fuq AI li qed ikomplu jsaħħu t-tagħlim tal-istudenti.

Il-Prim Ministru nnota kif fl-istess ħin, l-ammont ta’ tfal li qed jitilqu mill-iskola kmieni naqas għal 9.6%. Dan ifisser li meta nikkumparaw ma’ snin preċedenti, illum għandna lanqas ammonti ta’ studenti li qed jitilqu mill-iskola kmieni.

Waqt din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pparteċipaw ukoll il-Ministri Clifton Grima u Julia Farrugia, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, d-Deputati Rosianne Cutajar u Abigail Camilleri u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR251606

“Se nippreżentaw Budget ieħor importanti li fih inkomplu ninċentivaw l-intrapriżi lokali biex igawdi kemm min qed joħloq il-karrieri ta’ kwalità f’pajjiżna imma anki min dak li qed jaħdem u qabad karriera ta’ kwalità.” Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem ma’ ħaddiema u professjonisti waqt li żar l-uffiċini tal-kumpanija Finanzi f’ San Ġwann. Din il-kumpanija, li twaqqfet fl-2018,  kibret b’pass mgħaġġel  u llum għandha tim ta’ 45 professjonist. Finanzi hija kumpanija, bi tmexxija żagħżugħa ta’ daqs medju li toffri firxa ta’ servizzi speċjalizzati fl-accounting, taxxa korporattiva, awditjar u konsulenza.

Waqt din iż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri flimkien mad-Deputat tal-Gvern Cressida Galea,  il-Prim Ministru faħħar l-impenn ta’ Finanzi li tiżviluppa talent lokali u toħloq opportunitajiet għal karrieri ta’ kwalità. Huwa nnota wkoll l-entużjażmu qalb il-ħaddiema u l-ispirtu taż-żgħażagħ li jmexxu ’l quddiem il-kumpanija li qed jirrifletti l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ tmexxija ekonomika f’Malta.

“L-imprenditorjat miż-żgħażagħ mutur f’ekonomija b’saħħitha. Waqt żjarat bħal tal-lum naraw eżempju ta’ kif iż-żgħażagħ Maltin b’viżjoni u determinazzjoni rnexxielhom jibnu kumpanija li mhux biss tagħti l-għajxien lil ħafna familji, iżda wkoll tikkontribwixxi għas-suċċess ekonomiku tal-pajjiż. Aħna rridu nkomplu noħolqu bilanċ bejn l-interessi tal-ħaddiema u tal-intrapriżi biex flimkien inkabbru l-ġid ekonomiku,” sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ investiment fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija, b’mod partikolari fl-infrastruttura diġitali u fl-intelliġenza artifiċjali, li huma kruċjali sabiex kumpaniji bħal Finanzi jibqgħu joffru servizz ta’ livell għoli u jżommu vantaġġ kompetittiv f’suq globali li qed jinbidel b’pass mgħaġġel.

Min-naħa tagħhom, Finanzi ħabbru li jinsabu fi stadju ġdid ta’ tkabbir b’investimenti f’sistemi avvanzati, li għandhom pjan biex id-daqs tat-tim jirdoppja fi żmien ħames snin, u li qegħdin jaħdmu sabiex jintroduċu servizzi ġodda f’setturi bħall-avjazzjoni u marittimu. Fil-futur, il-kumpanija għandha l-għan li tespandi l-ħidma tagħha barra minn Malta u tkompli tikber f’dan is-settur.

PR251598

Waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026, mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif il-Gvern qed jipprijoritizza bi sħiħ is-setturi tal-arti, l-kultura u d-divertiment. Matul l-aħħar snin dawn l-oqsma ngħataw spinta qawwija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ inizjattivi u inċentivi li qed iwasslu għal aktar tisħiħ.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex ikompli jibni fuq dak li diġà qiegħed isir u li qed isarraf fit-titjib tal-kwalità ta’ dawn l-oqsma.

Il-Prim Ministru semma l-Viżjoni Malta 2050 li tagħti prijorità assoluta lill-identità nazzjonali, l-arti, il-kultura, il-lingwa u dak kollu li jsawwar l-identità u t-talent Malti. “Din hija viżjoni li tmur lil hinn mill-partiġġaniżmu politiku – viżjoni fit-tul u li tagħti stampa ċar ta’ fejn bħala pajjiż, bħala poplu, irridu mmorru”, tenna Dr Abela.

Huwa rrefera għal numru ta’ skemi u assistenza finanzjarja offruta minn entitajiet pubbliċi bħall-Malta Investment in Cultural Organisations, l-Arts Support Scheme for Projects, kif ukoll l-Access Support Scheme. Il-Prim Ministru tenna li dawn l-iskemi qed joffru mhux biss appoġġ fuq numru ta’ snin, imma aktar minn hekk, qed joffru stabbiltà lil dawk kollha li jibbenefikaw minnhom.

Hemm ukoll il-Fond Malti tal-Ktieb li jkopri b’mod speċifiku l-ispejjeż tal-istampar u l-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li qed jgħin biex itaffi r-riskji assoċjati max-xogħol tal-pubblikaturi u l-awturi.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru enfasizza l-ħidma tal-Gvern fir-rigward ta’ protezzjoni legali u t-tisħiħ ta’ miżuri fiskali. F’Ottubru tas-sena li għaddiet, tnieda n-National Charter for the Status of the Artists, bil-għan li dan jintuża bħala referenza u qafas għall-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, fost oħrajn. Matul din il-leġiżlatura ssaħħu wkoll miżuri fiskali biex illum artisti li jaqilgħu sa €50,000 iħallsu taxxa ta’ 7.5%.

Il-Prim Ministru tenna li filwaqt li diġà jeżistu numru ta’ spazji bħall-Valletta Design Cluster, Spazju Kreattiv, MICAS u ż-żona tal-kunċerti f’Ta’Qali, flimkien ma’ skemi ta’ assistenza f’dan ir-rigward bħat-Theatre Spaces Support Scheme, il-Gvern qed jaħdem biex ikun hemm Culture Hub fil-Marsa. Culture Hub li jinkludi teatri, ċinema, żoni għall-workshops u faċilitajiet oħra.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.