L-investiment u l-ħolqien tal-opportunitajiet itejbu l-qagħda tal-ħaddiema

PR230558

19/04/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema meta żar il-fabbrika tan-Nylon Knitting f’Ħal Qormi. Waqt il-laqgħa mal-ħaddiema u ż-żjara fil-fabbrika, il-Prim Ministru nnota kif l-investiment kontinwu li qed isir mill-kumpanija qed ikompli jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiema.

Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-investiment li jsir f’oqsma differenti ta’ xogħol bħala mod b’saħħtu kif jinħolqu l-opportunitajiet li bihom tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema. Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li bit-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, jibqa’ jixpruna inċentivi favur aktar investiment li qed isir fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda li għandha Malta fosthom dawk ambjentali. Irrimarka li mbagħad frott dak it-tkabbir inkomplu nsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema favur anki titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Prim Ministru nnota l-aħħar investiment li għamlet in-Nylon Knitting fl-aħħar snin fejn, għal din is-sena, l-investiment mill-kumpanija mistenni jaqbeż iż-€2 miljun u jikkonsisti fost oħrajn f’installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi biex l-operat tal-fabbrika juża wkoll enerġija rinovabbli. Dan bħala parti minn investiment massiċċ f’operat sostenibbli u ambjentali.

It-tmexxija tal-kumpanija f’Malta, il-General Manager Daniele Cortinovis, fisser lill-Prim Ministru kif minkejja l-isfidi riċenti tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, in-Nylon Knitting kompliet iżżid il-ħaddiema u tinvesti fl-istess ħaddiema permezz ta’ aktar taħriġ. Spjega kif il-kumpanija, li issa ilha bbażata f’Malta għal kważi 60 sena bi produzzjoni tal-ħjata tan-nylon u d-drapp, tħaddem qrib il-250 ruħ fejn 86% tal-ħaddiema huma Maltin. Qal li bosta ħaddiema komplew jiżviluppaw karriera b’saħħitha fis-settur tal-manifattura tant li bdew jaħdmu fuq il-magni u llum imexxu impjanti sħaħ.

Fiż-żjara li għamel il-Prim Ministru fil-fabbrika ġie spjegat kif il-kumpanija qed tkompli anki ssaħħaħ l-esportazzjoni tal-prodott tagħha f’Malta lejn swieq internazzjonali, primarjament fl-Ewropa. Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

FacebookTwitter
Skip to content