10/06/2025
Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mat-timijiet rebbieħa tal-programmi tal-imprenditorija żagħżugħa tal-Junior Achievement (JA). Il-gruppi huma Simplex mis-Sixth Form tal-Kulleġġ San Alwiġi, li rebħet il-kompetizzjoni tal-‘Company Programme’, u MediMind mill-Istitut Saint Martin, li rebħu lis-‘Startup Programme’.
Il-kumpaniji rebbieħa ffukaw fuq l-istess tema – jiġifieri l-kura tal-anzjani biex dawn ikunu iktar indipendenti u jibqgħu fil-komunità – fejn it-tnejn ħarġu b’soluzzjonijiet li bihom l-anzjani jew nies vulnerabbli jistgħu jaċċessaw il-preskrizzjonijiet mediċi tagħhom b’mod iktar sigur. Dan hekk kif ħolqu prototipi ta’ pill-blister popper u automated medicine dispenser.
Dawn it-timijiet issa se jirrappreżentaw lil Malta f ‘Gen_E’ – l-akbar festival ta’ intraprenditorija fl-Ewropa, li se jsir f’ Ateni, il-Greċja mill-1 sat-3 ta’ Lulju 2025, u se jikkompeti kontra 42 pajjiż ieħor. Din is-sena kienu aktar minn 250 student minn 12-il skola u istituzzjoni edukattiva li pparteċipaw fil-programmi tal-kumpanija JA Malta.
Il-programm tal-kumpanija jara l-parteċipazzjoni ta’ studenti postsekondarji u l-programm Startup huwa għall-istudenti tal-livell terzjarju.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti akkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa. Flimkien mal-istudenti attendew ukoll uffiċjali tal-JA, mentors tal-gruppi u għalliema tal-iskejjel rispettivi.