Month: June 2025

PR251154

F’laqgħa tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell, filwaqt li rrikonoxxa l-iżviluppi pożittivi bl-inizjattivi preżentati mill-Kummissjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-urġenza li jkunu aċċellerati d-diskussjonijiet fuq il-migrazzjoni. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea trid taħdem għal aktar koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu, inkluż mal-Libja.

Il-Prim Ministru tenna li r-ritorn effettiv ta’ dawk li ma jistħoqqilhomx l-ażil jibqa’ pilastru importanti tal-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u wieħed li jwassal messaġġ ċar lit-traffikanti tal-bnedmin. Din it-tema kienet ukoll diskussa f’laqgħa bejn numru ta’ mexxejja, fosthom il-Prim Ministru Malti u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fil-marġni tas-Summit.

Matul dan is-Summit ġiet diskussa wkoll il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, b’Malta terġa’ twassal pożizzjoni b’saħħitha favur il-konnettività u l-aċċessibilità tas-Suq Uniku. Il-Prim Ministru qal li sabiex l-Unjoni Ewropea issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja, trid tibda billi tassigura li s-Suq Uniku qed ipoġġi lin-nies fiċ-ċentru u li jaħdem għal kulħadd, jinsabu fejn jinsabu. Dr Abela tenna li fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea trid tfittex li tipprofondixxi r-rabtiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terzi li jkompli jippromovi aktar prosperità, tkabbir u ħolqien tal-impjiegi.

Il-Prim Ministru qal li l-kompetittività tibqa’ aspett kruċjali fi sfond tat-tranżizzjonijiet ambjentali u diġitali. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern Malti bid-direzzjoni ekonomika li qed jagħti permezz tal-Viżjoni Malta 2050 li tinċentiva lin-negozji, inkluż dawk żgħar u medji, li jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija Maltija u l-katalisti ta’ dawn il-bidliet.

Il-Mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll l-aħħar żviluppi marbuta mal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Hawn il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-messaġġ ta’ pajjiżna favur id-deskalazzjoni u aktar impenn ċar favur id-djalogu u l-paċi. Il-Prim Ministru fakkar kif waqt li pajjiżna bħalissa qiegħed iservi fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, matul din il-ġimgħa ġie ffirmat ftehim importanti li qed jistabbilixxi t-Tribunal Speċjali dwar ir-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ tinjora t-traġedja umanitarja f’Gaża, filwaqt li semma wkoll il-familji tal-ostaġġi li nħatfu fl-attakki mill-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023. Huwa nnota li l-esklazzjoni fir-reġjun qed toħloq sfidi ekonomiċi u kummerċjali fir-rotot marittimi u tenna li l-Unjoni Ewropea trid taħdem fuq pjan ta’ kontinġenza. Huwa fakkar li l-gwerrer jibqgħu dejjem dawk li jheddu l-prosperità taċ-ċittadini.

Il-Mexxejja ddiskutew ukoll temi oħra fosthom il-Moldova u l-Balkani tal-Punent.

PR251143

Malta żammet l-impenn finanzjarju tagħha lejn GAVI, alleanza li taħdem favur it-tilqim li jsalva l-ħajjiet b’mod partikolari t-tfal u persuni vulnerabbli. Fil-GAVI Summit li tlaqqa’ fi Brussell bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Fondazzjoni Gates, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-pandemija tal-Covid-19 bħala eżempju li wassalna biex bħala Ewropa nikkoperaw flimkien biex ġew salvati bosta ħajjiet mill-imxija tal-Covid-19.

Meta indirizza s-Summit mal-Mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Malti saħaq li pajjiżna dejjem jaċċenna favur aċċess ugwali għas-servizz tas-saħħa u l-aċċess għall-mediċini, irrispettivament fejn jgħixu n-nies. Qal li fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi li jġibu inċertezza, l-inugwaljanza fejn jidħol l-aċċess mediċinali jikber u allura l-missjoni ta’ GAVI hija bil-wisq aktar importanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-missjoni ta’ GAVI ssalva miljuni ta’ tfal b’tilqim kontra ċertu mard u qal li bħala komunità internazzjonali rridu nagħmlu sforz kollettiv biex nikkumplimentaw din il-ħidma kruċjali. Qal li b’koperazzjoni flimkien jista’ jkollna soċjetajiet aktar b’saħħithom, sistemi aktar reżiljenti u pajjiżi mħejjija aħjar għal eventwalitajiet differenti. Sostna li s-settur privat fil-qasam tal-farmaċewtika wkoll għandu rwol iżda jridu jkunu wkoll il-Gvernijiet tal-pajjiżi li jagħtu l-appoġġ biex ħidmet il-GAVI tkompli tkun effettiva. L-indirizz tal-Prim Ministru Robert Abela fis-Summit intemm b’messaġġ ċar favur is-solidarjetà biex nassiguraw li l-ebda persuna ma titħalla taqa’ lura.

Bħala parti mill-impenji tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela assista għall-kxif ta’ Żieme skolpit mill-artist Malti Austin Camilleri. Żieme fi Pjazza Broglie fi Strażburgu huwa parti mill-kalendarju kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li fih kien hemm ukoll ir-rappreżentazzjoni ta’ Kor Malta fil-Katidral ta’ Notre-Dame ta’ Strażburgu, li fakkar il-wirt Malti minsuġ ma’ dak Ewropew.

Fi Strażburgu wkoll saret il-preżentazzjoni ta’ bolla kommemorattiva li fakkret il-Presidenza Maltija u s-sittin anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri Vettiger.

PR251137

Meta kien qed jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta temmen fiż-żgħażagħ mhux bħala biss il-futur imma l-mexxejja li jimbuttaw bidliet pożittivi għal-lum. Fl-indirizz tiegħu li fih iffoka fuq il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li għandha sa Novembru li ġej, il-Prim Ministru Malti tkellem ukoll dwar il-paċi bħala ċ-ċavetta tal-prosperità għall-popli differenti.

Dr Abela qal li fi żmien ta’ tensjonijiet u sfidi ġeopolitiċi primarjament fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, il-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol akbar lil hinn mill-kontinent Ewropew. “Sfidi globali jeħtieġu sforzi globali,” sostna l-Prim Ministru f’indirizz importanti li għamel fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strażburgu. Qal li Malta sservi ta’ pont bejn il-pajjiżi kollha msieħba f’dan il-Kunsill, 46 b’kollox. Spjega kif l-ebda nazzjon mhu żgħir biex jagħti direzzjoni lejn futur aħjar.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li bħala komunità internazzjonali f’dan il-Kunsill irridu nassiguraw paċi li tipproteġi l-valuri tal-umanità. Hawn fisser il-valuri importanti tad-drittijiet tal-bniedem li jħaddan il-Kunsill tal-Ewropa. “Ma nistgħu qatt nibqgħu siekta quddiem it-traġedji umani f’Gaża u l-komunità internazzjonali għandha tingħaqad biex jieqaf it-tixrid tad-demm u kulħadd jirrispetta l-liġijiet internazzjonali,” aċċenna l-Prim Ministru.

Fuq iż-żgħażagħ, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar inizjattivi importanti li ħa l-pajjiż biex isaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ. Mhux biss il-Youth Advisory Forum li jservi ta’ Kabinett taż-Żgħażagħ iżda anki l-Vot16 u s-sinjal li tat Malta meta nnominat l-iżgħar Kummissarju Ewropew li ġie fdat bil-portafoll taż-żgħażagħ. Dr Abela rrefera wkoll għall-Konferenza tal-Ministri responsabbli miż-żgħażagħ li se tospita Malta f’Ottubru fejn żgħażagħ u nies li jfasslu l-politika se jiġu flimkien biex jiddiskutu futur demokratiku mmexxi miż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar passi li ħadet Malta taħt Gvern immexxi minnu. Qal li bosta riformi li saru anki b’konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa fosthom il-Kummissjoni Venezja, il-Greco u l-Moneyval, wasslu għall-ġid biex pajjiżna saħħaħ l-integrità istituzzjonali tiegħu. Hawn semma r-riformi fil-qasam tal-ġustizzja fosthom il-ħatriet fil-ġudikatura, it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, il-bidla fil-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika bil-vot taż-żewġ terzi u r-ristrutturar favur tisħiħ fl-operat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Dan apparti riformi oħra fejn il-Gvern ressaq abbozzi li jipproteġu l-ġurnalisti u t-traspożizzjoni tad-direttiva Ewropea Anti-SLAPP.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-introduzzjoni tal-femiċidju fil-liġi kriminali ta’ Malta u riformi oħra li bihom saħħaħ l-emanċipazzjoni tan-nisa fosthom anki fil-ħajja politika. Qal ukoll li pajjiżna dejjem sab il-Kunsill tal-Ewropa bħala d-dar naturali li tgħaqqad l-aspirazzjonijiet tant importanti għall-umanità fosthom il-paċi, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u t-tħaddin tas-saltna tad-dritt. Saħaq ukoll li l-impenn għad-djalogu u l-multilateraliżmu dejjem kienu parti mill-politika barranija ta’ pajjiżna, li jibqa’ vuċi kostanti favur stabbiltà reġjonali u dik globali.

Fi Strażburgu hekk kif Malta għandha f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħat mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset u mal-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Theodoros Roussopoulos.

Fiż-żewġ laqgħat, il-Prim Ministru Malti tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa u fost temi oħra ssemmew il-gwerra fl-Ukrajna u l-eskalazzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Akkumpanjat fost oħrajn mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri Vettiger, Dr Abela qal li Malta tkompli timbotta favur id-djalogu u l-multilateraliżmu. Huwa ta donazzjoni f’isem il-Gvern Malti li biha qed jappoġġja proġett ta’ ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa bħala parti mill-Patt Demokratiku għall-Ewropa li bih issaħħaħ ir-reżiljenza demokratika, jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u jsaħħaħ il-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ fost oħrajn.