PR250462
21/03/2025
“Ma nistgħux inħallu l-pazjenti Maltin ibatu u jkunu żvantaġġati sempliċiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem Summit ieħor tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea kienet waħda mit-temi prinċipali diskussi fi sfond ta’ sfidi kontinwi fi ħdan is-suq waħdieni.
“F’Malta l-pazjenti huma żvantaġġati sew meta jiġu biex jaċċessaw prodotti mediċinali, primarjament minħabba l-frammentazzjoni li teżisti fis-suq intern li hi permessa mil-leġiżlazzjoni attwali fis-settur tal-farmaċewtika. Hemm bżonn insibu soluzzjoni permanenti u s-sapport tagħkom huwa importanti,” sostna l-prim ministru mal-mexxejja Ewropej, hekk kif fakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea diġà rrikonoxxiet is-severità ta’ din il-problema.
B’rabta mal-kompetittività wkoll, Dr Abela sostna l-importanza li l-Unjoni Ewropea taħdem għal konnettività aħjar hekk kif qal li “din hija ċ-ċavetta sabiex jiġi assigurat ‘level playing field’ fis-suq waħdieni, speċjalment għal pajjiżi fil-periferija bħal Malta.”
Is-Summit Ewropew tratta wkoll temi li dan l-aħħar iddominaw bi prominenza l-aġenda, fosthom l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-pjan ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea.
“Hawnhekk il-pożizzjoni tagħna baqgħet l-istess diment dejjem li l-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna tibqa’ tiġi rispettata. Kif diġà ddikjarajna, aħna m’aħniex ser inkunu qed nipparteċipaw f’dan il-pjan permezz ta’ xiri ta’ armamenti, iżda ser nibqgħu ffukati fuq id-djalogu u nibqgħu disposti biex niffaċilitaw taħdidiet ta’ paċi,” sostna l-prim ministru hekk kif qal ukoll li kollettivament trid issir ħidma favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti.
“Kwalunkwe qbil li jintlaħaq irid jirrispetta l-indipendenza, is-sovranità u l-intergrità territorjali tal-Ukrajna, madankollu jrid jiġi adottat approċċ pragmatiku li jinvolvi wkoll kompromess madwar il-mejda tan-negozjati b’involviment attiv kemm mill-Ukrajna, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,” sostna l-prim ministru.
Intant, għal dan is-Summit attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda António Guterres fejn miegħu ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fost oħrajn.
“Il-konsistenza gwidata mil-liġi internazzjonali hija kruċjali għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. B’rabta ma’ Gaża, kif qed nagħmlu wkoll b’rabta mal-Ukrajna, Malta se tibqa’ b’mod persistenti tadvoka għall-paċi,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.