Il-Prim Ministru Robert Abela f’aktar impenji fi Strażburgu bħala parti mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa

25/06/2025

Bħala parti mill-impenji tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela assista għall-kxif ta’ Żieme skolpit mill-artist Malti Austin Camilleri. Żieme fi Pjazza Broglie fi Strażburgu huwa parti mill-kalendarju kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa li fih kien hemm ukoll ir-rappreżentazzjoni ta’ Kor Malta fil-Katidral ta’ Notre-Dame ta’ Strażburgu, li fakkar il-wirt Malti minsuġ ma’ dak Ewropew.

Fi Strażburgu wkoll saret il-preżentazzjoni ta’ bolla kommemorattiva li fakkret il-Presidenza Maltija u s-sittin anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri Vettiger.

FacebookTwitter