Month: July 2024

PR241228

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għar-raba’ Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea li saret fi Blenheim Palace f’Oxfordshire, ir-Renju Unit. Għal din il-laqgħa attendew ’il fuq minn 47 mexxejja Ewropej u ġew diskussi diversi temi bħall-enerġija u l-konnettività, l-Ukrajna u l-immigrazzjoni.

Meta kien qed jindirizza Grupp ta’ Ħidma dwar l-immigrazzjoni, Dr Abela semma ż-żjara li kellu fil-Libja fil-ġranet li għaddew u tkellem dwar realtajiet differenti marbuta mal-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru Malti qal li jeżistu soluzzjonijiet differenti għal sfidi komuni. Hawn semma l-importanza tal-investiment fil-pajjiżi t’oriġini u tranżitu.

F’kummenti wara s-Summit, Dr Abela qal li dwar l-investiment f’pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti kien hemm konverġenza, aspett li b’mod konsistenti ilha titkellem dwaru Malta. Fil-fatt il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-investiment fil-pajjiż ta’ oriġini huwa dak li jista’ jagħti soluzzjoni dejjiema hekk kif iżomm lill-familji milli jitilqu minn pajjiżhom, għaliex il-pajjiż ikun qed joffrilhom opportunità. Huwa kompla jisħaq fuq il-bżonn li fuq livell Ewropew ikun hemm pjan ta’ investiment fl-Afrika, sabiex il-familji li jgħixu hemm ma jkollhomx il-ħtieġa li jimxu lejn kontinenti oħra.

Fil-marġni ta’ dan is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Istat ta’ Monaco Pierre Dartout.

PR241219

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza t-Trans-Mediterranean Migration Forum fi Tripli

“Ma jistax ikollna strateġija effettiva għall-immigrazzjoni mingħajr l-involviment ukoll tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu flimkien ma’ miri razzjonali u ċari li jinħadmu id f’id ma’ dawn il-pajjiżi.” Din kienet dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fi Tripli meta indirizza t-Trans-Mediterranean Migration Forum organizzat mill-Gvern Libjan u li għalih attendew pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea u l-Afrika. 

Il-Prim Ministru Malti mhux biss indirizza laqgħa bejn il-mexxejja iżda anki l-Forum innifsu, li f’dikjarazzjoni tkellem dwar prinċipju ewlieni li titkellem dwaru b’mod konsistenti Malta, dak li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun indirizzata mill-għeruq b’koperazzjoni strateġika ma’ kulħadd li tipprevjeni t-tluq ta’ immigranti mill-Afrika lejn l-Ewropa.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-indirizz tal-kwistjoni tal-immigrazzjoni mill-għerq tagħha tibqa’ l-aktar importanti. Semma żewġ kategoriji ta’ immigranti, dawk li jaħarbu minn pajjiżhom minħabba kunflitti u dawk għal raġunijiet ekonomiċi. Qal li ż-żewġ tipi jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi bl-involviment tal-pajjiżi t’oriġini, ta’ tranżitu u dawk ta’ destinazzjoni.

Il-Prim Ministru Malti qal li l-amministrar tal-fruntieri hi fost miżuri importanti li tħares fl-immedjat iżda mbagħad irridu nħarsu lil hinn. Dr Abela sostna li l-appoġġ finanzjarju lejn dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw u joħolqu l-ġid u l-opportunitajiet għall-popli tagħhom irid isir b’mod għaqli mal-pajjiżi ta’ oriġini u l-Ewropa trid tibqa’ tara li dak l-investiment li qed tagħmel, qed tieħu lura valur minnu. 

“Malta pajjiż żgħir iżda mmexxu bl-eżempju meta nitkellmu kontra t-traffikar uman,” qal il-Prim Ministru hu u jinnota realtà iebsa marbuta mal-immigrazzjoni. Mal-mexxejja li nġabru fi Tripli, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara wkoll b’mod b’saħħtu favur aktar koperazzjoni li trid tiġi minn pajjiżi ta’ oriġini fir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tagħhom li jkunu nstabu li qed jgħixu illegalment fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni u li ma ħaqqhomx l-ażil. Qal li r-ripatrijazzjoni u s-sigurtà mal-fruntieri huma parti wkoll parti minn sforzi importanti li jkomplu jiġġieldu lit-traffikanti tal-bnedmin.

Fl-indirizz ta’ dan il-Forum, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif Malta ilha timbotta fuq livell Ewropew favur koperazzjoni strateġika bejn l-Ewropa u l-Afrika. Innota kif pajjiżi ta’ tranżitu bħal-Libja, diġà qed jagħmlu ħafna u li l-isfida tal-immigrazzjoni mhix ta’ pajjiż wieħed imma għandha bżonn sforz kollettiv minn kulħadd. Dr Abela semma wkoll l-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, li kien sar f’Malta u qal li l-prinċipji ta’ dak is-Summit għadhom relevanti sal-lum bil-bżonn aktar minn qatt qabel ta’ strateġiji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja u jnaqqsu l-aptit għall-immigrazzjoni irregolari.

Fi Tripli, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-President tal-Kunsill Presidenzjali Libjan Mohamed al-Menfi. Il-Prim Ministru Abela nnota l-irwol importanti li għandu l-Kunsill favur Libja iktar b’saħħitha. Qal li Malta tibqa’ tappoġġja l-proċess favur aktar stabbiltà fil-Libja, li tgħin ukoll lir-reġjun tal-Mediterran.

Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi u kif dawn jistgħu jkomplu jissaħħu b’aktar koperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, l-enerġija u l-marittimu.

PR241212

Il-Prim Ministru Robert Abela b’laqgħa bilaterali fi Tripli mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh fejn ġie ffirmat l-estensjoni ta’ ftehim dwar l-immigrazzjoni

F’indirizz li għamel f’konferenza tal-aħbarijiet fi Tripli wara li Malta u l-Libja ffirmaw l-estensjoni ta’ ftehim li jikkumbatti l-immigrazzjoni illegali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-immigrazzjoni hi parti minn diskussjoni ferm aktar profonda dwar relazzjonijiet strateġiċi importanti bejn l-Ewropa u pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, bħal-Libja.

Il-Prim Ministru Malti qal dan ukoll wara laqgħat bilaterali li kellu fi Tripli mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh. Il-Prim Ministru Abela sostna li Malta tara fil-Libja sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran f’oqsma importanti bħall-enerġija rinovabbli. Dan qalu f’kuntest tal-politika mħaddna minn Malta favur l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran u li pajjiżna għandu l-kredibbiltà biex jimbotta sħubija strateġika bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Dan pajjiżna qed jisħaq dwaru anki bl-argument favur Kummissarju Ewropew għall-Mediterran u urih bil-fatti fil-laqgħa tal-MED9 f’pajjiżna fejn ġie sostnut li mill-Mediterran nagħmlu ċentru ta’ enerġija nadifa li  jixpruna l-impenn favur Ewropa u Mediterran dekarbonizzat, b’settur tal-enerġija nadif u indipendenti.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim estiż għal tliet snin fuq dak iffirmat f’Mejju ta’ erba’ snin ilu, il-Prim Ministru Malti u dak Libjan iddiskutew ukoll il-potenzjal li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jikbru anki fi sfond ta’ ftehim favur konnettività bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt Malta kienet l-ewwel Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li reġa’ beda t-titjiriet bejn Malta u l-Libja. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-relazzjonijiet mal-Libja huma ffukati fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet anki f’oqsma oħra bħall-marittimu u qal li dak li ż-żewġ pajjiżi rnexxilhom jikkoperaw dwaru fil-qasam tas-sigurtà nistgħu nkomplu nirreplikawh f’setturi oħra. Fuq il-kummerċ, fit-taħdidiet mal-Prim Ministru Libjan, Dr Abela qal li Malta tista’ tkompli tiffaċilita u sservi ta’ ċentru għal-loġistika bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Hawn semma kif pajjiżna għandu portijiet attrezzati biex iservu ta’ pont kummerċjali bejn iż-żewġ kontinenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll li pajjiżna qed jagħraf l-importanza tal-koperazzjoni strateġika mal-Gvern Libjan dwar l-immigrazzjoni. Dan permezz ta’ taħriġ u assistenza anki fil-protezzjoni ċivili mogħtija mill-awtoritajiet Maltin lil dawk Libjani, quddiem sfidi li anki l-Libja għandha bħala pajjiż tranżitorju għall-immigranti. Dr Abela qal li l-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi diġà fisser salvataġġ ta’ ħajjet ta’ eluf ta’ persuni fosthom nisa u tfal u tnaqqis qawwi ta’ wasliet ta’ immigranti irregolari.

“Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhiex indirizzata għal kollox u dejjem jifdal x’isir iżda llum qegħdin hawn intennu l-impenn tagħna biex naħdmu flimkien għaliex dak li għedna b’mod konsistenti: li ma nistgħux nindirizzaw l-immigrazzjoni illegali mingħajr l-impenn tal-pajjiżi Ewropej ma’ pajjiżi ta’ tranżitu jew oriġini nibqgħu nsostnuh bis-saħħa”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela lejlet Forum dwar l-immigrazzjoni li se jkun qed jindirizza fi Tripli fuq stedina tal-Gvern Libjan. It-Trans-Mediterranean Migration Forum għandu s-sehem ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħat fi Tripli hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Reġjonali tal-Ghana, Shirley Ayorkor Botchwey.

B’Malta u l-Ghana msieħba fil-Commonwealth, il-Prim Ministru Malti tkellem dwar kif il-Commonwealth trid tkompli tiffaċilita inizjattivi li joħolqu l-ġid fost il-popli ta’ pajjiżi differenti f’din l-għaqda, mhux b’inqas permezz ta’ inizjattivi immirati għal stati żgħar, fosthom anki dwar il-bidla fil-klima.

Iż-żewġ naħat irrimarkaw għaċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għal Stati Żgħar fi ħdan il-Commonwealth. Ċentru li twaqqaf wara l-aħħar Summit taċ-CHOGM li kien sar f’pajjiżna u li jista’ jkompli jiffaċilita prattiċi tajbin fosthom b’inizjattiva internazzjonali oħra minn Malta, li tinvolvi indiċi ta’ reżiljenza u vulnerabbiltà għal bidla fil-klima. Dan l-indiċi kapaċi jitfa’ dawl u jgħin pajjiżi jieħdu miżuri importanti biex jilqgħu għat-tibdil fil-klima.

Fil-laqgħa f’Kastilja ż-żewġ naħat tkellmu wkoll fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika. Issemmiet il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, bil-ħtieġa li din il-kwistjoni tibqa’ tiġi indirizzata b’mod komprensiv mill-għeruq tagħha.