Month: March 2025

PR250498

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, inawguraw il-binja tal-uffiċini l-ġodda ta’ SiGMA Group wara tkabbir sostanzjali li kellha din il-kumpanija matul dawn l-aħħar snin. Dan l-investiment jikkonferma l-irwol ewlieni li Malta għandha fil-qasam tal-iGaming u fis-settur tal-konferenzi internazzjonali.

SiGMA Group, magħmul minn MedTech World, Ikigai Ventures, iGaming Academy, u Wicked Games u li beda minn uffiċċju żgħir f’Malta, illum kiber f’organizzazzjoni internazzjonali b’aktar minn 250 impjegat f’diversi pajjiżi. Din is-sena biss, SiGMA mistennija torganizza seba’ avvenimenti ewlenin li se jiġbdu aktar minn 100,000 delegat, inkluż SiGMA Euro-Med f’Settembru li ġej fil-Malta Mediterranean Hub fil-Marsa.

Waqt żjara ġewwa l-binja tal-uffiċini l-ġodda, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-pass mhux biss għal SiGMA, imma wkoll għall-ekonomija Maltija. “Illum mhux biss qed naraw l-uffiċini l-ġodda ta’ SiGMA, iżda qed niċċelebraw ukoll suċċess ekonomiku li jirrifletti l-ambizzjoni u l-viżjoni ta’ pajjiżna. L-industrija tal-iGaming tibqa’ waħda mill-pedamenti ekonomiċi ta’ Malta, u permezz ta’ regolamentazzjoni soda, innovazzjoni teknoloġika, u talent eċċellenti, se nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni tagħna bħala ċentru ewlieni fil-qasam tal-logħob diġitali.”

Il-fundatur ta’ SiGMA Group Eman Pulis esprima l-entużjażmu tiegħu għal din il-fażi ġdida f’Malta filwaqt li żied jgħid li matul din is-sena, l-organizzazzjoni ser tkun qed testendi l-preżenza tagħha b’uffiċini ġodda f’Noida, l-Indja, u f’Belgrad, is-Serbja, filwaqt li s-sena d-dieħla ser isiru żviluppi strateġiċi f’Ċipru, Manila, u São Paulo. Dan se jsaħħaħ il-konnettività globali tal-kumpanija u jkompli jrawwem l-integrazzjoni kulturali bejn il-pajjiżi minn fejn joperaw.

“Matul l-għaxar snin li ġejjin, SiGMA se tidħol fl-iktar fażi ambizzjuża ta’ tkabbir tagħha. Qegħdin nippjanaw li nestendu l-preżenza tagħna f’aktar bliet fl-Istati Uniti, l-Asja, l-Afrika u l-Lvant Nofsani. Fl-istess ħin, se norganizzaw aktar avvenimenti, filwaqt li niftħu uffiċini ġodda, inkluż f’Las Vegas. L-għan tagħna huwa wieħed ċar: li nsiru fost l-aqwa tliet mexxejja ewlenin fil-qasam tagħna fuq livell dinji, u li nkunu kburin li nirrappreżentaw lil Malta bħala ċentru ewlieni f’dan is-settur,” sostna Eman Pulis.

Dan l-investiment mhux biss isaħħaħ il-preżenza ta’ SiGMA f’Malta, iżda juri wkoll il-potenzjal enormi li għandha l-industrija tal-konferenzi internazzjonali. Il-Gvern diġà qed jappoġġja dan it-tkabbir billi jħejji l-pjanijiet għal ċentru ta’ konferenzi, li se jkompli jsaħħaħ is-settur turistiku u ekonomiku ta’ pajjiżna, b’enfasi fuq il-kwalità.

L-inawgurazzjoni tal-uffiċini l-ġodda ta’ SiGMA hija aktar minn proġett infrastrutturali. Hija pass kbir ’il quddiem biex Malta tibqa’ fuq quddiem nett fl-industrija tal-iGaming u fil-konnettività tan-negozji internazzjonali. Il-Gvern se jibqa’ kommess li jappoġġja inizjattivi bħal dawn li jġibu aktar investiment, impjiegi ta’ kwalità, u tkabbir sostenibbli għall-pajjiż.

PR250484

Il-Gvern daħħal emendi fil-kompożizzjoni tal-Public Contracts Review Board biex isaħħaħ l-effiċjenza u jaqta’ kull dubju fuq kunflitti ta’ interess. Għalhekk huwa għal kollox falz dak li qed tipprova tpinġi l-Oppożizzjoni, li l-proċess se jinħakem minn xi ħadd. Anzi bil-kontra, se tkompli tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza.

Taħt is-sistema preċedenti, il-membri sostituti fuq il-bord kienu utilizzati biss f’każijiet ta’ kunflitt ta’ interess, li kien qed ifisser li l-President, il-Viċi President, u l-membru wieħed permanenti kienu qed jittrattaw l-maġġoranza tal-każijiet. F’ċertu istanzi dan kien qed jirriżulta f’dewmien konsiderevoli fil-proċess. Permezz tal-emendi fil-kompożizzjoni tal-Bord, il-PCRB se jkollu iżjed flessibilità u se jkun attrezzat sabiex jiskeda u jisma’ aktar każijiet f’inqas żmien. Dan kollu jikkontribwixxi sabiex il-Bord ikun iżjed effiċjenti. Il-proċess tal-ħatra tal-membri fuq il-PCRB se jibqa’ kif kien qabel.

Barra minn hekk, għal kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, it-tibdil li sar speċjalment fil-ħatra ta’ membri ġodda fil-Bord, huma ntiżi sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess. Dan it-tibdil qed isir b’konformità assolut ma’ sentenza tal-Qorti.

PR250481

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-President ta’ BusinessEurope, Fredrik Persson, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss tkellem fuq il-qalba diġitali u dik ambjentali, li huma importanti fit-trasformazzjoni ekonomika iżda saħaq ukoll dwar l-importanza li jittieħdu l-vantaġġi kollha tas-Suq Waħdieni.

Fil-laqgħa mal-konfederazzjoni tan-negozji Ewropej u li għaliha kien hemm ukoll il-Kamra tal-Kummerċ Maltija, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għas-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna frott miżuri importanti li l-Gvern ħa biex inċentiva ħalli f’pajjiżna aktar nies jikkontribwixxu fl-ekonomija billi jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan apparti li l-Gvern ta stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u naqqas il-piż tat-taxxa. 

Bħala parti mill-qalba diġitali, il-Prim Ministru nnota l-fatt li rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali jispjega kif 30% ta’ impjiegi b’ħiliet baxxi, li fil-maġġorparti tagħhom jokkupawhom ħaddiema barranin, jistgħu jiġu eliminati bl-intelliġenza artifiċjali. Qal li hawn flimkien mal-qalba favur użu aħjar tat-teknoloġija, irridu ninvestu f’aktar taħriġ u titjib tal-ħiliet biex l-aqwa opportunitajiet u karrieri jibqgħu jeħduhom il-Maltin. 

Imbagħad dwar il-qalba ambjentali, il-Prim Ministru Robert Abela semma li anki bħala Ewropa rridu ninvestu aktar fir-rinnovabbli u nkunu inqas dipendenti mill-ħtieġa li nixtru l-enerġija minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea. Qal li dan il-fatt għandu biex joħloq opportunitajiet għan-negozji Ewropej u nerġgħu nagħmlu l-Ewropa attraenti għall-investiment dirett barrani.

Dwar is-suq waħdieni, il-Prim Ministru tenna dak li qal fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew fejn l-Istati Membri kollha għandhom igawdu b’mod indaqs mill-vantaġġ tas-suq waħdieni. Ġab l-eżempju tal-qasam mediċinali fejn pajjiżi bħal Malta qed jiġu diskriminati minħabba l-insularità u d-daqs tas-suq tagħha. Qal li rridu nkomplu nsaħħu l-kompetittività waqt li nassiguraw li l-konsumatur jibqa’ jirċievi l-aqwa servizz.

Għal-laqgħa f’Kastilja kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Miriam Dalli u Clyde Caruana, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

Il-Prim Ministru Robert Abela u Dr Lydia Abela taw tislima lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. li kien espost għall-qima fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Huma ffirmaw ukoll il-ktieb tal-kondoljanzi.

L-Istat permezz tal-Gvern ta’ Malta u l-Knisja qed jorganizzaw flimkien tislima xierqa lill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. Dan bħala rikonoxximent għas-servizz ġeneruż li ta lis-soċjetà Maltija.

PR250462

“Ma nistgħux inħallu l-pazjenti Maltin ibatu u jkunu żvantaġġati sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem Summit ieħor tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea kienet waħda mit-temi prinċipali diskussi fi sfond ta’ sfidi kontinwi fi ħdan is-suq waħdieni.

“F’Malta l-pazjenti huma żvantaġġati sew meta jiġu biex jaċċessaw prodotti mediċinali, primarjament minħabba l-frammentazzjoni li teżisti fis-suq intern li hi permessa mil-leġiżlazzjoni attwali fis-settur tal-farmaċewtika. Hemm bżonn insibu soluzzjoni permanenti u s-sapport tagħkom huwa importanti,” sostna l-prim ministru mal-mexxejja Ewropej, hekk kif fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea diġà rrikonoxxiet is-severità ta’ din il-problema.

B’rabta mal-kompetittività wkoll, Dr Abela sostna l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem għal konnettività aħjar hekk kif qal li “din hija ċ-ċavetta sabiex jiġi assigurat ‘level playing field’ fis-suq waħdieni, speċjalment għal pajjiżi fil-periferija bħal Malta.”

Is-Summit Ewropew tratta wkoll temi li dan l-aħħar iddominaw bi prominenza l-aġenda, fosthom l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-pjan ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea. 

“Hawnhekk il-pożizzjoni tagħna baqgħet l-istess diment dejjem li l-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna tibqa’ tiġi rispettata. Kif diġà ddikjarajna, aħna m’aħniex ser inkunu qed nipparteċipaw f’dan il-pjan permezz ta’ xiri ta’ armamenti, iżda ser nibqgħu ffukati fuq id-djalogu  u nibqgħu disposti biex niffaċilitaw taħdidiet ta’ paċi,” sostna l-prim ministru hekk kif qal ukoll li kollettivament trid issir ħidma favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti.

“Kwalunkwe qbil li jintlaħaq irid jirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-intergrità territorjali tal-Ukrajna, madankollu jrid jiġi adottat approċċ pragmatiku li jinvolvi wkoll kompromess madwar il-mejda tan-negozjati b’involviment attiv kemm mill-Ukrajna, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,” sostna l-prim ministru.

Intant, għal dan is-Summit attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda António Guterres fejn miegħu ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fost oħrajn. 

“Il-konsistenza gwidata mil-liġi internazzjonali hija kruċjali għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. B’rabta ma’ Gaża, kif qed nagħmlu wkoll b’rabta mal-Ukrajna, Malta se tibqa’ b’mod persistenti tadvoka għall-paċi,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.