Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment multi-miljunarju f’estensjoni tal-impjant ta’ Seifert u jħabbar investiment ieħor li se joħloq mitt impjieg ieħor

PR230567

20/04/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura estensjoni ta’ fabbrika ta’ €12-il miljun ta’ Seifert Systems Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far u ħabbar li l-istess kumpanija, li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali, se tkompli tespandi u tinvesti aktar minn €9 miljun biex tiddiversifika l-prodott tagħha. B’dan l-aħħar investiment imħabbar, il-kumpanija Ġermaniża bbażata f’Malta għal iżjed minn 50 sena u li llum tħaddem kważi 450 ruħ, se toħloq aktar impjiegi apparti l-140 xogħol ġdid li nħolqu bl-estensjoni tal-fabbrika.

F’indirizz li għamel waqt l-inawgurazzjoni tal-espansjoni tal-impjant ta’ Seifert, il-Prim Ministru nnota kif il-kumpanija saret l-ewwel waħda tax-xorta tagħha li għandha fabbrika f’pajjiżna li taħdem mingħajr ma tniġġes l-ambjent. Hawn il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija qed tagħmel dak li hu parti mill-viżjoni ekonomika tal-Gvern favur is-sostenibbiltà billi fost oħrajn investiet f’tagħmir state-of-the-art biex jintlaħqu l-ogħla livelli.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal mod effikaċi li dan l-investiment inawgurat tlesta wara li tħabbar 18-il xahar ilu biss. Innota kif l-investiment pjanat li qed taħdem fuqu Seifert f’Malta jinvolvi diversifikazzjoni ta’ prodotti ġodda elettroniċi hekk kif din il-kumpanija qed tkompli timraħ fi swieq ġodda. Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li anki quddiem tkabbir ekonomiku b’saħħtu rrimarkat minn istituzzjonijiet internazzjonali fosthom aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, il-Gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li bihom jgħin lin-negozji u lill-familji bis-sussidju fuq l-enerġija. Hawn irrimarka għal dikjarazzjonijiet oħra mhux ġejja mill-Gvern biex tieqaf l-għajnuna fuq l-enerġija u li l-Gvern żgur jibqa’ ma jaqbilx magħhom u għalhekk jagħti s-serħan il-moħħ li s-sostenn se jibqa’ jingħata.

Dr Abela nnota wkoll kif il-kumpanija mhux biss qed tħaddem iżjed nies f’pajjiżna iżda qed tkompli ttejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema f’setturi tekniċi bħall-inġinerija. Hawn qal li l-Gvern jibqa’ konxju ta’ sfidi fis-settur tax-xogħol biex ikompli jtejjeb il-ħiliet tal-ħaddiema quddiem realtà li aktar intrapriżi qed ifittxu iżjed nies x’jimpjegaw u huwa għalhekk li bħala pajjiż nibqgħu nagħtu prijorità lill-edukazzjoni billi ninċentivaw anki l-istudenti jitħarrġu f’suġġetti marbuta max-xjenza, l-inġinerija u l-matematika fost oħrajn. Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ investimenti mħabbra fl-aħħar żmien fosthom fis-settur tal-avjazzjoni u l-farmaċewtika u rrijaferma l-impenn li l-Gvern ikompli jinċentiva u jappoġġja tkabbir li bih anki jinħolqu opportunitajiet u titjieb il-qagħda tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Intant il-Kap Eżekuttiv u Direttur Maniġerjali ta’ Seifert f’pajjiżna, Michael R. Seifert saħaq li l-kumpanija qatt ma għażlet li tkeċċi ħaddiema, anki waqt l-akbar sfidi internazzjonali bħal ma kienet il-pandemija. Sostna li l-kumpanija tagħti importanza kbira għat-taħriġ tal-ħaddiema li bih ikomplu jiżviluppaw u jikbru fil-karriera filwaqt li aċċenna li passi favur operat sostenibbli ma jfissrux biss infiq iżda investiment favur iffrankar ta’ riżorsi u flus. Wara l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, żar l-impjant ta’ Seifert Systems.​

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content