Month: July 2023

PR231159

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaru ċ-Ċentru t’Amministrazzjoni tal-Enemalta fil-Marsa u aktar tard marru fuq lant tax-xogħol f’Ħal Tarxien, fejn qed isiru xogħlijiet bla heda biex tiġi assigurata l-provvista tal-elettriku f’inħawi fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru seta’ jsegwi l-ħidma bla waqfien li għaddejja biex il-provvista tingħata kemm jista’ jkun malajr u reġa’ ta ħajr lill-ħaddiema għas-servizz tagħhom lejl u nhar f’mument li mewġa ta’ sħana laqtet lill-gżejjer Maltin u lill-Ewropa.

It-tekniċi u l-inġiniera tal-Enemalta spjegaw il-ħidma li qed issir u l-pjan tal-Enemalta b’rabta max-xogħlijiet ta’ tiswija li qed isiru. Hawn ġie spjegat kif il-mewġa ta’ sħana, li hija realtà fl-Ewropa kollha, wasslet biex l-Enemalta rat domanda rekord ta’ 628MW. B’reazzjoni l-Prim Ministru Abela u l-Ministru Dalli talbu lill-kumpanija biex tkompli timmobilizza l-isforzi u r-riżorsi kollha tagħha biex twieġeb kemm jista’ jkun malajr  għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar ukoll li l-Gvern diġà ilu jiem li impenja ruħu li jingħata kumpens lil dawk milquta fl-aħħar jiem. Dan fl-istess ħin li tenna l-politika tal-Gvern li jkompli jappoġġja u jinvesti fil-programm qawwi ta’ investiment li beda fid-distribuzzjoni fl-aħħar sentejn u li se jkompli b’iktar saħħa fi żmien li ġej.

Fiż-żjarat kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, iċ-Chairman tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava u l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona.

PR231153

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg b’rabta mal-inkjesta maġisterjali konkluża dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin fit-3 ta’ Diċembru 2022.

L-ittra qed tiġi ppubblikata.

PR231146

F’avveniment li sar fil-Lufthansa Technik Malta f’Ħal Farruġ biex ifakkar l-għoxrin sena ta’ operat f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-saħħa tas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna, partikolarment fil-qasam tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO. Fil-hangars tal-Lufthansa, il-Prim Ministru Abela rrimarka għall-ħidma importanti li qed issir biex aktar studenti jitħarrġu u jagħżlu l-linja tal-avjazzjoni, anki permezz tal-kampanja ‘Choose Aviation’ immexxija bejn il-Malta Enterprise u l-MCAST. Saħaq li dan is-settur mhux sempliċiment joħloq impjiegi iżda karrieri ta’ kwalità. Innota wkoll kif f’Lufthansa Technik Malta, 85% tal-ħaddiema, jiġifieri qrib l-400 ruħ, huma Maltin.

F’kuntest li l-industrija tal-avjazzjoni tikkontribwixxi madwar €600 miljun fis-sena fl-ekonomija Maltija u timpjega mal-5,000 impjieg, fosthom kwart minnhom fl-MRO, il-Prim Ministru tkellem fuq il-ħtieġa tas-sostenibbiltà anki f’din l-industrija. Hawn rabat it-tranżizzjoni ekonomika li qed jaħdem fuqha pajjiżna, b’enfasi fuq il-kwalità u l-prijoritajiet ambjentali, ma’ dak li anki qed tħares lejh l-industrija tal-avjazzjoni, fosthom il-kumpanija Lufthansa. Il-Prim Ministru laqa’ l-fatt li fiż-żmien li ġej il-kumpanija se tkun qed taħdem fuq il-manutenzjoni t’ajruplani tat-tip B787 li huma mgħammra b’teknoloġija importanti li żżid l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u li jnaqqsu sew l-emissjonijiet fl-arja, fost oħrajn.

“L-avjazzjoni hija niċċa ekonomika li kienet ta’ suċċess tul dawn is-snin u filwaqt li ma neħtiġux li nivvintaw ir-rota mill-ġdid, nistgħu naħdmu flimkien magħkom biex nimbuttaw lejn il-qalba l-ħadra li tkompli tagħti valur miżjud lill-ekonomija u tipprovdi l-aqwa servizz lill-klijenti tagħkom,” qal il-Prim Ministru Abela lit-tmexxija tal-Lufthansa Technik Malta. Huwa rringrazzja lill-kumpanija tal-investiment kontinwu u l-fiduċja f’pajjiżna. Qal li jħares ’il quddiem li f’ħidma kollettiva jkomplu jinħolqu opportunitajiet ta’ kwalità, filwaqt li tenna l-appoġġ tal-Gvern biex jinċentiva l-investiment.

F’indirizzi li għamlu qabel il-Prim Ministru, iċ-Chairman ta’ Lufthansa Technik Malta Dr Alexander Feuersänger u l-Kap Eżekuttiv ta’ Lufthansa Technik Malta John Mahon tkellmu fuq kif l-innovazzjoni tkompli tixpruna suċċess fil-qasam tal-avjazzjoni. Irringrazzjaw lill-Gvern Malti tal-appoġġ kontinwu biex Lufthansa Technik Malta baqgħet tiġbed lejha l-aqwa linji tal-ajru fid-dinja biex tkun ta’ servizz għalihom.

PR231135

Is-saħħa tal-valuri komuni għandha twassalna għal aktar koperazzjoni bejnietna, u għal aktar opportunitajiet għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna. Dan fi żmien fejn ninsabu f’salib it-toroq f’xenarju globali li nbidel b’mod sinifikanti, mill-aħħar Summit CELAC li sar tmien snin ilu, li qed iġib miegħu sfidi li affettwaw il-pajjiżi kollha. Biċ-ċavetta għal aktar soċjetajiet u ekonomiji robusti u reżiljenti hija l-bilanċ bejn is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza ekonomika u l-kompetittività.

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela fl-interventi tiegħu fis-Summit li laqqa’ 27 Mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma’ Kapijiet ta’ Gvernijiet jew Rappreżentanti ta’ 33 stat tal-Amerika Latina u l-Karibew, imsejħa bħala CELAC fi Brussell. Matul dan is-Summit, il-Prim Ministru tenna li s-saħħa tar-rabtiet bejn il-pajjiżi, kemm f’relazzjonijiet bilaterali kif ukoll inter-reġjonali, u s-sħubijiet f’oqsma ta’ interess komuni għandhom iwasslu għal aktar opportunitajiet għall-benefiċċju reċiproku tal-pajjiżi tal-UE u dawn l-istati. B’kummerċ miftuħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jippreżenta potenzjal b’saħħtu biex tiġi msaħħa r-relazzjoni kummerċjali u toħloq impjiegi ġodda, b’Malta tappoġġja ukoll il-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet.

Fl-isfond ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Prim Ministru madanakollu sostna li t-tkabbir u l-irkupru ekonomiku għandhom jassiguraw li ma jħallux effetti mhux mixtieqa fuq l-ambjent billi jikkontribwixxu  għat-tibdil fil-klima, u li Malta bħala gżira u gżejjer oħra bħalha għandha  realtajiet speċifiċi li għandhom jiġu salvagwardjati. Bil-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima kienu ukoll fuq l-aġenda ta’ Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Hekk kif is-sostenibbiltà hija kruċjali għat-tranżizzjoni ħadra u diġitali, u din is-sħubija mġedda tassigura sforz akbar favur dawn it-tranżizzjonijiet. Dan f’linja ukoll mal-prijoritajiet tal-Gvern Malti li filwaqt li s-suċċess ekonomiku li għamilna fl-aħħar snin kien u għadu l-pedament tal-bidla pożittiva f’kull qasam tal-ħajja, qegħdin ninvestu f’Malta isbaħ b’investiment fl-ambjent ta’ pajjiżna, bil-kwalità tal-ħajja fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan is-Summit kien wieħed ta’ importanza u b’sinifikat akbar fl-isfond tal-kuntest ġeo-politiku u qed juri kif relazzjoni b’saħħitha bejn il-pajjiżi mhux biss twassal għal aktar stabbiltà u paċi iżda tindirizza ukoll sfidi globali bħat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Għalhekk, dan huwa mument kritiku biex din is-sħubija tiġġedded u tissaħħaħ  biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Guyana, Mohamed Irfaan Ali Phillips, li matulha ġiet diskussa aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi bħala pajjiżi membri tal-Commonwealth u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Ġiet diskussa wkoll il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ relazzjonijiet bilaterali formali bejn iż-żewġ pajjiżi.