Month: June 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mat-timijiet rebbieħa tal-programmi tal-imprenditorija żagħżugħa tal-Junior Achievement (JA). Il-gruppi huma Simplex mis-Sixth Form tal-Kulleġġ San Alwiġi, li rebħet il-kompetizzjoni tal-‘Company Programme’, u MediMind mill-Istitut Saint Martin, li rebħu lis-‘Startup Programme’.

Il-kumpaniji rebbieħa ffukaw fuq l-istess tema – jiġifieri l-kura tal-anzjani biex dawn ikunu iktar indipendenti u jibqgħu fil-komunità – fejn it-tnejn ħarġu b’soluzzjonijiet li bihom l-anzjani jew nies vulnerabbli jistgħu jaċċessaw il-preskrizzjonijiet mediċi tagħhom b’mod iktar sigur. Dan hekk kif ħolqu prototipi ta’ pill-blister popper u automated medicine dispenser.

Dawn it-timijiet issa se jirrappreżentaw lil Malta f ‘Gen_E’ – l-akbar festival ta’ intraprenditorija fl-Ewropa, li se jsir f’ Ateni, il-Greċja mill-1 sat-3 ta’ Lulju 2025, u se jikkompeti kontra 42 pajjiż ieħor. Din is-sena kienu aktar minn 250 student minn 12-il skola u istituzzjoni edukattiva li pparteċipaw fil-programmi tal-kumpanija JA Malta.

Il-programm tal-kumpanija jara l-parteċipazzjoni ta’ studenti postsekondarji u l-programm Startup huwa għall-istudenti tal-livell terzjarju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti akkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa. Flimkien mal-istudenti attendew ukoll uffiċjali tal-JA, mentors tal-gruppi u għalliema tal-iskejjel rispettivi.

PR250992

Meta indirizza l-konferenza tal-‘Istat tan-Nazzjon’ organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar proġett pilota li beda jitħaddem minn din is-sena skolastika f’għaxar skejjel fejn sa issa ntlaħqu mal-elf u mitejn student u disa’ mitt ġenitur fuq programm li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-iskejjel, il-familji u l-komunitajiet.

Fil-konferenza bit-tema tal-edukazzjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar il-proġett family-community school link li bih il-Gvern qed jgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u anke t-trobbija tal-ulied mal-familji li jibqgħu l-punt fokali tad-deċiżjonijiet fl-interess tagħhom li l-Gvern jieħu ta’ kuljum. Dr Abela qal li s-settur edukattiv jibqa’ wieħed kruċjali fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies u għalhekk ukoll id-direzzjoni ekonomika tal-Gvern biex pajjiżna jibqa’ jiġġenera suċċess frott it-talent taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Ministru nnota studju li ġie ppreżentat fil-konferenza fejn kien hemm żieda ta’ qrib il-5% ta’ dawk li jħossu li għamlu suċċess f’ħajjithom, tliet kwarti b’kollox ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Qal li rridu naraw iżjed nies jagħmlu suċċess f’pajjiżna fosthom uliedna li għandhom il-ħolm u x-xewqat tagħhom. Spjega kif għalhekk irridu nibqgħu ninvestu aktar bis-saħħa fl-aqwa għodda li hija l-edukazzjoni biex uliedna jaħtfu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi għal karrieri ta’ kwalità. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bil-ġid li noħolqu nifhmu mhux biss aktar flus fil-bwiet tal-familji iżda wkoll aktar ħin ta’ kwalità fil-familji, mhux biss aktar tkabbir tan-numri fl-impjiegi imma titjib fil-karrieri. 

Il-Prim Ministru saħaq li għalhekk il-Viżjoni Malta 2050 titkellem fuq sistema edukattiva iżjed moderna f’oqsma emerġenti bħall-coding, l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika fost oħrajn biex uliedna jkunu mħarrġa għall-ekonomija tal-lum u ta’ għada. Qal li għandna skemi u istituzzjonijiet edukattivi li qed iħarrġu u jagħtu ħiliet ġodda liż-żgħażagħ tagħna biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u għalhekk il-Gvern jisħaq fuq ekonomija diversifikata fejn hemm bżonn ħiliet differenti mhux b’inqas dawk vokazzjonali fejn il-Gvern se jiftaħ mill-ġdid l-iskola tas-snajja’ fl-MCAST.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq naħa oħra ma hemmx dubju li wliedna jridu jibqgħu jitħarrġu fl-għodda diġitali, għodda li l-Gvern jipprovdiha lit-tfal fl-iskejjel iżda ma hemmx dubju li rridu li wliedna jibqgħu jużawha bl-aħjar mod mingħajr mad-dinja virtwali tostakolahom minn dak li toffrilhom ukoll it-tfulija fosthom ħin ta’ kwalità fi spazji miftuħa mal-għeżież tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-investiment qawwi li l-Gvern għamel u se jkompli jagħmel fl-edukaturi li huma pilastru importanti fil-qasam edukattiv. Dr Abela temm jawgura li konferenza nazzjonali bħal din tkompli tixpruna u tistimula aktar ħidma favur il-familji għall-ġid ta’ ulied in-nazzjon Malti.

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja l-atleti li rrappreżentaw lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’Andorra l-ġimgħa l-oħra. Akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Prim Ministru feraħ lill-atleti, l-istaff tekniku u l-Kumitat Olimpiku Malti għall-aqwa riżultat fl-istorja miksub minn Malta f’dawn il-logħob meta pajjiżna kkompeta barra pajjiżu.

Il-kontinġent Malti kiseb xejn anqas minn 56 midalja, 13 minnhom tad-deheb. Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan is-suċċess bħala impenn massimu tal-atleti, l-kowċis u l-amministraturi lokali. L-atletli u t-timijiet tekniċi sportivi warajhom fl-aħħar snin gawdew minn fondi sostanzjali, partikolarment mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali.

PR250968

Fl-inawgurazzjoni ta’ hangar ġdid tal-kumpanija Falcon Aviation Engineering fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif pajjiżna jrid ikompli bl-impenn tiegħu fis-settur tal-avjazzjoni li joħloq tant karrieri ta’ kwalità. Dan id f’id ma’ wieħed mill-pilastri tal-Viżjoni Malta 2050 fejn hemm miri ċari biex l-industrija tal-avjazzjoni tkompli teċċella fosthom li t-tkabbir f’dan is-settur jitla’ minn €700 miljun li hu llum għal bejn €2.8 biljun u €3.3 biljun daqs għaxar snin oħra.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment minn kumpanija ta’ u mmexxija minn familja Maltija, il-Prim Ministru nnota dan l-att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna ġej minn intrapriża lokali. Investiment maqsum fuq żewġ fażijiet ta’ €5 miljun fejn il-kumpanija issa nvestiet f’hangar ta’ 1,200 metru kwadru li nbena f’inqas minn għoxrin xahar u li se jkompli jgħin fl-operat tal-kumpanija biex tagħmel manutenzjoni fuq ajruplani li jaħdmu wkoll b’operat sostenibbli.

Il-Prim Ministru Robert Abela waqt li nnota l-għoxrin anniversarju mit-twelid ta’ din il-kumpanija, semma kif pajjiżna jrid ikompli jkabbar ir-reġistru tal-ajruplani li huwa rinomat ferm. Qal li l-Viżjoni Malta 2050 titkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-qasam tal-manutenzjoni tal-ajruplani, MRO, jiddiversifika anki f’tipi differenti ta’ ajruplani bħal dawk li jġorru l-merkanzija u executive jets. “Pajjiżna jista’ jkun ċentru marittimu, loġistiku u tal-avjazzjoni fl-istess ħin”, irrimarka Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-kuraġġ, id-determinazzjoni u r-reżiljenza tal-familja Zarb li għamlet mhux biss suċċess iżda hi parti minn legat ta’ isem ta’ pajjiżna fl-industrija tal-avjazzjoni. Innota wkoll l-iskola għall-bdoti li hi marbuta mal-kumpanija Falcon Aviation Engineering. Il-Prim Ministru elenka għal numru ta’ investimenti li pajjiżna rnexxielu jiġbed lejh mis-settur tal-avjazzjoni fl-aħħar snin anki bil-għajnuna ta’ entitajiet bħal Malta Enterprise u INDIS Malta. Qal li kull settur jagħmel suċċess bis-saħħa tar-riżors uman u t-taħriġ u għalhekk pajjiżna qed jinvesti fit-talent Malti fosthom bl-inizjattiva tal-Malta Enterprise fl-MCAST ‘Choose Aviation’ biex jitħajru aktar żgħażagħ jibdew jitħarrġu u eventwalment jaqbdu karriera fis-settur tal-avjazzjoni.

Intant qabel l-inawgurazzjoni tkellem ukoll fost oħrajn id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, il-Kaptan Ray Zarb, li rringrazzja anki lil Diamond Aircraft Industries, kumpanija li aċċettat tikkollabora ma’ Falcon Aviation Engineering fuq il-manutenzjoni t’ajurplani. Innota kif il-kumpanija Maltija qegħda fil-proċess li tikseb ċertifikat importanti biex tkompli timraħ fis-settur tal-MRO billi tkun tista’ tagħti servizz fuq turboprop u ajruplani magħrufa bħala small jet aircraft. Qal li l-qagħda strateġika ta’ Malta tgħin lill-kumpanija tkun ħolqa importanti għall-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.

PR250965

Il-Viżjoni Malta 2050 titkellem fuq mira ambizzjuża li fis-settur tal-manifattura jara l-valur miżjud jitla’ b’€1 biljun oħra fl-għaxar snin li ġejjin. Hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela fl-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-fabbrika tat-Trelleborg f’Ħal Far.

Investiment ta’ €34 miljun li jinkludi nefqa fl-infrastruttura u l-apparat li se jinġieb biex iħaddem il-faċilità estiża fejn Trelleborg se tgħaqqad l-industrija li ħadmet fiha fis-settur tas-semi-conductors flimkien ma’ dik tal-bio-pharma. Il-faċilità estiża se żżid id-daqs tal-fabbrika b’aktar minn 6,000 metru kwadru u toħloq mitt karriera oħra ta’ kwalità billi n-numru ta’ impjiegi li tħaddem il-kumpanija Żvediża f’Malta jitilgħu għal 600. Fost l-oqsma li dawn il-karrieri ġodda se jagħtu opportunità lil aktar Maltin hemm dak tal-bijoinġinerija.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-istorja ta’ suċċess ta’ aktar minn 60 sena ta’ Trelleborg f’pajjiżna u fisser dan l-investiment bil-għajnuna tal-Malta Enterprise u INDIS Malta bħala turija ta’ fiduċja f’pajjiżna, fil-ħaddiema Maltin u fil-viżjoni f’pajjiżna favur żvilupp sostenibbli u teknoloġiku mżewwaq bir-riċerka. Qal li t-tkabbir tal-fabbrika qed jiftaħ orizzonti ġodda f’setturi emerġenti u Malta hija lesta li tqum għal din l-okkażjoni. Spjega kif Trelleborg u kumpaniji oħra li jinvestu qatigħ f’pajjiżna huma kruċjali biex ikomplu jsaħħu l-identità ekonomika u industrijali ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru saħaq li dan l-investiment jimxi id f’id mal-prijoritajiet tal-Viżjoni Malta 2050. “Malta tibqa’ pajjiż miftuħ għal investiment li jħalli valur miżjud mhux biss sempliċiment post fejn jilqa’ n-negozju,” qal Dr Abela li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema u t-tekniċi li għamlu dan il-proġett realtà u li se jkompli jsaħħaħ l-innovazzjoni f’pajjiżna.

Qabel il-Prim Ministru tkellem fost oħrajn il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, li fisser din l-espansjoni minn Trelleborg bħala eżempju ċar ta’ x’nistgħu niksbu permezz ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha bejn is-settur privat u entitajiet pubbliċi. Huwa semma lil Malta Enterprise u INDIS Malta bħala entitajiet li kellhom irwol kruċjali biex dan l-investiment ukoll privat jimmaterjalizza billi ffaċilitaw l-allokazzjoni tal-art u mbuttaw lejn qalba ta’ operat ta’ valur miżjud. “Din it-tip ta’ kollaborazzjoni proattiva hija preċiżament dak li titkellem fuqu l-Viżjoni Malta 2050,” saħaq il-Ministru Schembri.

Min-naħa tiegħu l-President u Kap Eżekuttiv ta’ Trelleborg Group Peter Nilsson qal li l-investiment f’espansjoni fil-faċilità ta’ Trelleborg tfisser il-preżenza kostanti li għandha l-kumpanija f’Malta u r-rieda li tkompli ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fl-industrija tal-life sciences u s-semi-conductors. Neal Borg, General Manager ta’ Trelleborg sealing Solutions ibbażata f’Malta qal, “Dan huwa żmien eċitanti għal Trelleborg f’Malta, hekk kif qed nespandu l-operat tagħna f’apparat mediku flimkien mal-industrija tas-semi-conductors. Bl-appoġġ kontinwu ta’ Trelleborg Group, Malta Enterprise, INDIS Malta u l-impjegati tagħna, aħna fiduċjużi fil-ħila tagħna li nikbru b’mod sostenibbli u nwasslu soluzzjonijiet innovattivi.”