Month: September 2025

PR251587

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif bis-saħħa ta’ qagħda finanzjarja u ekonomija li qed trendi, pajjiżna se jerġa’ jkollu Budget ieħor msejjes fuq inizjattivi li jħarsu fit-tul u li jkattru suċċess ekonomiku sostenibbli.

Il-Prim Ministru nnota kif filwaqt li se jkomplu jiġu indirizzati l-isfidi li jġib miegħu suċċess ekonomiku, il-Gvern se jibqa’ kommess li jħejji lil pajjiżna għall-futur. Huwa saħaq kif l-ekonomija ta’ pajjiżna qed kull ma jmur tiġbed aktar investiment ta’ kwalità bbażata fuq il-valur miżjud. “Pajjiżna qed jattira investiment f’setturi ekonomiċi ġodda imsejsa fuq l-innovazzjoni, d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà,” sostna Dr Abela hekk kif elenka numru t’industriji li kull ma jmur qed ikomplu jinvestu f’pajjiżna. Huwa tenna li fl-istess waqt setturi tradizzjonali bħal dak tas-servizzi finanzjarji u t-turiżmu qed ikomplu jirreġistraw tkabbir.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza li pajjiżna jibqa’ wieħed attraenti għall-investiment dirett barrani, filwaqt li rrimarka li anke hawnhekk, matul snin riċenti, ġie rreġistrat tkabbir sostanzjali u saħansitra ġew irduppjati l-karrieri li nħolqu minn dan l-istess investiment barrani.

“Bħalma dejjem għamilna, se nkomplu nkunu ta’ tarka għall-intrapriżi, se nkomplu ntejbu l-assistenza minn entitajiet pubbliċi bħall-Malta Enterprise, u oħrajn. Dan filwaqt li nkomplu nkunu assertivi fuq il-bżonnijiet u l-isfidi uniċi li bħala gżira għandna anke fuq livell Ewropew sabiex naraw li l-intrapriżi tagħna u minn jinvesti f’pajjiżna ma jkunx kompetittivament żvantaġġat. Li jkollna level playing field huwa essenzjali,” tenna il-Prim Ministru.

Filwaqt li rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ għall-koperazzjoni u l-kontribuzzjoni tagħhom fuq diversi konsultazzjonijiet pubbliċi, fosthom anke dik tal-Viżjoni Malta 2050, huwa nnota kif it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tagħna huwa wkoll konformi mal-Viżjoni Malta 2050.

Waqt din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard u Chris Bonett, flimkien mal-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR251579

Fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard inawguraw binja ġdida tal-Qorti dedikata għall-Maġistrati Inkwirenti. Din hija inizjattiva oħra li tixhed viżjoni ċara u t’impenn sabiex is-sistema tal-ġustizzja tkun eqreb iċ-ċittadin, aktar moderna, effiċjenti u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-binja tal-Maġistrati Inkwirenti se tospita fiha s-sezzjoni speċjalizzata tal-Maġistrati Inkwirenti kif ukoll ir-Reġistru tal-Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja u uffiċini oħra. Dan se jwassal sabiex jitnaqqas l-piż fuq il-binja prinċipali eżistenti tal-Qorti, filwaqt li jiġi żgurat aktar spazju, organizzazzjoni u effiċjenza.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif l-inawgurazzjoni ta’ din il-binja timmarka tragward importanti ieħor fil-vjaġġ ta’ pajjiżna lejn sistema ġudizzjarja aktar moderna u effiċjenti. Huwa semma’ li dan il-pass ittieħed wara l-inizjattiva li ħa l-Gvern biex joħloq sessjoni speċjalizzata ta’ Maġistrati Inkwirenti.

Il-Prim Ministru tenna kif din l-inizjattiva tikkumplimenta r-riforma li saret fil-proċess tal-inkjesti. Riforma li fuq kollox tħares id-drittijiet tal-vittmi u tassigura li t-talba għall-inkjesta tinbet minn skop ġġustifikat u fatti ċari. Huwa fakkar kif is-settur ġudizzjarju u l-ġudikatura jiffurmaw wieħed mit-tliet pilastri importanti li jsostni d-demokrazija ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li l-Gvern mhux biss qed iħares li jtejjeb l-infrastruttura neċessarja iżda qed jara ukoll li jiżdiedu l-inċentivi għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam ġudizzjarju, biex apparti l-mezzi meħtieġa biex ix-xogħol isir b’aktar effiċjenza, il-ġudikatura jkollha l-aqwa talent u l-aqwa riżorsi umana possibbli.

“Kull ma jmur qed inkomplu ntejbu s-sistema diġitali fi ħdan il-Qrati tagħna. Fosthom hemm investiment ta’ €10 miljun favur Court Case Management System ġdida, li jinsab f’fażi ta’ tendering, u l-iżvilupp u t-tnedija tal-Legal Aid Management System li permezz tagħha ddiġitalizzajna s-servizz tal-għajnuna legali biex jilħaq b’mod aktar effettiv liċ-ċittadini fil-gżejjer Maltin”, irrimarka Dr Abela. Dan filwaqt li semma’ investiment ieħor ta’ kważi żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej biex ġiet implimentata sistema t’awdjo ġdida fl-awli kollha. Investiment li se jassigura li r-rekordjar tas-seduti jsir b’mod ċar u sigur u jnaqqas għal kollox ir-riskju li jkun hemm bżonn li jerġgħu jinstemgħu xhieda mill-ġdid minħabba nuqqasijiet fis-sistema.

Il-Ministru Jonathan Attard sostna, “Bil-ftuħ uffiċjali tal-Palazzo Conte qed nifformalizzaw dan l-iżvilupp legali, fejn pajjiżna se jkollu sezzjoni tal-Maġistrati Inkwirenti speċjalizzata, iffukata fuq dan l-aspett tant sensittiv fil-proċedura penali, u li taħdem minn binja distinta mgħammra bl-għodod kollha neċessarji.” Huwa żied jgħid li pajjiżna diġà qed jara l-frott ta’ din l-ispeċjalizzazzjoni, hekk kif mill-bidu tal-2024, jiġifieri meta ġew assenjati l-4 Maġistrati Inkwirenti, sal-aħħar ta’ Awwissu, daħlu 1251 inkjesta maġisterjali u ġew konklużi aktar minn 830. Dan ifisser konklużjoni ta’ aktar minn 65%.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Vanessa Grech qalet, “Il-Qrati u dak kollu li jġibu magħhom huwa servizz pubbliku, u huwa obbligu tagħna bħala Aġenzija li jkollna l-aħjar għodod, infrastruttura żviluppata, u riżorsa umana li tirrifletti l-ħtiġijiet mhux biss tal-ġurnata iżda ukoll tal-futur.” Hija rrimarkat kif fl-aħħar snin l-Aġenzija rat tkabbir minn kull aspett. “L-ewwel ftehim kollettiv ta’ ftit snin ilu kien biss il-bidu biex nattiraw l-akbar numru ta’ ħaddiema fi ħdan il-Qorti, fejn illum għandna ’l fuq minn 580 ħaddiem, li minnhom hemm kważi 100 avukat jassistu direttament lill-Ġudikatura”, sostniet Grech.

PR251572

It-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol, proġett li parti sostanzjali minnu ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) u self mill-Bank tal-Iżvilupp ta’ Malta (MDB). Imfassal b’mod sostenibbli, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol se jservi bħala ċ-ċentru tekniku u loġistiku għat-timijiet kollha ta’ Malta u se jospita wkoll tournaments internazzjonali taż-żgħażagħ.

F’din l-okkażjoni, bħala parti wkoll miċ-ċelebrazzjoni tal-125 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA), kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn, il-President tal-FIFA Gianni Infantino, il-Viċi President tal-UEFA Jesper Møller Christensen u u l-plejers leġġendarji tal-futbol Fabio Cannavaro u Christian Vieri. Quddiem numru oħra ta’ mistiedna distinti fosthom anki l-Ministri Byron Camilleri, Miriam Dalli, Clifton Grima u Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia kif ukoll il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-ħidma sfieqa u d-dedikazzjoni tal-MFA fil-ħidma tagħha kemm biex trawwem passjoni għall-futbol kif ukoll tal-faċilitajiet favur l-isport Malti.

“Bi pjaċir ninnota li l-MFA tmexxi bl-eżempju permezz tal-investiment tagħha fil-komunitajiet tagħna”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jsemmi proġetti bħal Football for Integration li jinvolvi tfal, żgħażagħ, anzjani, familji, u persuni ta’ abbiltajiet differenti, u Play Green li jippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali fl-isport.

Dr Abela ddeskriva ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol bħala vot ieħor ta’ fiduċja fil-vibranza tal-futbol Malti li sar possibbli permezz ta’ ko-finanzjament mill-NDSF ikkumplimentat b’self mill-MDB. “Dan l-investiment, li jiswa l-miljuni qed jattrezza l-logħba nazzjonali tagħna bil-faċilitajiet li għandha bżonn biex tibqa’ tissaħħaħ għall-futur. Permezz ta’ dan l-investiment qed nagħtu lit-timijiet nazzjonali tagħna l-aqwa appoġġ possibbli filwaqt li niftħu wkoll opportunitajiet biex aktar Maltin jinvolvu ruħhom fil-logħba tal-futbol”, kompla Dr Abela.

Il-Prim Ministru rrifletta fuq il-mixja ta’ Malta fix-xenarju tal-futbol sa mit-twaqqif tagħha. Huwa fakkar f’kisbiet importanti bħall-inawgurazzjoni tal-Istadium Nazzjonali fis-snin tmenin u l-kisba riċenti ta’ Ħamrun Spartans li sar l-ewwel klabb tal-futbol Malti li kkwalifika għall-fażi tal-kampjonat ta’ kompetizzjoni ewlenija Ewropea.

Mibni skont l-istandards tal-aħjar prattika tal-UEFA, iċ-Ċentru fih stadium tal-Kategorija 1, laboratorji tax-xjenza sportiva tal-ogħla livell, klinika tal-fiżjoterapija, gym, żoni ta’ rkupru għall-plejers, kmamar għal-laqgħat, spazji għal-lectures sportivi u uffiċini amministrattivi.

PR251561

Waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, din id-darba mar-rappreżentanti tal-General Workers’ Union (GWU) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan huwa Gvern li jibqa’ jipprijoritizza d-diskussjoni għax minnha jissaħħu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru rrimarka li nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru pajjiżna se jerġa’ jkollu Budget bla żidiet fit-taxxi u se jinżammu s-sussidji tal-enerġija kemm għan-negozji kif ukoll għall-familji. “Għamilna u nwegħidkom li se nkomplu nagħmlu aktar fuq dak li għandu x’jaqsam mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Daħħalna miżuri bla preċedent favur il-ħaddiema f’din il-leġiżlatura. Daħħalna l-leave tat-tieni ġenitur ta’ għaxart ijiem bi ħlas li mbagħad ġie estiż għas-self employed. Tajna ħamest ijiem carers leave li tlett ijiem minnhom huma bi ħlas sħiħ għall-ħaddiema fis-settur pubbliku,” spjega l-Prim Ministru.

Huwa rrefera wkoll għall-inizjattivi bħal dik tal-urgent family leave li minn 15-il siegħa issa żdiedet għal erbat ijiem. Dan filwaqt li bil-liġi tal-miscarriage leave li se tiġi implimentata fil-futur qrib, koppji se jkollhom sebat ijiem leave mħallsa kollha kemm huma mill-Gvern. Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-konsultazzjoni li għaddejja dwar il-leave speċjali għall-ġenituri li t-trabi tagħhom jiddaħħlu l-NPICU.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għas-sitwazzjoni tal-kumpanija Carlo Gavazzi u l-irwol tal-GWU biex il-ħaddiema kisbu pakkett finanzjarju adegwat. Qal li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi li s-settur tax-xogħol huwa b’saħħtu u għalhekk bil-ħiliet li għandhom dawn il-ħaddiema, ċertament se jiġu assorbiti f’dinja tax-xogħol li f’pajjiżna qed tkompli tkun dinamika.

Dr Abela żied jgħid li r-relazzjonijiet tajba li dejjem żamm dan il-Gvern mal-imsieħba soċjali dejjem sarrfu f’miżuri u inizjattivi pożittivi għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Prim Ministru semma kif tul dawn l-aħħar snin, pajjiżna rnexxielu jibni ekonomija dejjem aktar b’saħħitha, biex illum tiżboq dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan jidher anke mill-fatt li n-numru ta’ impjiegi qed ikomplu jiżdiedu filwaqt li l-qgħad qiegħed l-anqas li qatt kien. Huwa żied jgħid li bis-saħħa ta’ ekonomija li trendi, il-Gvern seta’ jagħti pakketti finanzjarji mill-aqwa, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol anke permezz ta’ numru ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema. F’dan il-kuntest il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li jagħmlu l-unjins u rringrazzjahom għax-xogħol siewi li lkoll kemm huma jagħmlu favur l-interess tal-ħaddiem.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri, Clyde Caruana u Clifton Grima, s-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputati Naomi Cachia u Ray Abela, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR251547

Kumpanija Maltija b’investiment fil-qasam tat-tiswija tal-ħelikopters u pjanijiet għal akkademja f’dan il-qasam

RotorTechnics, kumpanija Maltija tal-avjazzjoni li topera minn Ħal Safi, qed tinvesti ’l fuq minn €1.5 miljun f’tagħmir ġdid, għodda u l-iżvilupp tal-ħaddiema tagħha.

Fi żjara fil-hangar tagħhom f’Ħal Safi, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Gulf Med Aviation Services għal dan it-tragward importanti hekk kif il-kumpanija issa qed tassumi identità ġdida bħala RotorTechnics.

Il-kumpanija tħaddem madwar 70 persuna bejn inġiniera, tekniċi tal-avjazzjoni u taħlita ta’ rwoli oħra.

Din il-kumpanija qed tippreżenta lilha nnifisha bħala l-ewwel hub approvat mill-EASA, għall-manutenzjoni tal-ħelikopters f’Malta. Permezz ta’ dan it-tiġdid, din il-kumpanija għandha l-potenzjal li tiżviluppa faċilitajiet tagħha f’ċentru strateġiku għall-manutenzjoni, t-tiswija, u r-reviżjoni tal-inġenji bl-iskrejjen fil-Mediterran.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lil Malta Enterprise, Indis Malta u Transport Malta għall-għajnuna li qed jagħtu lil din l-industrija u ħeġġeġ biex din titkompla fiż-żmien li ġej. Laqa’ wkoll b’sodisfazzjon id-diskussjoni li għaddejja bejn il-kumpanija, u entitajiet pubbliċi, bħal Transport Malta u l-MCAST, biex titwaqqaf akkademja tal-manutenzjoni tal-ħelikopters f’Malta. Dan l-impenn għandu l-għan li jtella’ talent lokali f’dan il-qasam u jattira nies biex jieħdu l-istudji tagħhom fl-avjazzjoni hawn Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif dan l-impenn huwa konformi mal-isforzi tal-Gvern biex jipprijoritizza l-avjazzjoni: “Din hi industrija li għandha potenzjal li tikber aktar, hekk kif enfasizzat fil-Viżjoni Malta 2050. Pajjiżna huwa determinat li jkun aktar minn sempliċiment punt ta’ konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq. Qed nibnu ekonomija li tiffoka fuq l-innovazzjoni, il-ħiliet, u l-kollaborazzjoni internazzjonali.”

Simon Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija RotorTechnics, qal li: “L- istorja tal-grupp tagħna hija waħda li tidentifika l-bżonn li tevolvi l-ħin kollu biex inwasslu servizz ta’ eċċellenza. Hija storja ta’ għarfien espert lokali li jilħaq dak mistenni minn standards globali. Ta’ soluzzjonijiet li twieldu f’Malta, li jsolvu l-problemi madwar il-partijiet differenti tad-dinja.”

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.