Month: July 2023

PR231129

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia.

Id-diskors qiegħed jiġi ppubblikat.

PR231106

In segwitu għal vot fil-Parlament b’appell ċar għall-ġustizzja fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Prim Imħallef.

L-ittra qed tkun ippubblikata.

PR231105

B’referenza għal rapporti li dehru dwar l-attività ‘A Night at the Palace’ li sar l-Erbgħa 12 ta’ Lulju fil-Palazz tal-Girgenti, qed jiġi ċċarat li din kienet attività kulturali bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u li saret bi skop li jinġabru fondi għal kawża ġusta.

Din ma kinitx l-ewwel darba li ġie organizzat dan il-kunċert u d-data tiegħu kienet ilha skedata diversi xhur u mħabbra iktar kmieni dan ix-xahar. Il-pubbliku seta’ jattendi għal din l-attività mingħajr ħlas u minflok seta’ jagħti donazzjoni b’risq l-għaqdiet li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali.

PR231094

Il-Kabinett tal-Ministri llum iddeċieda li jagħti parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba ta’ Yorgen Fenech biex tkun irtirata l-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma permezz ta’ proklama li kienet maħruġa fil-25 ta’ Novembru, 2019.

Il-Kabinett tal-Ministri ta dan il-parir wara li ħa konjizzjoni tal-istess talba u l-pariri tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

PR231085

Malta u t-Tuneżija għandhom numru ta’ opportunitajiet fejn jimirħu, partikolarment fis-settur tal-enerġija. Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela f’laqgħat bilaterali li kellu f’Tuneż mal-President tat-Tuneżija Kais Saied u l-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.

Fi żjara fil-kapitali tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Robert Abela beda b’laqgħa mal-President Tuneżin fil-Palazz Presidenzjali f’Kartaġni. F’taħdidiet mal-President Saied, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif Malta qed tħares li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u l-koperazzjoni mat-Tuneżija. Innota kif iż-żewġ pajjiżi għandhom impenji u aspirazzjonijiet komuni, dawk ta’ stabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran.

Dr Abela irrimarka li l-enerġija rinnovabbli hija l-futur anki għall-pajjiżi ġirien li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb prominenti fi proġetti potenzjali li jgawdu minnhom il-popli taż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Abela qal li r-reġjun tal-Mediterran fih wkoll sfidi li għandna nindirizzawhom b’mod ħolistiku. “B’rispett reċiproku u b’impenn bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, dawn l-isfidi nistgħu ndawruhom f’opportunitajiet,” saħaq il-Prim Ministru Malti mal-President Tuneżin. 

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-aħħar laqgħat għolja bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn żewġ naħat dwar il-Pakkett Komprensiv ta’ Sħubija li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika, il-koperazzjoni dwar l-enerġija u l-immigrazzjoni.

Dwar l-immigrazzjoni l-Prim Ministru Abela rrimarka li Malta dejjem advokat b’mod konsistenti dwar il-ħtieġa tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran biex ikun hemm stabbiltà fl-Ewropa. Fuq din it-tema, anki mal-Prim Ministru tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-għeruq tal-isfida tal-immigrazzjoni trid tibqa’ tiġi indirizzata b’mod komprensiv u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb importanti li wkoll qed tgħaddi minn sfidi fuq din il-kwistjoni.

Mal-Prim Ministru Bouden, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-immigrazzjoni hija kwistjoni globali li ma tistax tiġi indirizzata minn pajjiż jew reġjun wieħed. Innota wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm konferenza internazzjonali dwar l-immigrazzjoni li qed tħares li tindirizza wkoll it-traffikar uman marbut mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

F’Tuneż il-mexxejja taż-żewġ naħat iddiskutew ħidma li għaddejja dwar ftehimiet li fil-futur hemm il-ħsieb li jiġu ffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom fil-qasam tal-enerġija u dak taż-żgħażagħ. Fuq dan tal-aħħar, il-ħidma għaddejja fuq ftehim ġdid wara dak iffirmat 12-il sena ilu. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-immaniġjar tal-ilma u spjega li dak li Malta qed tagħmel ma’ stati żgħar oħra, jiġifieri tagħti l-għarfien tagħha dwar l-immaniġġjar aħjar tar-riżorsa tal-ilma, tista’ tagħmlu anki mat-Tuneżija.

Iż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll ir-rieda ta’ aktar koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom anki dwar l-opportunità ta’ koperazzjoni fid-dekarbonizazzjoni tas-settur marittimu. Temi oħra reġjonali oħra li tqajmu kienu l-kunflitt fis-Sudan, is-sitwazzjoni fis-Sirja u dik fil-Lvant Nofsani.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara fit-Tuneżija kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.