Kabinett maż-Żgħażagħ: Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum

PR230410

20/03/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum li ġie approvat waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Fil-kampus ta’ Raħal Ġdid, tlaqqa’ Kabinett maż-żgħażagħ fejn il-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri semgħu mingħand żgħażagħ differenti l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom għall-preżent u l-futur ta’ dan il-pajjiż.

Iż-żgħażagħ tkellmu fuq diversi temi minn dawk ambjentali, għall-opportunitajiet ta’ xogħol, kwalità tal-ħajja, l-imprenditorjat u anki dwar is-settur tal-ġustizzja. Il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-laqgħa tal-Kabinett maż-żgħażagħ bħala waħda importanti u qal li dan ma kellux ikun eżerċizzju ta’ darba. Għalhekk ħabbar it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri.

Dan il-forum konsultattiv strutturat se jiġbor fih żgħażagħ minn oqsma differenti li b’mod regolari jiġu konsultati dwar temi ta’ importanza nazzjonali u li saħansitra l-Kabinett ikun qiegħed jew se jiddiskuti. Fiż-żmien li ġej se jingħataw iżjed dettalji fosthom ta’ meta jiftħu l-applikazzjonijiet wara sejħa pubblika għal min jixtieq ikun parti minn dan il-forum. Dan filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jaħdem viċin tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ b’attenzjoni kull żagħżugħ u żagħżugħa li tkellmu fil-Kabinett u għamel ir-rimarki tiegħu dwar kif il-Gvern li jmexxi jrid jibqa’ wieħed li jisma’. “L-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet tagħkom huma tagħna wkoll,” saħaq Dr Abela hu u jfisser prinċipju ewlieni li qed iħaddan il-Gvern biex kull żagħżugħ u żagħżugħa twettaq il-ħolm tagħha.

Hu u jiddjaloga maż-żgħażagħ, il-Prim Ministru nnota kif fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari tal-Gvern hemm bosta żgħażagħ li jagħmlu rappreżentanza xierqa taż-żgħażagħ. Qal li ż-żgħażagħ huma l-aktar li jistgħu jħaddnu t-twemmin ta’ ‘Malta Flimkien’, fejn ma jkunx hemm preġudizzji u flimkien inkomplu nagħtu futur sabiħ lil dan il-pajjiż.

FacebookTwitter
Skip to content