Month: July 2023

PR231071

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq il-proġett tal-Verdala, li qiegħed isir fuq is-sit ta’ dik li kienet il-Grand Hotel Verdala. Proġett li se jkun qiegħed jibdel 2,350 metru kwadru ta’ spazju li kien żviluppat għal spazju miftuħ biex jitgawda mill-komunità.

Matul din iż-żjara, il-Prim Ministru nnota l-impenn tal-investitur biex jiżviluppa proġett ta’ kwalità fl-inħawi tal-Virtù fir-Rabat, li mhux biss iħares, iżda jirrispetta l-ambjent tal-madwar. Dan billi d-disinn tal-proġett, partikolarment kif jidher minn barra, tfassal b’mod li jikkumplimenta ż-żona li jinsab fih.

Bil-proġett li jikkonsisti f’lukanda ta’ ħames stilel u appartamenti residenzjali, mhux biss se jinkludi pjazez għat-tgawdija tal-familji, iżda ukoll spazji ħodor. Bl-għan tal-proġett hu li filwaqt li joffri residenzi tal-ogħla livell, jattira turisti ta’ kwalità li jikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li dan l-investiment privat qed isir f’sinerġija mal-prijoritajiet għal dan il-Gvern. Mhux biss dik li qed twassal għal aktar spazji miftuħa għall-familji Maltin u Għawdxin iżda ukoll li l-binja hija maħsuba biex tħares l-ambjent. Dan hekk kif huwa mibni bil-ħsieb li mhux biss inaqqas il-konsum tal-enerġija, iżda jnaqqas l-emissjonijiet atmosferiċi b’rata konsiderevoli.

Dan il-proġett jingħaqad katina ma’ iżjed investiment ta’ kwalità li segwew l-istess prinċipji ambjentali u ta’ sostenibbiltà fil-jiem li għaddew meta l-Prim Ministru żar proġetti ġodda fosthom dak mill-Grupp Farsons ta’ Trident Park u l-Brewhouse.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-fundatur tal-Grupp tal-AX Angelo Xuereb, membri tal-familja Xuereb u membri oħra involuti fit-tmexxija tal-kumpanija.​​

PR231065 

Iħabbar passi importanti fis-settur tal-enerġija b’diskussjoni parlamentari l-ġimgħa d-dieħla  

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta maż-żgħażagħ diversi suġġetti ta’ importanza nazzjonali. Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom kien hemm l-enerġija rinnovabbli, l-ambjent, in-nisa fil-politika, l-ippjanar u t-turiżmu fost l-oħrajn.

Meta kien qed jitkellem dwar sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li bil-għan li pajjiżna jibqa’ jiddiversifika s-sorsi ta’ enerġija tiegħu għal arja iktar nadifa u biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija nadifa, se tkun qed tinħareġ sejħa pubblika internazzjonali għal turbini tar-riħ u pannelli solari fuq il-baħar.

Dan flimkien mat-tieni interconnector u l-ftehim ta’ koperazzjoni konġunta mal-Libja dwar interconnector bi provvista ta’ enerġija rinnovabbli. 

Il-Prim Ministru Abela saħaq li l-ġimgħa d-dieħla l-Parlament se jiddiskuti l-Att fejn se nistabbilixxu żoni li jiffurmaw iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi, jiġifieri żoni barra mill-ibħra territorjali fejn pajjiżna jkollu ġurisdizzjoni fuqhom.

Dr Abela spjega li għal dawn iż-żoni mbagħad pajjiżna se joħroġ is-sejħiet pubbliċi għal ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Matul il-laqgħa tqajmu diversi suġġetti oħra miż-żgħażagħ li huma kandidati prospettivi għat-twaqqif tal-ewwel Youth Advisory Forum, fosthom is-saħħa mentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-intelliġenza artifiċjali, drittijiet ċivili u l-ippjanar.

Dwar din tal-aħħar, il-Prim Ministru saħaq li bit-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, qed jiddaħħlu standards ġodda kif ukoll iktar infurzar, filwaqt li għall-ewwel darba qed tkun implimentata r-riforma tal-liċenzjar tal-kuntratturi. Kwistjonijiet oħrajn li tqajmu trattaw fost oħrajn riformi ġudizzjarji, it-trasport u l-anzjani.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja liż-żgħażagħ talli ħadu l-ewwel pass u ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għall-Youth Advisory Forum filwaqt li saħaq li r-rieda tal-gvern u tagħhom li jaraw lil Malta miexja ‘l quddiem, tgħaqqadhom ilkoll flimkien.

Din il-laqgħa serviet ta’ opportunità għall-applikanti tal-Youth Advisory Forum li għandhom bejn is-sittax u l-ħamsa u tletin sena, li jsemmgħu leħinhom u jaqsmu l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar Malta.

Eventwalment se jintgħażlu tmien applikanti biex flimkien mar-rappreżentanta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Michaela Vassallo, jiffurmaw l-ewwel grupp tal-Youth Advisory Forum.

Ladarba jintgħażlu l-membri minn Kumitat tal-Għażla flimkien mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Youth Advisory Forum jibda jkollu laqgħat regolari mal-Prim Ministru għal terminu ta’ tmintax-il xahar li matulhom jagħtu pariri lill-gvern fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet li jkunu qed jiġu diskussi lokalment jew fuq livell internazzjonali.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.​​

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja żgħażagħ li se jikkompetu bi prodotti innovattivi tagħhom f’festival internazzjonali għall-imprenditorjat li se jsir f’Istanbul fil-jiem li ġejjin.

Iż-żgħażagħ Maltin se jirrappreżentaw lil pajjiżna taħt il-kappa tal-Fondazzjoni Junior Achievement Malta u fit-Turkija se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ 42 pajjiż ieħor.

Il-Prim Ministru nnota s-sens ta’ imprenditorjat fost żgħażagħ li ħarġu b’kunċetti interessanti fil-prodotti tagħhom, fosthom flixkun li jimmotiva lil dak li jkun biex jixrob l-ilma u ħwejjeġ addattati għal tfal b’kundizzjonijiet differenti.​

PR231051

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja u ta rikonoxximent lill-atleti li rrappreżentaw lil Malta fil-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali li saru f’Berlin fil-jiem li għaddew. ​

Il-Prim Ministru u martu Lydia Abela rringrazzjaw lill-atleti, lit-tim tekniku minn Special Olympics Malta u lill-ġenituri li kienu lkoll ta’ appoġġ għall-atleti li kisbu suċċessi għal pajjiżna. Fil-fatt, f’dawn il-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali, Malta kisbet l-akbar ammont ta’ midalji tad-deheb. Pajjiżna kiseb sittax-il midalja tad-deheb, ħdax-il midalja tal-fidda u erba’ midalji tal-bronż f’seba’ dixxiplini sportivi li kkompeta fihom.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-isport huwa mezz ieħor fejn kulħadd jista’ jkun protagonist u feraħ lill-kontinġent Malti. Għall-preżentazzjoni tar-rikonoxximent lil kull atlet ta’ Special Olympics Malta, attendew ukoll il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.