Month: April 2023

PR230567

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura estensjoni ta’ fabbrika ta’ €12-il miljun ta’ Seifert Systems Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u ħabbar li l-istess kumpanija, li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali, se tkompli tespandi u tinvesti aktar minn €9 miljun biex tiddiversifika l-prodott tagħha. B’dan l-aħħar investiment imħabbar, il-kumpanija Ġermaniża bbażata f’Malta għal iżjed minn 50 sena u li llum tħaddem kważi 450 ruħ, se toħloq aktar impjiegi apparti l-140 xogħol ġdid li nħolqu bl-estensjoni tal-fabbrika.

F’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-impjant ta’ Seifert, il-Prim Ministru nnota kif il-kumpanija saret l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li għandha fabbrika f’pajjiżna li taħdem mingħajr ma tniġġes l-ambjent. Hawn il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija qed tagħmel dak li hu parti mill-viżjoni ekonomika tal-Gvern favur is-sostenibbiltà billi fost oħrajn investiet f’tagħmir state-of-the-art biex jintlaħqu l-ogħla livelli.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal mod effikaċi li dan l-investiment inawgurat tlesta wara li tħabbar 18-il xahar ilu biss. Innota kif l-investiment pjanat li qed taħdem fuqu Seifert f’Malta jinvolvi diversifikazzjoni ta’ prodotti ġodda elettroniċi hekk kif din il-kumpanija qed tkompli timraħ fi swieq ġodda. Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li anki quddiem tkabbir ekonomiku b’saħħtu rrimarkat minn istituzzjonijiet internazzjonali fosthom aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, il-Gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li bihom jgħin lin-negozji u lill-familji bis-sussidju fuq l-enerġija. Hawn irrimarka għal dikjarazzjonijiet oħra mhux ġejja mill-Gvern biex tieqaf l-għajnuna fuq l-enerġija u li l-Gvern żgur jibqa’ ma jaqbilx magħhom u għalhekk jagħti s-serħan il-moħħ li s-sostenn se jibqa’ jingħata.

Dr Abela nnota wkoll kif il-kumpanija mhux biss qed tħaddem iżjed nies f’pajjiżna iżda qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema f’setturi tekniċi bħall-inġinerija. Hawn qal li l-Gvern jibqa’ konxju ta’ sfidi fis-settur tax-xogħol biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema quddiem realtà li aktar intrapriżi qed ifittxu iżjed nies x’jimpjegaw u huwa għalhekk li bħala pajjiż nibqgħu nagħtu prijorità lill-edukazzjoni billi ninċentivaw anki l-istudenti jitħarrġu f’suġġetti marbuta max-xjenza, l-inġinerija u l-matematika fost oħrajn. Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ investimenti mħabbra fl-aħħar żmien fosthom fis-settur tal-avjazzjoni u l-farmaċewtika u rrijaferma l-impenn li l-Gvern ikompli jinċentiva u jappoġġja tkabbir li bih anki jinħolqu opportunitajiet u titjieb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Intant il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Seifert f’pajjiżna, Michael R. Seifert saħaq li l-kumpanija qatt ma għażlet li tkeċċi ħaddiema, anki waqt l-akbar sfidi internazzjonali bħal ma kienet il-pandemija. Sostna li l-kumpanija tagħti importanza kbira għat-taħriġ tal-ħaddiema li bih ikomplu jiżviluppaw u jikbru fil-karriera filwaqt li aċċenna li passi favur operat sostenibbli ma jfissrux biss infiq iżda investiment favur iffrankar ta’ riżorsi u flus. Wara l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, żar l-impjant ta’ Seifert Systems.​

PR230558

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema meta żar il-fabbrika tan-Nylon Knitting f’Ħal Qormi. Waqt il-laqgħa mal-ħaddiema u ż-żjara fil-fabbrika, il-Prim Ministru nnota kif l-investiment kontinwu li qed isir mill-kumpanija qed ikompli jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiema.

Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-investiment li jsir f’oqsma differenti ta’ xogħol bħala mod b’saħħtu kif jinħolqu l-opportunitajiet li bihom tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema. Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li bit-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, jibqa’ jixpruna inċentivi favur aktar investiment li qed isir fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda li għandha Malta fosthom dawk ambjentali. Irrimarka li mbagħad frott dak it-tkabbir inkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema favur anki titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Prim Ministru nnota l-aħħar investiment li għamlet in-Nylon Knitting fl-aħħar snin fejn, għal din is-sena, l-investiment mill-kumpanija mistenni jaqbeż iż-€2 miljun u jikkonsisti fost oħrajn f’installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi biex l-operat tal-fabbrika juża wkoll enerġija rinovabbli. Dan bħala parti minn investiment massiċċ f’operat sostenibbli u ambjentali.

It-tmexxija tal-kumpanija f’Malta, il-General Manager Daniele Cortinovis, fisser lill-Prim Ministru kif minkejja l-isfidi riċenti tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, in-Nylon Knitting kompliet iżżid il-ħaddiema u tinvesti fl-istess ħaddiema permezz ta’ aktar taħriġ. Spjega kif il-kumpanija, li issa ilha bbażata f’Malta għal kważi 60 sena bi produzzjoni tal-ħjata tan-nylon u d-drapp, tħaddem qrib il-250 ruħ fejn 86% tal-ħaddiema huma Maltin. Qal li bosta ħaddiema komplew jiżviluppaw karriera b’saħħitha fis-settur tal-manifattura tant li bdew jaħdmu fuq il-magni u llum imexxu impjanti sħaħ.

Fiż-żjara li għamel il-Prim Ministru fil-fabbrika ġie spjegat kif il-kumpanija qed tkompli anki ssaħħaħ l-esportazzjoni tal-prodott tagħha f’Malta lejn swieq internazzjonali, primarjament fl-Ewropa. Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

PR230538

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirreferi għal rapporti fil-midja dwar allegazzjonijiet li saru waqt tnedija ta’ pubblikazzjoni iktar kmieni llum.  

L-awtoritajiet jaħdmu f’indipendenza u f’awtonomija sħiħa u jieħdu d-deċiżjonijiet bis-saħħa li tagħtihom il-liġi, skont il-ħaqq u s-sewwa. 

Iktar minn hekk, mhux biss il-gvern immexxi minn Robert Abela ta l-għodda lill-istituzzjonijiet biex iwettqu xogħolhom, iżda ta wkoll għodda ġdida liċ-ċittadini biex ikunu jistgħu anke huma jikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet, kif qed jiġri fil-każ odjern stess minn min ippubblika l-ktieb, u liema proċeduri għadhom pendenti. 

Daqshekk dan il-gvern jemmen fl-istituzzjonijiet, u kull allegazzjoni jew mossa oħra, li tista’ tkun anke maħsuba biex tikkundizzjona proċeduri pendenti li hemm il-Qorti, hija allegazzjoni li m’għandhiex mis-sewwa.

PR230534

The Government of Malta has defeated an International Chamber of Commerce Emergency Arbitration proceeding brought by (1) Steward Malta Limited; (2) Steward Malta Management Limited; and (3) Steward Malta Assets Limited (collectively “Steward”).

The Emergency Arbitrator ordered Steward to bear the Government’s costs.

While the matter relates to the terminated concession, at this stage the Government cannot comment further on pending legal proceedings.

PR230523

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin fit-3 ta’ Diċembru 2022.​

L-ittra qed tiġi ppubblikata.​​