Month: June 2025

PR251126

Illum l-Uffiċċju tal-Kabinett beda jilqa’ l-applikazzjonijiet biex jimtela’ post vakanti fil-Youth Advisory Forum. Il-Forum huwa organu fejn il-Gvern jikkonsulta b’mod kontinwu maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali.

Il-Forum twaqqaf fl-2023 u t-tieni terminu jibda f’Lulju 2025. Il-membri jistgħu jservu fil-Forum għal perjodu ta’ tmintax-il xahar u jkollhom ċans jerġgħu jiġu appuntati għal terminu ieħor biss.

Il-kriteriji tal-eliġibbiltà u informazzjoni oħra relatata huma mehmuża ma’ din l-istqarrija. Żgħażagħ li jkunu interessati jservu fil-Youth Advisory Forum jistgħu japplikaw onlajn fuq www.primministru.gov.mt.

PR251125

Fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa, it-Tnejn filgħaxija ġie ffirmat l-aqwa ftehim settorjali għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn il-fond tas-salarji issa ser ilaħħaq investiment ta’ €68 miljun. Ftehim li jibni fuq ta’ qablu, li kien l-ewwel wieħed, u li reġa’ ġie iffirmat mar-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema, il-General Workers’ Union. Il-ftehim se jerġa’ jagħti żidiet b’saħħithom u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,800 uffiċjal. 

F’okkażjoni sabiħa fil-Barracks ta’ Ħal Luqa qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-issiġillar ta’ dan il-ftehim bħala investiment ieħor f’kategorija ta’ ħaddiema. Kategorija ta’ ħaddiema parti mill-Amministrazzjoni Pubblika li gawdiet ukoll mill-ftehim kollettiv tal-Amministrazzjoni Pubblika ffirmat lejn tmiem is-sena l-oħra. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif mill-bidu tax-xahar li għadda sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-Gvern ser ikun iffirma xejn inqas minn 11-il ftehim li bih jagħti żidiet u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ 1,100 ħaddiem tal-Amministrazzjoni Pubblika.

“Kull ftehim qed nagħmluh mhux għal medda twila ta’ snin jew inħalluh jiskadi u ma niffirmaw ieħor qatt. Anzi ħames snin wara ħames snin, il-ħaddiema qed jaraw titjib fil-kundizzjonijiet u żidiet qawwija,” qal Dr Abela li rrimarka kif dan ma jsirx biss għax il-Gvern għandu x-xewqa li jagħmel dan iżda għax finanzjarjament huwa sod, stabbli u jiflaħ iqassam il-ġid u jinvesti fil-ħaddiema tiegħu.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li d-direzzjoni ekonomika tal-Gvern hija b’enfasi fuq il-kwalità. Qal li l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd hija dik li titkellem dwarha l-Viżjoni Malta 2050, fejn il-ħaddiema u l-familji jkomplu jkunu fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem. Qal li għalhekk ma nistgħux ma ninvestux f’min meta l-pajjiż isejjaħlu, ikun dejjem hemm bħal ma huma l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar anki investiment b’saħħtu fir-riżorsi li jużaw. Il-Prim Ministru saħaq li l-pajjiż huwa grat lejn is-suldati u ħeġġiġhom biex jibqgħu jaħdmu għal Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li Malta sigura u kundizzjonijiet aħjar flimkien ma’ drittijiet imsaħħa għall-ħaddiema, mhumiex biss kliem jew buzzwords, iżda huma l-prijoritajiet li dan il-Gvern jaħdem għalihom kuljum. Fisser li s-sigurtà tal-pajjiż u l-investiment fil-ħaddiema li jagħtu ħajjithom għal dan il-għan, għandhom jimxu id f’id. “Għaliex nemmnu li l-Korpi Dixxiplinati tagħna, jistħoqqilhom l-aqwa kundizzjonijiet. Però mhux nemmnu biss, inwettquhom darba wara oħra. B’dan qegħdin nagħmluh għat-tieni darba f’ħames snin mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta,” sostna l-Ministru Camilleri. Ikkonkluda li l-Gvern ser jibqa’ ta’ spalla mal-Korpi Dixxiplinati kollha, kif kien fl-aħħar snin, mhux biss b’aktar investiment f’dak kollu li jeħtieġu fil-qadi ta’ dmirijiethom iżda wkoll billi tibqa’ tiġi premjata l-bżulija.

F’din l-okkażjoni tkellem ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton J O’Neill, li fil-preżenza tas-suldati fisser id-differenza li dan il-ftehim ser jagħmel għall-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta u kif dan ser ikun qiegħed iwassal ukoll biex ikompli jissaħħaħ is-servizz mogħti. “Huwa wkoll ftehim li jirrifletti kif bħala Forza Dixxiplinata qegħdin nibqgħu niġġeddu, nibqgħu nissaħħu u nevolvu. Ir-rekluti li qegħdin jilbsu l-uniformi u jibdew iservu juri wkoll dan.” Ikkonkluda b’ringrazzjament lil dawk kollha involuti biex issa l-Forzi Armati ta’ Malta bdew igawdu mill-aqwa ftehim settorjali.

Min-naħa tal-Gvern, għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, u s-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Joyce Dimech.

PR251102

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, ippresedew għall-iffirmar tal-ewwel Ftehim Kollettiv għall-impjegati tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika. Dan il-ftehim, li jkopri ħames snin, jirrappreżenta investiment fis-settur soċjali filwaqt li jirrikonoxxi l-ħidma speċjalizzata ta’ dawn il-professjonisti li jaħdmu f’qasam tant sensittiv u kruċjali.

Waqt din l-okkażjoni l-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ ma’ diversi ħaddiema tal-Kummissjoni, fejn sema’ b’mod dirett l-esperjenzi tagħhom u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom kuljum fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru.

“Dan il-ftehim jirrifletti mhux biss l-impenn tal-Gvern għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, iżda wkoll l-istima li għandna lejn dawk li jaħdmu b’dedikazzjoni biex jipproteġu l-vittmi u jindirizzaw din il-pjaga soċjali. Meta tisma’ dirett l-istejjer ta’ sitwazzjonijiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum il-ħaddiema ta’ din il-Kummissjoni tista’ tagħraf aktar kemm dan il-qasam jeħtieġ attenzjoni kontinwa u r-riżorsi kollha possibbli”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota li dan il-ftehim ġie ffirmat l-għada li l-Gvern ħabbar l-introduzzjoni tal-panic alarms għal vittmi ta’ vjolenza domestika bl-ikbar riskju. Investiment ieħor li jipproteġi l-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan il-ftehim kollettiv, li qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, huwa prova oħra tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lil din il-pjaga fis-soċjetà. Hija saħqet li dan l-impenn qed jagħti riżultati konkreti.

“Dan il-ftehim ser isaħħaħ l-impenn tal-ħaddiema li ser jibbenefikaw minnu, fil-qadi ta’ dmirijiethom sabiex titwettaq l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika 2023-2028. Għaldaqstant, dan il-ftehim qed jiġi ffirmat propju waqt li l-impjegati tal-Kummissjoni qed jagħmlu t-tħejjijiet amministrattivi u loġistiċi għall-kampanja ta’ 16-il Jum ta’ Attiviżmu Kontra l-Vjolenza Domestika, kampanja li kull sena qed tikber u ssir aktar effettiva fit-twassil tal-messaġġ kontra kull forma ta’ vjolenza”, qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

L-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (2023–2028) hija bbażata fuq l-erba’ pilastri tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u tinkludi 23 miżura u 81 azzjoni konkreta. Il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tagħha, b’kollaborazzjoni mal-istakeholders kollha biex jiġu indirizzati b’mod effettiv il-prevenzjoni, is-sapport u l-prosekuzzjoni f’dan il-qasam.

Il-Kummissarju dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, Samantha Pace Gasan, qalet, “Dan il-ftehim huwa riflessjoni dwar l-importanza tal-ħaddiema li ta’ kuljum jaħdmu b’dedikazzjoni sabiex tkompli tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Dan il-ftehim kollettiv huwa għodda importanti sabiex inkomplu nittrattaw persuni li jixtiequ jaħdmu fuq livell ta’ koordinament u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, l-għarfien u t-taħriġ f’dan il-qasam.”

Il-ftehim jinkludi titjib fis-salarji, arranġamenti ta’ xogħol flessibbli u allowances ġodda għall-ħaddiema. L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jsostni mhux biss il-ġid tal-ħaddiema, imma wkoll l-effiċjenza tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza.

F’laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani Costas Kadis, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-appoġġ tal-Gvern Malti lejn approċċ komuni Ewropew ibbażat fuq dak li hu ġust, ix-xjenza u s-solidarjetà. Dan b’rabta wkoll mas-sigurtà tal-ikel u l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-ibħra tagħna f’kuntest ta’ sfidi bħat-tibdil fil-klima.

Qal li Malta għandha industrija tas-sajd li ħafna minnha hija negozju tal-familja u saħaq li s-sajjieda Maltin ma għandhomx ikunu żvantaġġjati u għalhekk l-infurzar kontra sajd eċċessiv li jimpatta ħażin lis-sajjieda Maltin, jibqa’ kruċjali. Dr Abela qal li s-sostenibbiltà fis-sajd mhijiex biss pass ambjentali iżda li tipproteġi s-sostenibbiltà tas-settur.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fil-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Sharlo Camilleri, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia u x-Sherpa tal-Prim Ministru, Leandro Borg.

PR251051

Il-Prim Ministru Robert Abela żar numru ta’ kumpaniji f’Għawdex li jkomplu jixhdu l-fiduċja tan-negozji u l-kumpaniji lokali fl-ekonomija Maltija.

L-ewwel żjara tal-Prim Ministru kienet dik f’Hutchinson Gozo, kumpanija tal-manifattura li tħaddem mal-235 persuna u li tifforma parti minn kumpanija dinjija li tħaddem aktar minn 40,000 persuna f’25 pajjiż differenti, bi dħul ta’ madwar €5 biljun fis-sena.

Dr Abela, flimkien mat-tmexxija ta’ din il-kumpanija, żar ukoll il-ħaddiema tagħha fejn hemmhekk ġie spjegat ukoll it-tip ta’ xogħol li jsir u li jimraħ f’numru ta’ setturi differenti fosthom dak tal-enerġija, id-difiża u l-avjazzjoni.

It-tmexxija ta’ Hutchinson Gozo spjegat ukoll kif fl-aħħar snin il-kumpanija investiet mas-€6 miljun biex tkun tista’ tiddiversifika l-ħidma tagħha filwaqt li tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, permezz ta’ makkinarju ġdid u postijiet tax-xogħol ġodda ta’ kwalità għal aktar Għawdxin u Maltin.

Intant, fix-Xewkija f’Għawdex ukoll, il-Prim Ministru żar il-kumpanija Magro Brothers li s-sena li għaddiet ħabbret investiment ta’ €12.5 miljun li permezz tiegħu, il-kumpanija se tkun tista’ tirdoppja l-produzzjoni tagħha u tagħmilha mal-aqwa ħames kumpaniji Ewropej fis-settur.

Fil-fatt, it-tmexxija tal-kumpanija spjegat lill-Prim Ministru kif matul l-aħħar snin, il-kumpanija esperjenzat tkabbir sostanzjali fl-esportazzjonijiet tagħha ta’ table sauces u matul l-2024 laħqet il-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni. 

Kien għalhekk li nħass il-bżonn ta’ dan l-investiment il-ġdid u li b’hekk wassal għal aktar xogħlijiet ta’ kwalità fosthom bil-bżonn ta’ 15-il technician speċjalizzat. Hawnhekk ukoll permezz ta’ dan l-investiment il-konsum tal-enerġija se jonqos u permezz ta’ dan il-proċess il-konsumatur se jkun jista’ wkoll jirriċikla l-fliexken li se jkunu 100% riċiklabbli.

Wara li ltaqa’ mal-ħaddiema li ta’ kuljum ikomplu jagħmlu lil din il-kumpanija suċċess, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li, “Il-fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna qed tkompli tissarraf f’aktar investimenti li filwaqt li joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għall-poplu tagħna, qed iwasslu wkoll biex ikun prijoritizzat l-ambjent. Għalhekk huwa importanti li filwaqt li nkomplu nindukkraw u nieħdu ħsieb l-ekonomija tagħna għaliex dik hija l-bażi ta’ kollox, inkomplu ninċentivaw ukoll l-investiment għaqli sabiex pajjiżna jibqa’ javvanza quddiem futur mill-isbaħ li għandu quddiemu”.