Month: October 2022

PR221392

Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota s-sentenza tal-Qorti Kriminali li ngħatat illum u li permezz tagħha żewġ persuni oħra ġew misjuba ħatja għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kkundannati għal erbgħin sena priġunerija kull wieħed.

Dan hu pass importanti ieħor lejn ġustizzja f’dan il-każ, li hu tebgħa sewda fl-istorja ta’ pajjiżna.

Wara s-sentenza tal-lum, issa hemm tliet persuni misjuba ħatja u kkundannati b’piena ta’ priġunerija dwar dan il-qtil. Filwaqt li tliet persuni oħra għad irid jibda l-ġuri tagħhom.

Il-prim ministru jerġa’ jtenni l-impenn ċar tal-gvern li jkun hemm ġustizzja mal-familja Caruana Galizia u mal-poplu kollu.

Il-prim ministru jrodd ħajr lill-awtoritajiet kollha li ħadmu u qed ikomplu jaħdmu bil-għan li ssir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ.

Awtoritajiet, li se jibqgħu jsibu lill-gvern ta’ sostenn fil-ħidma tagħhom.

Fl-istess ħin il-gvern se jkompli ukoll b’riformi importanti li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna.

PR221387

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann b’investiment ta’ €8 miljun. Pet Nutrition House hija l-ewwel kumpanija fl-industrija tal-ikel għall-annimali f’pajjiżna, li tesporta l-prodotti tagħha f’70 pajjiż.

Il-prim ministru qal li negozji bħal dawn huma parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta. Huwa għalhekk, li l-gvern baqa’ jinvesti fin-negozji, mhux biss biex isalvaw quddiem l-isfidi iżda biex jibqgħu jikbru u jibdlu bil-għan li jkunu aktar innovattivi u sostenibbli.

Appoġġ li l-prim ministru spjega li n-negozji qegħdin jirċevuh anke fi żmien ta’ sfidi internazzjonali. Dan billi l-gvern qed iġorr il-piż taż-żidiet fl-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. Miljuni ta’ ewro li l-gvern iddirezzjona lejn is-settur tal-enerġija biex jinżammu stabbli l-prezzijiet.

B’referenza għall-prodotti li qed jiġu mmanifatturati f’din il-fabbrika, il-prim ministru qal li dawn qed jimbuttaw il-brand “made in Malta”, għaliex filwaqt li ta’ kuljum ifittex l-investiment barrani, il-gvern huwa kburi li n-negozji Maltin qegħdin jilħqu dawn it-tip ta’ livelli.

Il-prim ministru faħħar li b’investiment state-of-the-art, din il-fabbrika taħdem b’mod effiċjenti u sostenibbli. Sostna li l-mira tal-gvern hi li Malta ssir newtrali għall-klima u għalhekk li id f’id mal-industrija, qed jippromwovi mudelli sostenibbli u li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tniġġis.

Dr Abela kkonkluda li dan l-investiment jirrappreżenta l-viżjoni tal-gvern għan-negozju f’Malta. Li jimraħ f’setturi ġodda, jinvesti fis-sostenibbiltà tal-produzzjoni u joffri impjiegi ta’ kwalità. Bil-pjanijiet ta’ dan in-negozju huwa li fil-futur qrib flimkien mal-40 impjegat preżenti jiżdiedu aktar ħaddiema.

Id-Direttur ta’ Pet Nutrition House Matthew Wismayer stqarr li s-suċċess tal-kumpanija huwa bbażat fuq l-innovazzjoni, servizz ta’ eċċellenza, u prodott ta’ kwalità. Spjega li fl-isfond tal-isfidi internazzjonali li qegħdin ngħixu, is-sussidju tal-enerġija mill-gvern huwa element importanti għan-negozju. Ikkonkluda li l-investiment li għamlet il-kumpanija, jikkumplimenta l-viżjoni tagħhom biex ikomplu jwessgħu l-firxa ta’ prodotti li joffru fis-suq lokali u anke internazzjonali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

PR221375

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (Chamber of SMEs) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala gvern irridu nkomplu nemmnu fl-investiment u fis-sostenn tal-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.

Dr Abela qal li fi żmien fejn f’pajjiżi Ewropej oħra, in-negozji qed jiġu mwaqqfa milli jkomplu jaħdmu billi tinqatalhom il-provvista tal-elettriku minħabba kriżi fil-qasam tal-enerġija, Malta kisbet derogi biex l-intrapriżi jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel u f’pajjiżna qed jingħataw ukoll l-akbar sussidji fl-Ewropa fil-qasam imsemmi.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan qed isir b’responsabbiltà u għaliex il-gvern jemmen li wara li tgħaddi l-kriżi tal-enerġija, in-negozji f’pajjiżna se jkunu f’qagħda li jieħdu l-opportunitajiet ta’ rkupru.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija u kif meta n-negozji sabu s-sostenn tal-gvern, dawn baqgħu kapaċi jilqgħu għall-isfidi bla preċedent.

“Quddiem kriżi internazzjonali, l-azjendi żgħar u medji sabu l-appoġġ u wrew li jistgħu jkunu dinamiċi ħafna u jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet”, qal il-Prim Ministru Abela hu u jisħaq dwar il-ħtieġa li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija fejn l-intrapriżi żgħar u medji jibqgħu l-mutur ta’ tkabbir ekonomiku.

Il-President taċ-Chamber of SMEs Paul Abela rrikonoxxa l-għajnuna tal-gvern fl-elettriku, fil-fjuwil u fil-gass u nnota l-kisba tad-derogi biex Malta ma tesperjenzax tnaqqis fil-produttività.

Filwaqt li ġew ippreżentati numru ta’ proposti, iċ-Chamber of SMEs wasslet messaġġ favur is-sostenibbiltà fis-settur tax-xogħol.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Chris Agius.

PR221382

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’responsabbiltà, il-Gvern se jkompli bil-politika li ma jimponix piżijiet fuq in-negozji u jagħti sostenn kemm jista’.

Mal-MEA, Dr Abela afferma mill-ġdid l-impenn li fuq pjan ta’ ħames snin innaqsu l-piż tat-taxxa fuq in-negozji u ndaħħlu inċentivi ġodda għal min jinvesti u joħloq ix-xogħol f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern Malti huwa l-uniku fl-Ewropa li qed iġorr il-piż hu taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil.

Dan ifisser li n-negozji f’Malta baqgħu kompetittivi u qed jibbilanċjaw ma’ sfidi oħra li jeżistu, bħall-insularità ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-pjan li għandu l-Gvern hemm għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u dan se jfisser li nsaħħu drittijiet ġodda għall-ħaddiema, kif diġà sar fl-aħħar xhur.

“Meta nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema nemmen li noħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda,” qal il-Prim Ministru, li spjega wkoll kif huwa kruċjali li niffokaw fuq it-titjib tal-ħaddiema f’settur tax-xogħol b’saħħtu f’pajjiżna.

Dr Robert Abela fisser din il-prijorità bħala bidla meħtieġa għall-ekonomija f’kuntest ta’ bidliet kbar oħra li rridu nagħmlu bħala pajjiż minħabba d-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Min-naħa tagħha, il-President tal-MEA Joanne Bondin saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li nsaħħu s-settur tax-xogħol billi ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.

Filwaqt li l-MEA preżentat il-proposti tagħha, għarfet l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fis-settur tal-enerġija u li biha qed ikun ta’ spalla għan-negozji u fuq kollox il-familji, li jaqilgħu l-għajxien minn min jagħtihom ix-xogħol.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana u Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Rosianne Cutajar.