Month: March 2025

PR250453

F’laqgħa ma’ mexxejja ta’ tnax-il Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jsiru r-riformi neċessarji li jagħtu lill-Istati Membri l-għodod kollha meħtieġa sabiex jittrattaw din l-isfida. Huwa qal li din il-ħidma hija kruċjali sabiex tingħata l-protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu, iżda jiġi assigurat li dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu jistgħu jiġi rritornati b’mod effettiv.

F’kummenti li ta lill-ġurnalisti wara din il-laqgħa, il-Prim Ministru spjega li għaddejja ħidma importanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jeżistu fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, u faħħar l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Dr Abela stqarr ukoll li hemm qbil li din il-ħidma trid tkun ikkumplimentata minn diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ riforma fil-Konvenzjonijiet Ewropej sabiex jirriflettu r-realtajiet tal-lum.

Fil-fatt, matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru ressaq proposta sabiex din id-diskussjoni kruċjali tkun riflessa fil-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li tibda f’Mejju li ġej, u spjega wkoll li din l-idea intlaqgħet b’interess.

Intant, il-Prim Ministru rrimarka kif l-attendenza minn mexxejja Ewropej għal-laqgħat ta’ dan il-Grupp, dejjem qed tkompli tikber u din turi kif ir-realtà tal-migrazzjoni hija waħda ħajja u li tinvolvi ħidma kontinwa.

“Infakkar kif snin ilu konna wieħed minn ftit pajjiżi biss li konna nitkellmu fuq dan is-suġġett. Il-fatt li l-wasliet ġo pajjiżna naqsu drastikament ma jfissirx li l-pressjonijiet m’għadhomx hemm imma jfisser li għandna għarfien akbar ta’ kif nitrattaw dan is-suġġett,” tenna l-Prim Ministru.

Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru temm jgħid li l-Unjoni Ewropea trid tieħu din l-opportunità li tissimplifika l-proċeduri tar-ritorn u taqta’ l-abbużi li jistgħu jwasslu għal piżijiet kbar fuq pajjiżi bħal Malta.

PR250451

Kif tħabbar aktar kmieni llum mill-Prim Ministru Robert Abela f’isem il-Gvern ta’ Malta, l-Istat u l-Knisja se jkunu qed jorganizzaw flimkien tislima xierqa lill-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. Dan se jsir b’rikonoxximent għas-servizz ġeneruż li ta lis-soċjetà Maltija.

Il-funeral mill-Istat u l-Knisja se jkun qed isir nhar is-Sibt 22 ta’ Marzu fid-9:30am b’quddiesa praesente cadavere fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-quddiesa se tkun iċċelebrata mill-Monsinjur Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. ​

Id-dettalji tal-programm marbut mal-funeral u t-tislima lill-Mons. Cremona O.P. qed jiġu ppubblikati.

PR250444

Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja tal-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 79 sena. Huwa se jkun qed jingħata l-aħħar tislima permezz ta’ funeral li se jiġi organizzat mill-Istat u l-Knisja nhar is-Sibt 22 ta’ Marzu fid-9:30am b’quddiesa presente cadavere fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J. Scicluna, fejn intlaħaq qbil li l-funeral ta’ Mons. Cremona jkun organizzat mill-Istat u l-Knisja. Dan b’rikonoxximent għas-servizz ġeneruż li ta l-Arċisqof Emeritu lis-soċjetà f’pajjiżna.

Mons. Pawlu Cremona jibqa’ mfakkar għall-umiltà tiegħu u l-ħidma fil-komunità mhux biss fix-xogħol pastorali tiegħu bħala r-ragħaj spiritwali tal-Arċidjoċesi Maltija iżda anki qabel. Tul l-Episkopat tiegħu kienet okkażjoni sabiħa li pajjiżna laqa’ lill-Papa Benedittu XVI.

Is-Sibt li ġej, il-Gvern qed iħabbar li se jkun ukoll jum ta’ luttu. Aktar dettalji b’rabta mat-tislima lejn Mons. Cremona jitħabbru iżjed ’il quddiem.

PR250443

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qiegħed jippubblika l-fatti, il-konsiderazzjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta amministrattiva maħtura mill-Prim Ministru mmexxija mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-serqa ta’ reżina tal-kannabis li kienet maħżuna fil-Kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi, fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Frar, 2025. Dan flimkien mal-parir tal-ippubblikar mill-Imħallef Valenzia. Inkjesta li hi indipendenti mill-investigazzjonijiet kriminali u jew proċedimenti legali oħra bħall-inkjesta maġisterjali.

Riżultanza tal-konklużjonijiet tal-inkjesta amministrattiva, qiegħda titneħħa s-sospensjoni tal-Brigadier Clinton O’Neill u reġa’ ngħata r-responsabbiltajiet kollha marbuta ma’ Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-proċeduri interni ta’ dixxiplina mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-konfront ta’ min naqas, anke kif stabbilixxiet l-inkjesta amministrattiva, ser ikomplu għaddejjin skont il-liġi tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Il-Gvern ser ikun qiegħed jevalwa r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-inkjesta amministrattiva mill-Imħallef Valenzia biex jieħu l-azzjonijiet neċessarji.

PR250440

Il-ftehim ta’ Transport Malta ma’ ġgant tal-industrija tal-cruise liners huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu fil-Mediterran

Il-Gvern Malti llum kompla jimmarka l-impenn tiegħu għal futur ekonomiku sostenibbli permezz tal-iffirmar tal-ewwel Shore Power Agreement fir-reġjun tal-Mediterran mal-kumpanija tal-cruises Carnival UK u l-P&O Cruises. F’konferenza tal-aħbarijiet f’Villa Bighi fil-Kalkara, il-Prim Ministru Abela Robert Abela enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva. “Aħna qegħdin hawn illum biex nuru kif qed inħaddnu mudell ekonomiku sostenibbli li jimbotta ’l quddiem l-innovazzjoni, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà,” saħaq il-Prim Ministru fl-indirizz tiegħu.

L-introduzzjoni ta’ cruise berths elettrifikati żviluppati taħt l-inizjattiva Shore-to-Ship se jittrasformaw l-infrastruttura marittima ta’ Malta, u b’hekk il-cruise liners ta’ din il-kumpanija jkunu jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom billi jieħdu l-enerġija mill-grid waqt li jkunu fil-Port il-Kbir. Dan permezz ta’ ftehim iffirmat ma’ Transport Malta li se tissupplixxi l-enerġija lill-cruise liners ta’ din il-kumpanija permezz tax-Shore-to-Ship. Din l-inizjattiva mistennija tkompli ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-arja fil-Port il-kbir, b’benefiċċju dirett għall-eluf ta’ residenti u viżitaturi. Dawn jġibu magħhom wkoll effetti ekonomiċi sostanzjali.

Il-Prim Ministru Abela spjega li l-cruise liners jikkontribwixxu madwar €88 miljun fis-sena għall-ekonomija ta’ Malta, bi kważi €40 miljun iġġenerati direttament mill-passiġġieri waqt iż-żjarat tagħhom. Saħaq li dan il-ftehim jfisser ħafna iktar milli sempliċiment Malta tkun qed timxi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. “Dan hu ftehim li juri t-tip ta’ kuraġġ fit-tmexxija li għandu dan il-Gvern huwa dwar li nuru lid-dinja li ġens ta’ gżira żgħira bħal Malta tista’ tkun minn ta ’quddiem fi prattiċi marittimi sostenibbli,” sostna Dr Abela.

Il-ftehim ma’ Carnival Corporation ikompli jibni fuq passi oħra u juri fid-deher il-viżjoni ta’ Malta li ssir ċentru għall-innovazzjoni ekoloġika, billi tintegra sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħax-xemx u r-riħ, mal-enerġija mix-xatt għall-vapuri. “Bl-użu tal-qawwa tax-xemx u l-baħar, mhux biss qed innaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll qed nippożizzjonaw lil Malta bħala eżempju tal-progress ekoloġiku li jista’ jkollna fil-Mediterran,” stqarr il-Prim Ministru Abela. 

Tenna li l-investiment fi prattiċi sostenibbli ma jsirx biss għaliex konvinti minnu moralment iżda wkoll għaliex hemm vantaġġ kompetittivi. Malta qed tippożizzjona ruħha bħala eżempju ta’ pajjiż fil-Mediterran li qed jirnexxielu jattira l-investiment, joħloq xogħol ta’ kwalità, u jassigura prosperità fit-tul. Il-Prim Ministru enfasizza kif is-sinerġiji li hemm f’dan il-proġett huma eżempju tanġibbli ta’ x’tista’ tikseb il-viżjoni ta’ Malta 2050.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett saħaq li bl-introduzzjoni tal-Onshore Power Supply, qeghdin niżguraw operat marittimu sostenibbli f’wieħed mil-isbaħ portijiet tad-dinja. “Meta l-vapuri jidħlu fil-port u jaqbdu mal-grid elettrika tal-pajjiż, inkunu qegħdin inaqqsu drastikament it-tniġġis fil-madwar, b’impatt pożittiv kbir fuq il-komunitajiet u l-irħula li jdawwru l-port,” sostna l-Ministru Bonett. “B’dan il-ftehim tal-lum ma’ waħda mill-ikbar kumpaniji tal-cruise liners, l-ewwel wieħed tax-xorti tiegħu fir-reġjun Mediterran, Malta qed tkompli tkun minn ta’ quddiem favur din il-bidla tant importanti. Kburin li din il-bidla qegħdin nagħmluha ħames snin qabel dak mitlub minnha mill-Unjoni Ewropea,” qal Dr Bonett. Għal dan l-iffirmar attendiet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.

Il-President tal-Carnival UK & P&O Cruises Paul Ludlow qal, “P&O Cruises għandha storja twila u wiesgħa fil-ħafna destinazzjonijiet li lejhom inbaħħru. Nisimgħu u nikkollaboraw magħhom biex naqsmu l-kulturi, nippromwovu l-ivvjaġġar sostenibbli u niżviluppaw prattiċi tajbin. Illum qed niċċelebraw dan il-ftehim bħala tragward importanti f’dan il-vjaġġ, flimkien ma’ Malta u l-Port il-Kbir. Permezz ta’ dawn l-azzjonijiet u r-relazzjoni kontinwa tagħna, ser niżguraw li l-cruise liners tagħna f’Malta jkomplu joħolqu ġid kemm finanzjarju imma anke dak soċjali. Dan filwaqt li nipproteġu l-kultura u l-istorja lokali, u nieħdu ħsieb l-ambjent naturali.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Ewropea dwar l-Onshore Power Supply (EOPSA) Roland Teixeira de Mattos qal li l-ftehim iffirmat illum bejn Transport Malta u Carnival imur lil hinn minn ftehim dwar ix-Shore-to-Ship. Qal li dan huwa ftehim b’dikjarazzjoni li l-Gvern Malti u l-Kap Eżekuttiv ta’ Carnival mhux jistennew għall-bidla biex isseħħ iżda qed iwettqu l-bidla. “Id-dekarbonizazzzjoni, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-qalba għall-enerġija nadifa mhumiex proċessi awtomatiċi. Dawn jirrikjedu viżjoni, impenn u mexxejja li jkunu deċiżivi u jimbuttaw dawn il-bidliet ’il quddiem,” qal il-President tal-EOPSA.

Carnival UK & P&O Cruises iffirmaw il-ftehim f’isem Carnival Corporation & plc, li ħafna mid-disa’ linji tal-cruises fosthom P&O Cruises, Cunard, AIDA, Costa, Holland America, Seabourn u Princess Cruises regolarment jidħlu Malta. Kull ġimgħa matul l-istaġun tas-sajf P&O Cruises  tuża l-Port il-Kbir bħala home port tagħha. Dan bħala parti mill-programm tagħha Europe Fly li jiffaċilita l-itinerarji fly-cruise fil-Punent, fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-Mediterran. Intant il-bastiment tal-P&O Cruises, AZURA bħalissa qed jsirulu xogħlijiet fi drydock f’Malta u li permezz tagħhom imbagħad il-vapur se jkun jista’ jaqbad mas-sistemi tax-Shore-to-Ship.