Month: April 2026

PR260582

Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva dan il-proġett bħala investiment sportiv ieħor b’saħħtu f’dixxiplina li kienet teħtieġ investiment serju u adegwat.

B’investiment ta’ €2.8 miljun, il-ftuħ uffiċjali taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke jimmarka pass importanti ieħor fil-ħidma tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna. Dan il-proġett mhux biss biddel sit abbandunat f’faċilità moderna u ta’ livell għoli, iżda qed jagħti wkoll spinta ġdida lill-iżvilupp tat-tennis f’Malta.

Il-proġett twettaq taħt it-tmexxija ta’ SportMalta, li ħadmet mill-qrib mal-Malta Tennis Padel Federation. Din il-kollaborazzjoni kienet kruċjali biex jiġi żgurat li l-faċilità tilħaq l-ogħla standards sportivi u tissodisfa l-ħtiġijiet kemm tal-atleti kif ukoll tal-organizzazzjonijiet involuti fl-iżvilupp tat-tennis f’Malta.

Iċ-ċentru jinkludi sitt courts tat-tennis mgħammra b’wiċċ tal-logħob Greenset approvat mill-ITF, simili għal dak użat fl-Australian Open, kif ukoll dawl LED ta’ kwalità għolja fuq kull court. Barra minn hekk, il-faċilità toffri spazju adegwat għall-ispettaturi. Dan iċ-ċentru sportiv jinkludi ukoll diversi faċilitajiet fosthom kamra tal-fiżjoterapija, spazji apposta għall-atleti, u uffiċċji għall-Federazzjoni.

Il-Prim Ministru nnota kif fl-aħħar snin din id-dixxiplina sportiva tat-tennis rat qabża ’l quddiem anki fir-riżultati li rnexxielna niksbu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa. “Biżżejjed ngħidu li fl-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ dawn il-Logħob irbaħna xejn inqas minn għaxar midalji fit-tennis, tlieta minnhom tad-deheb,” qal Dr Abela.

Huwa spjega kif dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva nazzjonali u jikkumplimenta proġetti oħra bħal dak tal-Padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali, it-trakka tal-atletika fil-Marsa, il-kumpless sportiv tal-Marsa, kif ukoll il-Padiljun u ċ-Ċentru Akwatiku fir-Rabat, Għawdex, li jinkludi pixxina ta’ daqs Olimpiku.

Dr Abela semma wkoll il-ħidma li għaddejja fuq proġetti oħra, fosthom l-ewwel fażi tat-trakka ta’ Ħal Far, li mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin. Huwa saħaq li dawn il-proġetti qed isiru possibbli bis-saħħa ta’ ekonomija li qed trendi.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal diversi miżuri introdotti mill-Gvern biex jinkoraġġixxi stil ta’ ħajja aktar sana, fosthom is-sitt xhur gym mingħajr ħlas għaż-żgħażagħ u l-inċentivi fiskali għall-atleti professjonali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis huwa eżempju ċar ta’ kif spazju abbandunat jista’ jinbidel f’faċilità moderna u ta’ livell internazzjonali li tassew tagħmel differenza fil-ħajja tal-atleti u tal-komunità sportiva. “Permezz ta’ investiment sostanzjali u kollaborazzjoni mill-qrib mal-Malta Tennis Padel Federation, qed nagħtu lill-isportivi tagħna l-għodod u l-infrastruttura li jixirqilhom biex jiżviluppaw u jilħqu l-potenzjal tagħhom,” tenna l-Ministru Grima.

Huwa żied jgħid li dan il-proġett mhux biss qed joħloq dar ġdida għat-tennis f’Malta, iżda qed juri wkoll l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fl-isport bħala mezz ta’ tkabbir personali, saħħa u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar qal li SportMalta hija kburija li qed tkompli tappoġġja l-komunità sportiva b’faċilitajiet ta’ livell għoli. Huwa qal li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif entità tal-Gvern taħdem id f’id ma’ federazzjoni għall-benefiċċju reċiproku.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Tennis Padel Federation, Marc Gingell Littlejohn, iddeskriva dan l-investiment bħala pass storiku għall-iżvilupp tat-tennis u l-padel f’Malta, b’faċilità state-of-the-art li saret realtà grazzi għall-appoġġ tal-Ministeru permezz ta’ SportMalta.

Huwa spjega li dan iċ-ċentru se jservi bħala hub ewlieni għat-taħriġ tal-atleti nazzjonali, filwaqt li joħloq opportunitajiet għal skambji ma’ plejers barranin u preparazzjoni għal tournaments internazzjonali. Żied li l-faċilità se tgħin ukoll lill-klabbs jorganizzaw aktar tournaments u attivitajiet, filwaqt li tappoġġja inizjattivi fl-iskejjel biex jiġi identifikat talent ġdid u promoss l-isport b’ħidma konġunta mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

PR260565

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat is-sostenn finanzjarju ta’ €38 miljun mill-Gvern għar-restawr tal-proġett Ta’ Saura National Empowerment Hub, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din l-għajnuna mill-Gvern bħala pass importanti sabiex dan il-proġett, li se jrawwem il-kreattività ta’ bosta tfal u żgħażagħ, jimmaterjalizza u jibda jaħdem.

Il-Prim Ministru spjega li dan huwa ftehim li l-Gvern qed iwettaq bl-appoġġ ta’ Komunità Malta, sabiex din il-binja storika tiġi restawrata u l-proġett jibda jopera b’mod sħiħ. Huwa saħaq li l-istess ftehim jixhed apprezzament lejn il-ħidma tal-Malta Trust Foundation filwaqt li jibgħat messaġġ ta’ solidarjetà u impenn biex tingħata spinta u mbuttatura lil inizjattivi bħal dawn. Filwaqt li żied jgħid li din is-sħubija ta’ ftehimiet bejn l-Istat u s-soċjetà ċivili huma l-benniena ta’ aktar ħolqien ta’ ġid fil-komunità.

Il-Prim Ministru Abela qal li permezz ta’ Dar Saura, pajjiżna se jkollu taħt saqaf wieħed ċentru modern, f’ambjent mill-isbaħ, li kapaċi jilqa’ elf persuna f’daqqa, jirċievu servizzi u mhux biss jieħdu xi ħaġa mis-soċjetà imma saħansitra jagħtu lura bil-kreattività u ħiliet li se jiżviluppaw. Huwa żied jgħid li lil dawn it-tfal u żgħażagħ li se jgawdu minn Dar Saura, u li huma dipendenti fuq oħrajn, irridu nagħtuhom l-indipendenza u d-dinjità li jixirqilhom.

Huwa rrefera wkoll għal diversi servizzi u inċentivi soċjali li qed joffri l-Istat, fosthom is-sostenn għal terapiji li jħallsu l-ġenituri biex jaraw uliedhom b’diżabilità jagħmlu pass ieħor ’il quddiem. “Inċentiv li bdejnieh fil-forma ta’ tax credit, imbagħad qlibnieh għal għotja għax fhimna li nkomplu nsaħħu l-għajnuna u din is-sena saħansitra żidnieh u tellajnieh għal elf ewro fis-sena,” innota l-Prim Ministru Robert Abela meta ta ħarsa għall-ħidma tal-Gvern fil-qasam tad-diżabilità.

“Dan li qed inħabbru llejla huwa mudell li diġà qed jintuża f’inizjattivi oħra ta’ impatt nazzjonali, bħall-proġetti ta’ Puttinu Cares fil-Mosta u f’Londra, kif ukoll fil-qasam tal-isport bl-istadium il-ġdid tal-Malta Premier fil-Marsa,” saħaq il-Prim Ministru. Dan filwaqt li qal li b’dan il-ftehim qed nuru li pajjiżna mhux biss għandu sisien sodi f’ekonomija li kapaċi tiddedika investiment li jidħol għandha għal skopijiet soċjali imma fuq kollox Malta tagħna għandha l-fibra morali u soċjali li tiddeċiedi li proġett soċjali bħal dan ħaqqu kull appoġġ mistħoqq.

Dr Abela wera wkoll l-apprezzament tiegħu lejn l-Arċidjoċesi Maltija, li kienet strumentali biex dan il-post jgħaddi għand il-Fondazzjoni sabiex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett, li se jgħin biex kull persuna tilħaq il-potenzjal tagħha. 

L-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna, sostna, “Huwa pjaċir kbir tiegħi li nara din il-proprjetà tal-Knisja, Dar Saura, li l-użu tagħha ġie afdat b’rigal lil Malta Trust Foundation, tkompli tieħu l-ħajja bl-impenn konġunt tas-soċjetà ċivili u l-Istat. Din hija oasi oħra ta’ inklussività u fejqan li qed tagħti risposta għall-bżonnijiet attwali tal-poplu tagħna b’sinerġija pożittiva bejn il-Knisja, is-Soċjetà Ċivili u l-Istat.” 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li meta naħdmu flimkien bħala Gvern u soċjetà ċivili joħroġ ħafna ġid. “Sħubija bħal din iġġib fuq il-mejda esperjenzi, valuri u ħiliet differenti. Bħala Ministru responsabbli wkoll miċ-ċittadinanza, illum assigurajt li bħala Gvern ser naraw li nassistu lill-Malta Trust Foundation tikseb ir-riżorsi meħtieġa biex il-proġett ikun suċċess. Dan proġett imfassal mill-bżonnijiet tan-nies u se jgawdu mijiet jekk mhux eluf ta’ tfal u familji. Bla dubju li minn proġett fuq il-karta ser narawh jieħu l-ħajja u jagħti ħajja ġdida lil dawk li jagħmlu użu minnu,” tenna l-Ministru Camilleri.

Il-fundatriċi u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-ftehim mhuwiex biss dwar infrastruttura, iżda dwar tama, dinjità u futur aħjar għal mijiet ta’ tfal u familji f’pajjiżna. Hija żiedet tgħid li permezz ta’ Ta’ Saura, qed jibnu mhux biss spazju, iżda opportunitajiet reali li jagħmlu lil Malta pajjiż aktar inklussiv u ġust.

Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Malta Trust Foundation, li matul is-snin żviluppat esperjenza fil-qasam tal-appoġġ soċjali u edukattiv. Il-fondazzjoni hija magħrufa għall-programmi tagħha li jużaw l-arti, il-mużika u metodi kreattivi oħra bħala għodda ta’ integrazzjoni, empowerment u espressjoni personali għal tfal u żgħażagħ li ħafna drabi jsibu ruħhom esklużi minn sistemi tradizzjonali.

PR260561

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, żar Dar Shalom fiż-Żurrieq, fejn iltaqa’ mar-residenti fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mill-ftuħ ta’ din id-dar, li matul is-snin kompliet tissaħħaħ bħala spazju ta’ kura, għożża u appoġġ għal persuni b’diżabilità.

Dar Shalom tilqa’ sa massimu ta’ ħames persuni b’diżabilitajiet differenti f’ambjent sigur, dinjituż u li huwa ta’ familja. Din ir-residenza hija frott ta’ sħubija bejn l-Aġenzija Sapport u d-Dar tal-Providenza u tifforma parti minn numru ta’ djar residenzjali għall-persuni b’diżabilità mifruxa madwar il-pajjiż. Din hi parti integrali mill-politika tal-Gvern li flimkien ma’ għaqdiet volontarji jkompli jinvesti f’mudelli ta’ għajxien indipendenti fil-komunità.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela kellu l-opportunità jdur il-faċilitajiet u jara mill-qrib l-ambjent li fih dawn ir-residenti jgħixu. Huwa tkellem magħhom dwar l-esperjenza tagħhom f’din ir-residenza, kif ukoll dwar l-importanza li persuni b’diżabilità jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti u jkunu jistgħu jintegraw fil-komunità. Waqt din il-laqgħa ħarġet ċara l-importanza li dawn is-servizzi jibqgħu jinbnew fuq mudell li jqiegħed lill-persuna fiċ-ċentru, filwaqt li jsaħħaħ il-valuri tal-inklużjoni u tal-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, kif ukoll is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima.

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, żar il-Forn tal-Ħabs, fejn ġie mdawwar mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Christopher Siegersma. 

Il-Forn tal-Ħabs huwa wieħed mill-akbar u l-eqdem fran fuq il-gżejjer Maltin, li jmur lura għal madwar is-sena 1850. Illum il-forn jopera b’mod attiv, fejn kuljum jiġi prodott ħobż frisk għall-persuni detenuti fil-faċilità korrettiva, kif ukoll jiġu preparati prodotti biex jinxtraw mill-pubbliku, f’diversi perjodi matul is-sena.

Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li kienet qed issir mill-persuni detenuti u l-uffiċjali tal-Aġenzija.

L-inizjattiva mill-Forn tal-Ħabs għandha wkoll għan ċentrali ta’ riabilitazzjoni, fejn tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ lill-persuni detenuti, sabiex jakkwistaw ħiliet ġodda li jkunu jistgħu jużaw meta jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà, filwaqt li tgħin ukoll biex tonqos l-istigma li għadha assoċjata mal-faċilità korrettiva.

PR260539

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija The Convenience Shop (Holding) plc f’Ħal Qormi f’okkażjoni li fiha tnediet il-Fondazzjoni Sandra Calleja mill-istess kumpanija.

Din il-fondazzjoni se tkun qed tgħin lis-soċjetà b’mod tanġibbli u tappoġġa inizjattivi relatati mal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-sostenibbiltà ambjentali u l-iżvilupp tal-komunità. Din il-fondazzjoni, li tfakkar il-memorja tal-mara ta’ fundatur tal-kumpanija, se tkun immexxija mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca u appoġġata minn Bord ta’ Amministraturi.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar l-inizjattiva ta’ The Convenience Shop li jwaqqaf din il-fondazzjoni li permezz tagħha se jsir aktar ġid fil-komunità. Kompla jgħid li dan jixhed il-valuri tal-empatija u s-solidarjetà li l-kumpanija tħaddan.

“Bħala Gvern dejjem qegħdin hemm biex nappoġġaw dawn l-inizjattivi. Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva hija karatteristika tal-imprenditur Malti li jkompli jaqsam il-ġid ma’ ħaddieħor”, tenna Dr Abela.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mad-diretturi, it-tim eżekuttiv u l-ħaddiema tal-istess kumpanija. It-tmexxija tal-kumpanija spjegat il-ħidma li qed titwettaq u l-investiment li qed isir biex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà diġitali, tiżdied l-effiċjenza fl-operat u tkompli titjieb l-esperjenza tal-konsumatur. Kompliet tispjega li bħalissa hemm’il fuq minn 100 ħanut f’aktar minn 50 lokalità madwar Malta u Għawdex.