Month: January 2026

PR260110

Il-ħtieġa ta’ prudenza, il-kawtela u l-appoġġ għall-isforzi favur il-paċi u d-dieskalazzjoni kienu fost il-messaġġi ewlenin indirizzati mill-Prim Ministru Robert Abela mal-bqija tal-Mexxejja Ewropej waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fit-22 ta’ Jannar 2026.

F’din il-laqgħa li ssejħet mill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa fi sfond ta’ inċertezza ġeopolitika, il-Prim Ministru Robert Abela esprima t-tħassib ta’ Malta dwar l-eskalazzjoni u t-ton li kkaratterizza d-diskussjoni marbuta ma’ Greenland. Huwa tenna s-solidarjetà sħiħa ta’ Malta mad-Danimarka u mal-poplu ta’ Greenland, u saħaq li kull deċiżjoni dwar Greenland għandha tittieħed biss minn Greenland u r-Renju tad-Danimarka, skont il-liġijiet internazzjonali u ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti.

Filwaqt li laqa’ l-iżviluppi li seħħew matul l-aħħar jiem f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru enfasizza li f’din il-fażi sensittiva hemm bżonn li l-komunikazzjoni tkun meqjusa u kull pass u azzjoni jkunu meħuda b’kawtela. Huwa wissa kontra kwalunkwe pass li jista’ jeskala t-tensjonijiet jew li jpoġġi pressjoni ġeopolitika mhux neċessarja fuq stati iżgħar.

“Minkejja li l-aħħar żviluppi huma pożittivi, din żgur mhux kwistjoni mitmuma. Anzi nemmen illi l-ġimgħat li ġejjin se jkunu aktar sensittivi, u dan ifisser li rridu nkunu meqjusa ħafna fi kliemna, meqjusa fl-azzjonijiet tagħna u li konsistentement nifhmu li qegħdin inħarsu lejn sitwazzjoni ġeopolitika li d-dinja ma ratx bħala fl-aħħar għexieren ta’ snin. Jiġifieri kollettivament bħala Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà u rridu nkunu attenti ħafna f’dak kollu li nagħmlu, u rridu naġixxu b’maturità u b’responsabbiltà sabiex ma nagħmlu xejn li jista’ jeskala t-tensjonijiet jew inpoġġu lilna nfusna taħt pressjoni,” qal il-Prim Ministru wara s-Summit.

Id-diskussjonijiet waqt is-summit indirizzaw ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-isforzi favur il-waqfien mill-ġlied f’Gaża. Il-Prim Ministru ġedded l-appoġġ ta’ Malta lejn kull inizjattiva li timbotta ’l quddiem il-paċi u d-djalogu. F’dan il-kuntest, Dr Abela rrefera għad-diskussjonijiet dwar il-Bord tal-Paċi li ġie xprunat mill-Istati Uniti u saħaq li tali mekkaniżmi għandhom jintużaw biex jgħaqqdu u mhux biex jifirdu. Huwa tenna li jrid ikun hemm pragmatiżmu u diskussjoni kostruttiva fuq kull sforz li jressaqna lejn l-għan aħħari tal-paċi.

“L-intervent tiegħi kien illi dan il-bord għandna nħarsu lejh mhux neċessarjament biex l-Unjoni Ewropea u l-istati membri kollha jingħaqdu fih immedjatament, imma għandna narawh bħala opportunità, u minflok ikun punt ta’ diverġenza għandna naraw li nużawh bħala punt ta’ konverġenza,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru temm billi tenna l-impenn konsistenti ta’ Malta favur id-djalogu, il-kawtela u r-rispett lejn il-liġijiet internazzjonali bħala l-uniku triq lejn paċi sostenibbli.

PR260117

F’ittra li Roderick Galdes bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela huwa infurmah bir-riżenja tiegħu minn Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.

Il-Prim Ministru aċċetta din ir-riżenja.

Roderick Galdes isostni li qed jirriżenja fl-isfond ta’ attakki kontrih u l-familja tiegħu u jaf li ma għamel xejn ħażin iżda ma jridx li b’xi mod itappan il-ħidma tal-Gvern b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa f’dawn iċ-ċirkostanzi biss li ħa d-deċiżjoni li jirriżenja mill-kariga ta’ Ministru u issa se jara li jkun f’pożizzjoni li jiddefendi l-integrità tiegħu u tal-familja u li l-verità kollha toħroġ.

L-ittra ta’ Roderick Galdes qed tiġi ppubblikata.

PR260096

Il-Prim Ministru Robert Abela jlaqqa’ laqgħa f’Kastilja dwar pjan ta’ ħidma

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja li fiha kien hemm numru ta’ membri tal-Kabinett tal-Ministri flimkien mat-tmexxija ta’ entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korpi dixxiplinati fil-pajjiż, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ħidma tal-Gvern wara l-maltempata qawwija li laqtet lil pajjiżna din il-ġimgħa għaddejja fuq tliet binarji:

  • Li jitneħħa kull periklu;
  • Li ma nħallu lil ħadd waħdu u noffru l-għajnuna meħtieġa;
  • Li nsewwu l-ħsarat u nerġgħu nirriġeneraw il-postijiet milquta.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-ħaddiema kollha li wieġbu b’dedikazzjoni kbira biex assistew waqt il-maltempata u minnufih wara, b’tindif u tneħħija ta’ periklu immedjat. Innota kif pajjiżna kien imħejji biex jilqa’ għall-maltempata tremenda fejn ma ġewx rappurtati mwiet jew korrimenti serji.

Il-Prim Ministru qal li quddiem sfidi li ffaċċja l-pajjiż, dejjem sab Gvern ta’ spalla għan-nies. Żied jgħid li l-ekonomija tagħna tippermetti li nassistu u għalhekk ma rridu nħallu lil ħadd waħdu fosthom familji u sidien ta’ negozji li ġarrbu ħsarat u għandhom spejjeż konsiderevoli. F’dan il-kuntest issemma kif hemm numru ta’ għajnuniet eżistenti għal sidien ta’ negozji bl-iskemi eżistenti Microinvest u l-Business development scheme u oħrajn li jridu jinħolqu għall-bdiewa, raħħala u sajjieda. Fid-diskussjoni ssemma wkoll il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) li permezz ta’ fondi minnu jiġi ffinanzjat xogħol u assistenza meħtieġa.

Il-Prim Ministru aċċenna li apparti l-isforz kordinat biex l-awtoritajiet jilqgħu r-rapporti ta’ ħsarat ikkawżati mill-maltempata Harry, hija importanti wkoll il-fażi tar-rispons biex l-għajnuna tasal b’mod effikaċi. F’dan ir-rigward, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana sostna kif il-Gvern u l-amministrazzjoni pubblika bħalissa qegħdin jiġbru l-informazzjoni kollha biex jevalvaw il-ħsarat li ħalliet warajha l-maltempata Harry. Qal li fl-istess waqt, dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu 153 jew inkella jibagħtu email bid-dettalji kollha fuq [email protected].

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li fix-xhur li ġejjin iridu jiġu rippristinati postijiet milquta mill-maltempata partikolarment postijiet mal-kosta fosthom Għar Lapsi, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Tas-Sliema, ix-Xgħajra. Qal li Għar Lapsi huwa post li issa ngħalaq minħabba l-periklu u biex jibda x-xogħol ħalli żona minnhom tkun lesta fix-xhur li ġejjin biex terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku.

Fil-laqgħa, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia aċċenna wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma li hi meħtieġa ssir biex postijiet milquta jiġu riġenerati u l-familji u n-negozji milquta jirċievu l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż marbuta mal-ħsarat.

Intqal ukoll li fil-jiem li ġejjin, permezz tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni se ssir tindifa ġenerali mal-pajjiż kollu wara l-ħidma ffukata fl-aħħar jiem biex sar tindif f’postijiet milquta. Barra minn hekk madwar il-pajjiż issir manutenzjoni ġenerali. Infrastructure Malta wettqet ħidma fiż-żoni milquta filwaqt li Transport Malta intervjeniet madwar 50 darba permezz tal-uffiċjali tagħha favur is-sigurtà fit-toroq wara siġar, sinjali tat-toroq u billboards li nqalgħu.

Fil-laqgħa ngħata wkoll rapport ta’ bosta miżuri ta’ prekawzjoni u prevenzjoni li ħadmu, fosthom mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li bi pjan ta’ kontinġenza ta’ ħażna u riservi tal-ilma, setgħet tkompli tissupplixxi lill-klijenti minkejja l-ħsara estensiva li sofrew ċertu impjanti tar-Reverse Osmosis bħal dawk f’Lapsi, Pembroke u Ħondoq ir-Rummien.

Issemmew ukoll setturi oħra fosthom tal-kostruzzjoni fejn ingħad li ntweriet koperazzjoni mill-industrija u qed isiru spezzjonijiet u evalwazzjonijiet fuq strutturi li sofrew mill-qilla tal-maltemp. Dan apparti li ssemmew l-għaqdiet volontarji li sofrew ħsarat fil-binjiet minn fejn joperaw u se tiġi wkoll direzzjonata assistenza lejhom. Matul il-laqgħa ġie spjegat li fuq spazju ta’ 48 siegħa, għand il-korpi dixxiplinati daħlu aktar minn 700 każ għal sejħa t’għajnuna. Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm każ ta’ kontejners li waqqgħu abbord bastiment ’il barra minn pajjiżna. Hawnhekk sar appell għal kawtela u attenzjoni mill-baħħara minħabba periklu li jista’ jinħoloq fuq opri tal-baħar.

PR260088

Is-sena l-oħra ġew iffirmati 41 ftehim għall-ħaddiema tas-Servizz u s-Settur Pubbliku u 25 minnhom ġew issiġillati mal-GWU

Fl-indirizz tiegħu waqt il-Kungress tal-General Workers’ Union (GWU) bit-tema “Il-Ħidma Tkompli”, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tad-djalogu soċjali biex inkomplu ntejbu l-qagħda tal-ħaddiem fi żmien anki ta’ bidliet teknoloġiċi u anki sfidi ġeo-politiċi li jirrikjedu dejjem aktar tmexxija soda favur il-familji.

Dr Abela rrimarka li din il-GWU kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, tant li għenet biex inkiseb progress soċjali u kisbiet importanti għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. “Matul is-snin il-qagħda tal-ħaddiem kompliet titjieb għaliex pajjiżna kellu forzi progressivi, inklużi għaqdiet trejdunjonistiċi bħall-GWU,” qal il-Prim Ministru.

Grazzi għal ħidma kollettiva ma’ dawk kollha involuti, pajjiżna wasal biex jikkonkludi bosta ftehimiet kollettivi li jipprovdu l-aqwa pagi u l-aqwa kundizzjonijiet għall-ħaddiema. “Is-sena li għaddiet ġew iffirmati xejn inqas minn 41 ftehim li tejjeb il-qagħda, il-kundizzjonijiet u żied il-pagi ta’ eluf ta’ ħaddiema għas-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku, li aktar minn nofshom, madwar 25, ġew iffirmati mal-GWU.”

Il-Prim Ministru qal li l-prinċipji tal-Gvern se jibqgħu favur il-kawża tal-ħaddiem, id-dħul diċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, u sostenn soċjali b’mod speċjali lil min jiflaħ l-inqas. Iżda dawn il-prinċipji tista’ tħaddimhom fil-prattika bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li tibqa’ l-garanzija biex inkomplu nwettqu progress soċjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Huwa saħaq li r-realtajiet jinbidlu u għalhekk irridu nibqgħu ffukati fuq il-prijoritajiet tal-ħaddiema quddiem ekonomija dinamika. “Illum pajjiżna għandu sitwazzjoni fejn għal kull persuna li tirreġistra hemm seba’ postijiet tax-xogħol vakanti. Għalhekk illum ma nitkellmux biss fuq ħolqien ta’ impjiegi, imma fuq karrieri ta’ kwalità li jrendu, anke f’setturi li qabel ma konniex nassoċjawhom ma’ karrieri ta’ kwalità, bħas-settur tal-manifattura,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Qal li fi żmien ta’ bidliet kbar, fosthom il-qalba diġitali u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) rridu nkunu pijunieri tal-progress. Għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti fil-ħaddiema aktar minn qatt qabel, sabiex dawn ikollhom l-aqwa ħiliet biex jużaw teknoloġiji ġodda. Dr Abela nnota li fil-Budget li diġà beda jiġi implimentat, tressqet viżjoni ta’ AI għal Kulħadd, li tfisser korsijiet u ċertifikazzjonijiet b’xejn għal kulħadd, inkluż għall-ħaddiema. Huwa fakkar li Malta kienet pijuniera seba’ snin ilu meta nediet strateġija nazzjonali għall-AI, li ġiet implimentata kważi kollha, u issa ġiet aġġornata biex pajjiżna jkompli jkun wieħed mill-aktar AI-friendly. 

Il-Prim Ministru nnota miżuri ewlenin fil-Budget li issa beda jiġi implimenta, mhux biss it-tieni tax cut konsekuttiva u ż-żidiet fil-pensjonijiet imma issa kif wara ż-żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku, issa se jkun qed jiżdied id-dħul tal-ħaddiema fis-settur privat permezz ta’ miżura fejn il-Gvern qed jagħti sa 80% sussidju fiż-żieda tal-paga li min iħaddem jagħti lil ħaddiema li issa qed jaħdmu b’mod stabbli.

Din is-sena tidħol fis-sitt sena minn meta l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ma baqgħux jitilfu l-festi pubbliċi meta dawn jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd. Il-Prim Ministru spjega ukoll li din is-sena l-ħaddiema għandhom tlett ijiem addizzjonali mal-leave normali tagħhom biex jagħmlu tajjeb għal festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.

Dr Abela għamel ukoll referenza għall-Equal Pay for Work of Equal Value, li ġiet estiża għall-privat, u li pajjiżna daħal fit-tieni sena tat-tħaddin ta’ dan il-prinċipju biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kontra inġustizzji tal-passat. Fl-istess waqt, bl-implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy, ġew protetti l-ħaddiema Maltin filwaqt li ġie żgurat li kull ħaddiem f’pajjiżna jaħdem bid-dinjità li tixraqlu.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lill-GWU għall-ħidma tagħha u appella biex din tkompli tmexxi ’l quddiem proposti u ideat li jsaħħu dejjem aktar lill-ħaddiema, lill-familji tagħhom u lill-pensjonanti.

PR260085

Il-miri tal-Viżjoni se jkunu jistgħu jiġu mkejla lejn aktar kontabbiltà

F’laqgħa pożittiva oħra mal-imsieħba soċjali dwar il-Viżjoni Malta 2050, ġiet ippreżentata l-lista tal-mitt miżura li ser ikunu fil-Viżjoni, ġaladarba tkun iffinalizzata u mnedija fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-ewwel laqgħa għal din is-sena tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, taħt it-tmexxija taċ-Chairperson l-ġdida Maria Micallef, il-Kunsill kellu diskussjoni dettaljata dwar dawn il-miżuri, hekk kif il-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu ta’ konsolidament u finalizzazzjoni. L-imsieħba soċjali kellhom il-possibilità li jistudjaw bir-reqqa l-indikaturi u l-miżuri kollha.

Huma kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod professjonali li bih tmexxa dan il-proċess u sostnew li inizjattiva ta’ dan it-tip, għad li tant bżonjuża u mistennija, hi l-ewwel waħda bħalha f’pajjiżna. Huma esprimew ukoll is-sens ta’ apprezzament għall-konsultazzjoni estensiva li saret mal-istrati kollha tas-soċjetà Maltija, u anke għall-fatt li ħafna mis-suġġerimenti tagħhom ġew inklużi, sabiex il-Viżjoni tkun tabilħaqq waħda nazzjonali. Din il-laqgħa segwiet erba’ oħra li saru f’dan il-Kunsill sa mit-tnedija tal-proċess f’Ottubru 2024.

Huma nnutaw ukoll kif din hi l-ewwel darba li Gvern Malti qed ikun daqstant akkontabbli u trasparenti, peress li kull miżura hi abbinata ma’ indikatur u l-pubbliku ser ikun jista’ jsegwi l-progress irreġistrat.

Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru il-Kurunell Dr Mark Mallia spjega kif matul il-proċess kollu, il-Gvern baqa’ f’kuntatt mal-imsieħba soċjali, sabiex illum seta’ jiġi ppreżentat qafas avvanzat ħafna tal-Viżjoni. “Spjegajna b’mod dettaljat l-indikaturi u l-miżuri-makro li jfasslu din il-Viżjoni u li se jkunu għall-aċċess tal-pubbliku, permezz ta’ pjattaforma diġitali. Il-Viżjoni Malta 2050 se tibqa’ dokument ħaj li se jkun qed jiġi adattat minn żmien għal żmien skont iċ-ċirkustanzi tal-pajjiż,” spjega Dr Mallia.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega kif dan il-proċess li kien ġie xprunat mill-Ministeru tiegħu issa riesaq lejn il-finalizzazzjoni. “Dan kien proċess li wassal biex il-korpi kollha qablu fuq dokument wieħed, uniku, dwar fejn se nieħdu l-pajjiż tagħna, u dan juri maturità politika, u fiduċja f’kif mexxejna dan il-proċess.”

Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi ta aġġornament sħiħ tax-xogħol li sar minn April 2025, meta d-dokument kien tpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika. Huwa rrimarka kif il-governanza ta’ dan il-proġett kompliet riċentament tissaħħaħ bit-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Tmexxija li qed isegwi l-ħidma u l-kontinwità ta’ dan l-eżerċizzju. “B’riżultat tal-konsultazzjoni estensiva, komplejna nsaħħu d-dokument, u ndaħħlu miżuri ġodda, b’miri li jwassluna lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, li hu l-għan primarju tal-Viżjoni. L-indikaturi (KPIs) u l-miżuri-makro se jkunu qed iwassluna għall-ewwel għaxar snin, sal-2035, però orjentati lejn fejn irridu nwasslu dan il-pajjiż sal-2050”, spjega s-Sur Mizzi.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fakkar li l-imsieħba soċjali kienu parteċipi f’dan il-proċess mill-bidu u issa qed jaraw il-frott tax-xogħol tagħhom f’dan l-istess proċess inklussiv. “Issa rridu nħarsu ’l quddiem u flimkien inwasslu din il-Viżjoni anke għat-tisħiħ ta’ Family Friendly Measures, fosthom leave għall-ġenituri – il-parental u anke l-paternity leave u d-diskussjoni li se nibdew fl-immedjat dwar ir-remote working u r-Right to Disconnect, li lkoll jeħtieġu l-kooperazzjoni bejn il-unions u min iħaddem.”

Iċ-Chairperson Maria Micallef esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li fl-ewwel laqgħa mmexxija minnha, il-Kunsill iddiskuta strateġija tant importanti u olistika li fuqha se jitmexxa pajjiżna għall-25 sena li ġejjin. “Il-Kunsill iħares ’il quddiem biex ikompli d-diskussjonijiet strutturati mal-imsieħba soċjali u li, fil-jiem li ġejjin, se jitlaqqa’ t-Task Force sabiex tiġi analizzata aktar fil-fond il-lista ta’ miżuri u proposti, bil-għan li jingħata feedback dwar il-miżuri tal-Viżjoni Malta 2050,” qalet is-Sinjura Micallef.