PR251137
25/06/2025
Meta kien qed jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta temmen fiż-żgħażagħ mhux bħala biss il-futur imma l-mexxejja li jimbuttaw bidliet pożittivi għal-lum. Fl-indirizz tiegħu li fih iffoka fuq il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li għandha sa Novembru li ġej, il-Prim Ministru Malti tkellem ukoll dwar il-paċi bħala ċ-ċavetta tal-prosperità għall-popli differenti.
Dr Abela qal li fi żmien ta’ tensjonijiet u sfidi ġeopolitiċi primarjament fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, il-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol akbar lil hinn mill-kontinent Ewropew. “Sfidi globali jeħtieġu sforzi globali,” sostna l-Prim Ministru f’indirizz importanti li għamel fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strażburgu. Qal li Malta sservi ta’ pont bejn il-pajjiżi kollha msieħba f’dan il-Kunsill, 46 b’kollox. Spjega kif l-ebda nazzjon mhu żgħir biex jagħti direzzjoni lejn futur aħjar.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li bħala komunità internazzjonali f’dan il-Kunsill irridu nassiguraw paċi li tipproteġi l-valuri tal-umanità. Hawn fisser il-valuri importanti tad-drittijiet tal-bniedem li jħaddan il-Kunsill tal-Ewropa. “Ma nistgħu qatt nibqgħu siekta quddiem it-traġedji umani f’Gaża u l-komunità internazzjonali għandha tingħaqad biex jieqaf it-tixrid tad-demm u kulħadd jirrispetta l-liġijiet internazzjonali,” aċċenna l-Prim Ministru.
Fuq iż-żgħażagħ, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar inizjattivi importanti li ħa l-pajjiż biex isaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ. Mhux biss il-Youth Advisory Forum li jservi ta’ Kabinett taż-Żgħażagħ iżda anki l-Vot16 u s-sinjal li tat Malta meta nnominat l-iżgħar Kummissarju Ewropew li ġie fdat bil-portafoll taż-żgħażagħ. Dr Abela rrefera wkoll għall-Konferenza tal-Ministri responsabbli miż-żgħażagħ li se tospita Malta f’Ottubru fejn żgħażagħ u nies li jfasslu l-politika se jiġu flimkien biex jiddiskutu futur demokratiku mmexxi miż-żgħażagħ.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar passi li ħadet Malta taħt Gvern immexxi minnu. Qal li bosta riformi li saru anki b’konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa fosthom il-Kummissjoni Venezja, il-Greco u l-Moneyval, wasslu għall-ġid biex pajjiżna saħħaħ l-integrità istituzzjonali tiegħu. Hawn semma r-riformi fil-qasam tal-ġustizzja fosthom il-ħatriet fil-ġudikatura, it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, il-bidla fil-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika bil-vot taż-żewġ terzi u r-ristrutturar favur tisħiħ fl-operat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Dan apparti riformi oħra fejn il-Gvern ressaq abbozzi li jipproteġu l-ġurnalisti u t-traspożizzjoni tad-direttiva Ewropea Anti-SLAPP.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-introduzzjoni tal-femiċidju fil-liġi kriminali ta’ Malta u riformi oħra li bihom saħħaħ l-emanċipazzjoni tan-nisa fosthom anki fil-ħajja politika. Qal ukoll li pajjiżna dejjem sab il-Kunsill tal-Ewropa bħala d-dar naturali li tgħaqqad l-aspirazzjonijiet tant importanti għall-umanità fosthom il-paċi, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u t-tħaddin tas-saltna tad-dritt. Saħaq ukoll li l-impenn għad-djalogu u l-multilateraliżmu dejjem kienu parti mill-politika barranija ta’ pajjiżna, li jibqa’ vuċi kostanti favur stabbiltà reġjonali u dik globali.