Month: August 2025

PR251482

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żagħżugħ ta’ 15-il sena minn Gaża li qiegħed jirċievi kura medika f’pajjiżna u qed jagħmel progress fis-saħħa tiegħu permezz ta’ terapija li qed jingħata minn professjonisti fl-Isptar San Luqa. Dr Abela għamel kuraġġ lilu biex ikompli bit-terapija u jerġa’ jibda l-ħajja tiegħu kemm jista’ jkun possibbli b’mod indipendenti.

Ibrahim Mahir Wasfi Wishah, inġab Malta f’April li għadda, flimkien ma’ nies oħra li kienu sfaw midruba f’Gaża. F’pajjiżna beda jingħata kura immedjata fl-Isptar Mater Dei għall-kumplikazzjonijiet ortopediċi li sofra f’siequ l-leminija, ikkawżati minn splużjoni meta kien Gaża. F’Lulju huwa ġie riferut għall-fiżjoterapija u assessjat fl-Orthotics and Prosthetics Unit (OPU) minn tim multidixxiplinarju li jinkludi prostetista, ortotista, u terapisti. Ilkoll flimkien, żviluppaw pjan ta’ riabilitazzjoni mfassal apposta biex Ibrahim ikun jista’ jirkupra u jgħix ħajja kemm jista’ jkun indipendenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon kif l-għajnuna umanitarja li qed tagħti Malta qed tħalli l-frott fosthom bl-irkupru taż-żagħżugħ Ibrahim u oħrajn bħalu li ntlaqtu mill-gwerra. Fil-preżenza wkoll tal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Prim Ministru rringrazzja lill-professjonisti mediċi kollha li qed jgħinu lil dan iż-żagħżugħ u individwi oħra li bħal Ibrahim qed jirċievu kura medika f’pajjiżna.

Malta kienet minn tal-ewwel fl-Unjoni Ewropea li sa mill-bidu tal-gwerra bdiet tilqa’ pazjenti għall-kura fl-isptarijiet Maltin. Il-Prim Ministru tenna kif pajjiżna se jibqa’ joffri għajnuna umanitarja, filwaqt li se jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur il-paċi. Preżenti wkoll kien hemm l-Ambaxxatur Palestinjan Fadi Hanania.

PR251477

Sentenza ta’ priġunerija effettiva għal sewwieqa ħatja li qatlu persuna, anke b’mod involontarju, taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga

B’emendi legali proposti mill-Gvern, il-Pulizija ser ikunu jistgħu jibdew jagħmlu għall-ewwel darba random roadside drug testing mingħajr suspett raġonevoli jew ordni tal-Qorti, bl-għan li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u jiġu protetti kemm jista’ jkun ċittadini onesti u responsabbli. Dan b’mod simili li jsiru testijiet tal-alkoħol. Dan wara ħidma li saret fl-aħħar xhur mill-Korp tal-Pulizija fejn sar market research u nxtraw testijiet apposta, li jinsabu f’Malta. 

Matul din is-sena, il-Pulizija wettqu 2,000 roadcheck, li jikkumplimentaw ħidma oħra mwettqa mil-LESA u Transport Malta. Dan ifisser li fl-ewwel tmien xhur tas-sena diġà saru road checks daqs is-sena kollha sħiħa, li ser iwassal biex sal-aħħar tas-sena dawn ilaħħqu t-triplu li sar tliet snin ilu. Infurzar li jibni fuq iż-żieda fil-pieni fl-aħħar snin.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li huwa ċar li minkejja dan, jeħtieġ jiżdied id-deterrent u jiħraxu l-liġijiet kontra min jabbuża, għaliex mhuwiex aċċettabbli li xi ħadd jipperikola ħajjet ħaddieħor b’kapriċċ. 

“F’Lulju tajna sinjal ċar bl-ewwel qari fil-Parlament li konna se nimxu f’din id-direzzjoni, anke għax konna qed nagħlqu numru ta’ konsultazzjonijiet interni u anke esterni biex ikollna riforma robusta li tintroduċi r-roadside drug testing li tista’ taħdem b’mod b’saħħtu.”

Għalhekk, minkejja din iż-żieda fl-infurzar, il-Gvern qed jagħraf li hemm bżonn aktar deterrent u qiegħed jipproponi:

1.⁠ ⁠Testijiet tad-droga mill-Pulizija, fit-triq, simili għall-mod li llum isir tal-alkoħol.

2.⁠ ⁠Random Roadside Testing, fejn testijiet fuq id-droga jew l-alkoħol isiru anke mingħajr suspett raġonevoli.

3.⁠ ⁠Sentenza ta’ priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna, anke b’mod involontarju, taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga. Tkun eliminata l-possibbiltà ta’ sentenza sospiża. 

4.⁠ ⁠Jissaħħu l-pieni għal min jagħżel li jsuq xurban jew taħt l-effett tad-droga, b’multi eħrex għad-dispożizzjoni tal-Qorti.

5.⁠ ⁠Poter lill-Prosekuzzjoni sabiex titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti. Wara tkun il-Qorti li tiddeċiedi din it-talba.

Din ir-riforma tibni fuq il-passi li diġà ttieħdu biex jissaħħu s-sigurtà u l-ordni pubblika, u hija mfassla biex tipprovdi aktar protezzjoni għal kull min josserva r-regoli tat-traffiku.

Ir-ritratt ippubblikat flimkien ma’ din l-istqarrija juri t-test għad-droga li dwaru kienet qed issir market research u anke l-ittestjar kollu meħtieġ, anke bbażat fuq mudelli mħaddma f’membri stati oħra.

PR251413

Il-Gvern ta’ Malta ressaq għad-diskussjoni żewġ Abbozzi ta’ Liġi u żewġ Abbozzi ta’ Avviżi Legali li bihom irid iwettaq riforma favur ippjanar sensibbli u responsabbli. Għalhekk il-Gvern qed jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar dawn l-abbozzi li fihom il-Gvern huwa kommess li jġib riforma meħtieġa li ġġib ġustizzja fis-settur permezz ta’ bidliet ħolistiċi favur dixxiplina, ċarezza u ċertezza fil-qasam tal-ippjanar.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fejn fost oħrajn, il-pubbliku inġenerali huwa mistenni jgħid tiegħu, se jiġi mgħarbel u analizzat minn grupp ta’ ħidma mmexxi mill-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia. Il-grupp se jkun kompost mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Owen Bonnici, Clint Camilleri, Miriam Dalli u Jonathan Attard, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg huwa osservatur f’dan il-grupp li Segretarja tiegħu se tkun Dr Jessica Galea.

Dan il-grupp ta’ ħidma mhux biss se jgħarbel u janalizza s-sottomissjonijiet iżda fil-perjodu miftuħ ta’ konsultazzjoni pubblika se jiltaqa’ wkoll ma’ stakeholders ewlenin. Permezz ta’ din ir-riforma, il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadin fosthom bil-bidla fil-proċess tal-appelli li biha żvilupp jiġi sospiż sakemm tingħata deċiżjoni fi stadju t’appell b’termini stipulati ta’ żmien.

Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa anki fuq żewġ Abbozzi ta’ Avviżi Legali li jindirizzaw il-ħtieġa li l-pajjiż jibda paġna ġdida u biex min tħalla jiżbalja fil‑passat iħallas t’għemilu u jagħti lura kumpens lill‑pajjiż. Minn hemm ’il quddiem irid jintbagħat sinjal favur ippjanar sensibbli u responsabbli li jagħti serħan il‑moħħ u trankwillità lill‑Maltin u l‑Għawdxin.

Tista’ tipparteċipa f’din il-konsultazzjoni pubblika sal-Ħadd, 7 ta’ Settembru 2025 billi żżur is-sit konsultazzjoni.gov.mt.

PR251371

Il-Prim Ministru Robert Abela, żar iċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni Komunità Santa Marija li l-Aġenzija Sedqa għandha f’Ħal Farruġ fejn hemmhekk ingħaqad ukoll mar-residenti għal ikla organizzata minnhom stess flimkien mal-ħaddiema ta’ din il-komunità.

Flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, u mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti, il-Prim Ministru ltaqa’ mar-residenti li ħejjew dak kollu li kien meħtieġ għal din l-ikla, fejn għamlu użu minn frott u ħaxix li jkabbru huma stess fl-għelieqi ta’ madwar ir-residenza.

Waqt din l-ikla, il-Prim Ministru tkellem mar-residenti, hekk kif qasmu l-esperjenzi tagħhom, kemm dawk ta’ sfida iżda fuq kollox dawk ta’ tama. Sema’ wkoll stejjer ta’ residenti li għaddew minn dan il-programm, temmewh b’suċċess, u llum qed jagħtu lura lill-komunità billi jgħinu lill-oħrajn fil-vjaġġ tagħhom lejn il-fejqan.

Filwaqt li rringrazzja lir-residenti tax-xogħol li sar biex tittella’ din l-ikla, il-Prim Ministru Abela faħħarhom tal-kuraġġ li kellhom biex qasmu miegħu l-esperjenzi personali tagħhom. “Kull persuna tista’ tiżbalja, importanti nifhmu dan. Iżda trid kuraġġ kbir biex tagħraf l-iżball, taċċettah u taħdem bla waqfien biex tirkupra u terġa’ tibni ħajtek mill-ġdid. U dan qed tagħmluh b’dinjità u b’determinazzjoni li għandu jispira lil ħafna oħrajn,” sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru rrikonoxxa wkoll ix-xogħol imprezzabbli tal-ħaddiema fil-Komunità Santa Marija. “Intom mhux sempliċiment professjonisti, intom nies b’qalb kbira li temmnu fil-bidla u temmnu fin-nies. Lil kull resident hawnhekk ngħidilkom li dawn il-ħaddiema jemmnu fikom u qegħdin hawn biex jgħinukom tirnexxu. Bħala Gvern se nibqgħu naħdmu biex noffru s-sapport meħtieġ biex kull min irid jagħmel bidla f’ħajtu, ikollu l-għodod u ċ-ċans jagħmilha,” temm jgħid Dr Abela.

Id-Direttur tal-Operat ta’ Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, spjega wkoll kif ir-residenti issa għandhom l-opportunità li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ tfal u żgħażagħ permezz tal-programm ‘Hurt by others. Healed through others’. Dan il-programm, li jingħata fiċ-Ċentri ta’ Tagħlim fl-ibliet u rħula, joffri spazju lir-residenti sabiex jitkellmu dwar dak li għaddew minnu filwaqt li jaqsmu tagħlim tal-ħajja inkluż reżiljenza u modi differenti ta’ kif tista’ tgħix ħajja aħjar.

Il-Komunità Santa Marija toffri programm ibbażat fuq komunità terapewtika, li jinkludi fażijiet residenzjali u ta’ aftercare, sabiex jiġu offruti għodod konkreti għal ħajja mingħajr riskju ta’ vizzju u aktar b’saħħitha.