Aċċess miftuħ għal spazju għall-komunità tal-Kalkara u l-familji frott trasferiment ta’ binja storika

PR231216

07/08/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela żar Villa Portelli fil-Kalkara, binja storika li nibtet minn idea lejn tmiem is-seklu 18 u li bħalissa qed isir xogħol ta’ restawr fuqha minn Heritage Malta biex tkun ta’ servizz komunitarju u titgawda mill-pubbliku.

Fi żjara li l-Prim Ministru Robert Abela għamel, it-tmexxija ta’ Heritage Malta spjegat kif ix-xogħol li qed isir ta’ restawr u anki diġitalizzazzjoni se jgħin biex il-pubbliku jgawdi l-villa mingħajr ħlas, mhux bħala sempliċiment mużew iżda tiġi offruta esperjenza fuq diversi temi marbuta mal-wirt kulturali u anki tingħata viżibilità virtwali lill-wirt storiku wiesa’ li għandu pajjiżna taħt il-baħar.

Il-ġnien mal-villa, ta’ daqs ta’ iktar minn erba’ tomniet, ukoll se jitgawda mill-pubbliku fi spazju aħdar miftuħ li jservi ta’ rilassament għall-komunità u anki jkun ta’ spazju fejn isiru attivitajiet edukattivi għall-familji.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan ix-xogħol li qed isir frott deċiżjoni tal-Kabinett, li Villa Portelli tgħaddi f’idejn Heritage Malta, bħala waħda importanti biex il-patrimonju ta’ pajjiżna mhux biss jitħares iżda jitgawda mill-familji u joffri esperjenza edukattiva f’ambjent sabiħ. Qal li l-aspett komunitarju li se jkun minsus f’din il-binja se jkun wieħed importanti. “Dan il-proġett ta’ restawr fdat f’idejn il-gwardjan tal-wirt kulturali huwa wkoll parti minn bidliet oħra f’livell ta’ komunità li rridu nkomplu nagħmlu billi binjiet storiċi u pubbliċi jkunu miftuħa għall-familji,” irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-isfond li qabel għaddiet għand il-Gvern b’għeluq tal-bażi militari Ingliża fl-1979 din il-villa kienet ir-residenza tal-Ammiral, Heritage Malta mistennija wkoll toffri esperjenza lill-viżitaturi fejn ikollhom l-opportunità jsegwu restawr ta’ dgħajjes tradizzjonali. Dan huwa proġett li se jkun qed jinħadem mal-istudenti tal-MCAST. Dan apparti inizjattivi minn Heritage Malta ppjanati għal din il-villa bħal spjegi lill-viżitaturi fuq effetti tat-tibdil fil-klima fuq wirt storiku. Fil-fatt, ix-xogħol ta’ restawr li qed isir bħalissa u li jammonta għal €3 miljun qed jindirizza wkoll ħsarat li Villa Portelli sofriet kawża tal-maltempata Helios, li laqtet lill-gżejjer Maltin fi Frar li għadda.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina.​

FacebookTwitter
Skip to content