Malta se tibqa’ tappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità

PR240786

09/05/2024

Matul il-ftuħ tal-EU-Startups Summit fil-Belt Valletta, summit li tlaqqa’ għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern li pajjiżna jibqa’ jaħdem favur aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli. Qal li dan qed isir billi l-Gvern qed jappoġġja lill-ekosistema tal-istartups lokali biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna jkun xprunat mill-innovazzjoni u l-kwalità.

Dan is-summit li qed isir bis-sapport tal-Malta Enterprise qed iġib flimkien ażjendi u sidien ta’ negozji lokali u barranin taħt saqaf wieħed.

Fil-preżenza ta’ bosta intraprendituri u investituri Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan il-mudell ekonomiku se jkun qed iżid il-produttività, li tissarraf f’impjiegi b’pagi ogħla, aktar ġid u prosperità akbar. Sostna li tul is-snin, pajjiżna rnexxielu jattira niċeċ ekonomiċi ġodda fosthom fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, fil-FinTech, fir-robotika u l-avjazzjoni fost l-oħrajn. “Filwaqt li l-investiment dirett barrani huwa u jibqa’ importanti, dan ma jnaqqasx mill-importanza ta’ imprendituri u professjonisti lokali,” saħaq il-Prim Ministru.

Irrefera għall-ħidma li għaddejja biex pajjiżna jkollu Qafas għall-Istartups li jħejji t-triq biex Malta tkun l-iktar pajjiż Ewropew startup-friendly. Saħaq li pajjiżna qed jibdel u jtejjeb il-liġijiet biex nagħrfu l-vulnerabbiltajiet tal-istartups, intejbu l-miżuri fiskali u nnaqqsu proċessi burokratiċi għall-istartups li joperaw minn Malta.

Dr Abela qal li Malta se tibqa’ minn ta’ quddiem li tħeġġeġ l-Unjoni Ewropea biex tinvesti iktar fl-istartups. Dan filwaqt li tappella għal Unjoni Ewropea b’vuċi iktar b’saħħitha u b’politika aktar ħolistika għall-istartups.

Saħaq li ma kinitx kumbinazzjoni li l-Europe Startup Nations Alliance, l-ESNA, ikklassifikat lil pajjiżna fir-raba’ post fil-lista ta’ pajjiżi Ewropej bi startups innovattivi. Dr Abela qal li dan ir-riżultat huwa xhieda tal-isforzi kollha biex pajjiżna joħloq l-ambjent ideali għat-twaqqif ta’ startups innovattivi li jibqgħu jikbru u jrendu f’Malta.

Temm jgħid li dawn l-isforzi kollha se jagħmlu minn Malta l-iktar pajjiż Ewropew ta’ suċċess għat-twaqqif ta’ startups innovattivi u ta’ kwalità.

Il-Malta Enterprise hija l-isponsor ewlieni ta’ dan l-avveniment. Il-kollaborazzjoni bejn il-Malta Enterprise u l-EU-Startups Summit assigurat tranżizzjoni bla xkiel biex l-avveniment mexa minn Barċellona għal Malta, fejn f’din l-ewwel edizzjoni f’pajjiżna, il-livell tal-avveniment kompla jitjieb.

Fl-aħħar snin il-Malta Enterprise stabbiliet ruħha bħala l-punt ta’ referenza għall-istartups lokali u internazzjonali li ġejjin Malta, fejn qed tgħin mill-qrib lill-istartups innovattivi. L-assistenza tal-Malta Enterprise f’każ ta’ kumpaniji l-aktar innovattivi tista’ tilħaq sa €1.5 miljun. Il-Malta Enterprise qed taħdem ukoll fuq Startup Framework nazzjonali.

FacebookTwitter
Skip to content