Malta u t-Tuneżija għandhom opportunitajiet kbar fejn jimirħu fosthom fuq l-enerġija rinnovabbli – il-Prim Ministru Robert Abela f’Tuneż

PR231085

11/07/2023

Malta u t-Tuneżija għandhom numru ta’ opportunitajiet fejn jimirħu, partikolarment fis-settur tal-enerġija. Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela f’laqgħat bilaterali li kellu f’Tuneż mal-President tat-Tuneżija Kais Saied u l-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.

Fi żjara fil-kapitali tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Robert Abela beda b’laqgħa mal-President Tuneżin fil-Palazz Presidenzjali f’Kartaġni. F’taħdidiet mal-President Saied, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif Malta qed tħares li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u l-koperazzjoni mat-Tuneżija. Innota kif iż-żewġ pajjiżi għandhom impenji u aspirazzjonijiet komuni, dawk ta’ stabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran.

Dr Abela irrimarka li l-enerġija rinnovabbli hija l-futur anki għall-pajjiżi ġirien li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb prominenti fi proġetti potenzjali li jgawdu minnhom il-popli taż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Abela qal li r-reġjun tal-Mediterran fih wkoll sfidi li għandna nindirizzawhom b’mod ħolistiku. “B’rispett reċiproku u b’impenn bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, dawn l-isfidi nistgħu ndawruhom f’opportunitajiet,” saħaq il-Prim Ministru Malti mal-President Tuneżin. 

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-aħħar laqgħat għolja bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn żewġ naħat dwar il-Pakkett Komprensiv ta’ Sħubija li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika, il-koperazzjoni dwar l-enerġija u l-immigrazzjoni.

Dwar l-immigrazzjoni l-Prim Ministru Abela rrimarka li Malta dejjem advokat b’mod konsistenti dwar il-ħtieġa tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran biex ikun hemm stabbiltà fl-Ewropa. Fuq din it-tema, anki mal-Prim Ministru tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-għeruq tal-isfida tal-immigrazzjoni trid tibqa’ tiġi indirizzata b’mod komprensiv u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb importanti li wkoll qed tgħaddi minn sfidi fuq din il-kwistjoni.

Mal-Prim Ministru Bouden, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-immigrazzjoni hija kwistjoni globali li ma tistax tiġi indirizzata minn pajjiż jew reġjun wieħed. Innota wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm konferenza internazzjonali dwar l-immigrazzjoni li qed tħares li tindirizza wkoll it-traffikar uman marbut mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

F’Tuneż il-mexxejja taż-żewġ naħat iddiskutew ħidma li għaddejja dwar ftehimiet li fil-futur hemm il-ħsieb li jiġu ffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom fil-qasam tal-enerġija u dak taż-żgħażagħ. Fuq dan tal-aħħar, il-ħidma għaddejja fuq ftehim ġdid wara dak iffirmat 12-il sena ilu. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-immaniġjar tal-ilma u spjega li dak li Malta qed tagħmel ma’ stati żgħar oħra, jiġifieri tagħti l-għarfien tagħha dwar l-immaniġġjar aħjar tar-riżorsa tal-ilma, tista’ tagħmlu anki mat-Tuneżija.

Iż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll ir-rieda ta’ aktar koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom anki dwar l-opportunità ta’ koperazzjoni fid-dekarbonizazzjoni tas-settur marittimu. Temi oħra reġjonali oħra li tqajmu kienu l-kunflitt fis-Sudan, is-sitwazzjoni fis-Sirja u dik fil-Lvant Nofsani.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara fit-Tuneżija kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content