Milqugħa pożittivament il-mitt miżura li se jsawru l-Viżjoni Malta 2050

PR260085

22/01/2026

Il-miri tal-Viżjoni se jkunu jistgħu jiġu mkejla lejn aktar kontabbiltà

F’laqgħa pożittiva oħra mal-imsieħba soċjali dwar il-Viżjoni Malta 2050, ġiet ippreżentata l-lista tal-mitt miżura li ser ikunu fil-Viżjoni, ġaladarba tkun iffinalizzata u mnedija fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-ewwel laqgħa għal din is-sena tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, taħt it-tmexxija taċ-Chairperson l-ġdida Maria Micallef, il-Kunsill kellu diskussjoni dettaljata dwar dawn il-miżuri, hekk kif il-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 issa daħal fl-aħħar fażi tiegħu ta’ konsolidament u finalizzazzjoni. L-imsieħba soċjali kellhom il-possibilità li jistudjaw bir-reqqa l-indikaturi u l-miżuri kollha.

Huma kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod professjonali li bih tmexxa dan il-proċess u sostnew li inizjattiva ta’ dan it-tip, għad li tant bżonjuża u mistennija, hi l-ewwel waħda bħalha f’pajjiżna. Huma esprimew ukoll is-sens ta’ apprezzament għall-konsultazzjoni estensiva li saret mal-istrati kollha tas-soċjetà Maltija, u anke għall-fatt li ħafna mis-suġġerimenti tagħhom ġew inklużi, sabiex il-Viżjoni tkun tabilħaqq waħda nazzjonali. Din il-laqgħa segwiet erba’ oħra li saru f’dan il-Kunsill sa mit-tnedija tal-proċess f’Ottubru 2024.

Huma nnutaw ukoll kif din hi l-ewwel darba li Gvern Malti qed ikun daqstant akkontabbli u trasparenti, peress li kull miżura hi abbinata ma’ indikatur u l-pubbliku ser ikun jista’ jsegwi l-progress irreġistrat.

Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru il-Kurunell Dr Mark Mallia spjega kif matul il-proċess kollu, il-Gvern baqa’ f’kuntatt mal-imsieħba soċjali, sabiex illum seta’ jiġi ppreżentat qafas avvanzat ħafna tal-Viżjoni. “Spjegajna b’mod dettaljat l-indikaturi u l-miżuri-makro li jfasslu din il-Viżjoni u li se jkunu għall-aċċess tal-pubbliku, permezz ta’ pjattaforma diġitali. Il-Viżjoni Malta 2050 se tibqa’ dokument ħaj li se jkun qed jiġi adattat minn żmien għal żmien skont iċ-ċirkustanzi tal-pajjiż,” spjega Dr Mallia.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega kif dan il-proċess li kien ġie xprunat mill-Ministeru tiegħu issa riesaq lejn il-finalizzazzjoni. “Dan kien proċess li wassal biex il-korpi kollha qablu fuq dokument wieħed, uniku, dwar fejn se nieħdu l-pajjiż tagħna, u dan juri maturità politika, u fiduċja f’kif mexxejna dan il-proċess.”

Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Viżjoni Malta 2050 Ronald Mizzi ta aġġornament sħiħ tax-xogħol li sar minn April 2025, meta d-dokument kien tpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika. Huwa rrimarka kif il-governanza ta’ dan il-proġett kompliet riċentament tissaħħaħ bit-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Tmexxija li qed isegwi l-ħidma u l-kontinwità ta’ dan l-eżerċizzju. “B’riżultat tal-konsultazzjoni estensiva, komplejna nsaħħu d-dokument, u ndaħħlu miżuri ġodda, b’miri li jwassluna lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, li hu l-għan primarju tal-Viżjoni. L-indikaturi (KPIs) u l-miżuri-makro se jkunu qed iwassluna għall-ewwel għaxar snin, sal-2035, però orjentati lejn fejn irridu nwasslu dan il-pajjiż sal-2050”, spjega s-Sur Mizzi.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fakkar li l-imsieħba soċjali kienu parteċipi f’dan il-proċess mill-bidu u issa qed jaraw il-frott tax-xogħol tagħhom f’dan l-istess proċess inklussiv. “Issa rridu nħarsu ’l quddiem u flimkien inwasslu din il-Viżjoni anke għat-tisħiħ ta’ Family Friendly Measures, fosthom leave għall-ġenituri – il-parental u anke l-paternity leave u d-diskussjoni li se nibdew fl-immedjat dwar ir-remote working u r-Right to Disconnect, li lkoll jeħtieġu l-kooperazzjoni bejn il-unions u min iħaddem.”

Iċ-Chairperson Maria Micallef esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li fl-ewwel laqgħa mmexxija minnha, il-Kunsill iddiskuta strateġija tant importanti u olistika li fuqha se jitmexxa pajjiżna għall-25 sena li ġejjin. “Il-Kunsill iħares ’il quddiem biex ikompli d-diskussjonijiet strutturati mal-imsieħba soċjali u li, fil-jiem li ġejjin, se jitlaqqa’ t-Task Force sabiex tiġi analizzata aktar fil-fond il-lista ta’ miżuri u proposti, bil-għan li jingħata feedback dwar il-miżuri tal-Viżjoni Malta 2050,” qalet is-Sinjura Micallef.

FacebookTwitter