Month: January 2026

PR260171

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jippubblika ittra oħra li bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-proċess relatat mal-ħatra tal-Prim Imħallef.

L-ittra qed terġa’ titlob lill-Oppożizzjoni tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara dwar il-persuna proposta mill-Gvern sabiex tokkupa l-kariga ta’ Prim Imħallef.

L-ittra tinsab annessa.

PR260168

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jippubblika ittra li bagħat il-Prim Ministru Robert Abela lill-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-proċess relatat mal-ħatra tal-Prim Imħallef.

Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni ppubblika r-risposta li kien bagħat għall-ittra tal-Prim Ministru aktar kmieni.

L-ittra tinsab annessa.

PR260166

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija Gozo Graphics, kumpanija bbażata f’Għawdex li tispeċjalizza fl-istampar diġitali ta’ format kbir, fil-manifattura tas-sinjali, u fil-provvista ta’ prodotti u soluzzjonijiet marbuta ma’ applikazzjonijiet arkitettoniċi. Il-kumpanija toffri wkoll servizzi ta’ 3D printing, machining u skennjar.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Abela ltaqa’ mal-impjegati tal-kumpanija u mat-tim li jmexxi Area 51, faċilità industrijali mfassla mill-istess kumpanija bil-għan li tgħin biex start-ups Maltin ikollhom opportunitajiet daqs l-Ewropej li jaħdmu f’setturi tal-hardware. Din il-faċilità tinkludi infrastruttura teknoloġika mfassla għall-manifattura ta’ preċiżjoni u l-prototipar fuq skala kbira, fosthom stampar addittiv monolithic, kif ukoll tagħmir ta’ magni CNC u sistemi ta’ laser industrijali għal xogħol f’metalli, fost oħrajn. Permezz ta’ Area 51, il-kumpanija tipprovdi wkoll l-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp ta’ proprjetà intellettwali (IP) b’mod sigur u protett.

Barra minn hekk il-kumpanija Gozo Graphics nediet ukoll fond privat immirat lejn proġetti innovattivi, b’allokazzjoni ta’ €100,000. Permezz ta’ dan il-fond, il-kumpanija se tipprovdi għajnuna diretta lis-settur privat u, b’hekk, tkompli ssaħħaħ l-ekosistema ta’ start-ups innovattivi, filwaqt li tħejji t-triq sabiex dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jimxu lil hinn mill-prototipi għal produzzjoni reali.

Il-Prim Ministru saħaq li proġetti privati bħal dan jikkontribwixxu direttament għal ekonomija aktar diversifikata u b’valur miżjud, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u l-professjonisti f’Għawdex. Hawn semma l-importanza tal-karrieri ta’ kwalità li qed ikomplu jinħolqu f’pajjiżna. Huwa nnota wkoll kif inizjattivi li jsaħħu l-kapaċitajiet industrijali jistgħu jgħinu biex pajjiżna jattira investiment ta’ kwalità u jibqa’ destinazzjoni attraenti biex iżomm it-talent lokali.

Il-Prim Ministru żied jgħid li, permezz ta’ diversi entitajiet pubbliċi, fosthom il-Malta Enterprise, il-Gvern qed joffri sostenn biex kumpaniji bħal dawn ikomplu jimxu ’l quddiem u jkomplu jinvestu f’tagħmir innovattiv u f’oqsma oħra. 

Dr Abela esprima wkoll sodisfazzjon għall-fatt li s-settur privat qed ikompli jadotta u jallinja ruħu aktar mal-industriji ta’ għada. Huwa semma kif il-Viżjoni Malta 2050, li se titħabbar fil-ġimgħat li ġejjin, se tkompli tipprijoritizza setturi li jħallu valur miżjud fl-ekonomija tagħna, filwaqt li ssostni wkoll dawk is-setturi li huma ta’ prijorità għal pajjiżna.

PR260123

Il-Prim Ministru jinnota l-pjanijiet tal-privat f’investiment ieħor ta’ kwalità

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn ġie mħabbar li daqs sentejn oħra, l-ajruport se jkollu air terminal ġdid ta’ 6,000 metru kwadru, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għat-trasformazzjoni li għaddejja fl-ajruport internazzjonali, liema trasformazzjoni qed issir b’investiment privat b’saħħtu u ta’ kwalità li qed ikun appoġġjat u sostnut mill-Gvern.

“Wara li s-sajf li għadda inawgurajna t-Terminal tal-Priority Guest, illum qed nidħlu fid-dettalji ta’ investiment ieħor ta’ importanza kbira, l-East Expansion. Dan il-proġett jirrifletti dak li nistgħu niksbu meta istituzzjonijiet pubbliċi u l-intrapriża privata jaħdmu flimkien,” qal il-Prim Ministru.

Huwa enfasizza l-importanza strateġika tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala pilastru tal-progress nazzjonali. “Għal Malta, l-ajruport tagħna huwa aktar minn bieb li jgħaqqadna mad-dinja. Huwa mutur essenzjali tat-tkabbir ekonomiku, tat-turiżmu, tal-kummerċ u tal-impenn internazzjonali. Ħafna drabi, huwa l-ewwel u l-aħħar impressjoni li l-viżitaturi jieħdu magħhom, u għandu rwol ċentrali f’kif nippreżentaw lilna nfusna lid-dinja,” żied jgħid Dr Abela.

Il-Prim Ministru Abela ddeskriva l-East Expansion bħala proġett ta’ sinifikat partikolari, li jagħmel parti minn impenn fit-tul lejn il-kwalità, ir-reżiljenza u t-tħejjija għall-futur. Huwa sostna li dan l-iżvilupp mhuwiex sempliċiment dwar l-espansjoni ta’ spazju fiżiku, iżda dwar it-titjib tal-istandards u ż-żieda fl-effiċjenza hekk kif pajjiżna jħejji ruħu għall-opportunitajiet li ġejjin.

Il-Prim Ministru nnota li dan il-proġett huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, il-qafas nazzjonali fit-tul li se jiġi uffiċjalment imniedi fil-ġimgħat li ġejjin, wara xhur ta’ konsultazzjoni nazzjonali. Il-Viżjoni Malta 2050 tagħti prijorità lill-avjazzjoni u lit-turiżmu filwaqt li tenfasizza l-importanza ta’ investiment intelliġenti fl-infrastruttura strateġika, konnettività internazzjonali aktar b’saħħitha, responsabbiltà ambjentali u kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“L-East Expansion isaħħaħ l-istatus ta’ Malta bħala hub reġjonali u jikkonverti dawn il-prijoritajiet f’riżultati konkreti. Investimenti bħal dawn iwasslu messaġġ qawwi li Malta temmen fl-ippjanar bil-quddiem, fl-investiment infrastrutturali għall-ġenerazzjonijiet futuri u fil-kompetizzjoni b’kunfidenza fuq il-fora internazzjonali,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

Fi tmiem il-konferenza, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali Alan Borg, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-konnettività u jattiraw investiment, li fl-istess waqt joħolqu karrieri ta’ kwalità għolja għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

PR260119

Il-Prim Ministru Robert Abela żied l-akkomodazzjoni mar-responsabbiltajiet tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul. Hu se jkun Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dan il-pass għandu l-għan li jikkonsolida l-ħidma li saret favur il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol flimkien mal-politika tal-Gvern dwar l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.