Azzjonijiet konkreti li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u rduppjar immedjat tal-investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku – il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza lill-MCESD

PR231191

28/07/2023

Fil-Berġa ta’ Kastilja, fejn laqa’ lill-imsieħba soċjali f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar l-irduppjar immedjat tal-investiment fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. “Pajjiżna għandu pjan li joħroġ minn miżuri fil-manifest ‘Malta Flimkien’ dwar it-tisħiħ tad-distribuzzjoni elettrika,” qal Dr Abela hu u jispjega li pajjiżna diġà qed jimplimenta il-pjan b’investiment ta €15-il miljun fuq it-titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni iżda r-realtajiet tal-isfida klimatika juru biċ-ċar li dak li jista’ jsir qabel, għandu isir qabel u għalhekk is-sena d-dieħla, il-pajjiż se jinvesti €30 miljun f’dan ir-rigward.

Fl-indirizz tiegħu fil-bidu tal-laqgħa tal-MCESD, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li bħala pajjiż, fuq parir tat-tekniċi tal-Enemalta, irridu nlestu ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda u nkabbru oħrajn ħalli jkollna iżjed substations ġodda u jiżdiedu kilometri ta’ cables favur sistema iktar robusta. Il-Prim Ministru żied jispjega li twettaq eżerċizzju fejn ġew direzzjonati €40 miljun f’fondi Ewropej oħra mill-Fond ta’ Aġġustament tal-BREXIT lejn il-Pjan ta’ Rkupru, b’kapitlu speċifiku magħruf bħala RePower EU. Qal li l-Pjan imressaq mill-Gvern Malti kien diġà meqjus bħala l-aktar wieħed ambjentalment b’saħħtu mill-Unjoni Ewropea u wara l-approvazzjoni tiegħu, issa tela’ għal kważi €330 miljun, li jfisser €70 miljun aktar ta’ fondi li bihom se jkomplu jiġu implimentati riformi importanti fil-qasam tal-enerġija.

Hawn semma azzjonijiet konkreti li jilqgħu għat-tibdil fil-klima, fosthom investiment ta’ enerġija rinnovabbli fuq binjiet bi żminijiet iqsar biex dawn isiru, investiment b’saħħtu fil-grid elettriku li jkun lest jilqa’ fih anki l-enerġija rinnovabbli u anki pjanijiet ta’ sostenn għal min jagħmel xogħlijiet biex iżid l-effiċjenza fl-użu ta’ enerġija. Dan tal-aħħar ikun jgħodd għall-binjiet pubbliċi iżda anki privati bħal skejjel u uffiċini.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li t-tranżizzjoni ekonomika li qed jimbotta l-Gvern trid tkun ukoll kontributur ewlieni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum u ta’ għada fosthom dak marbut mat-tibdil fil-klima. “Hija tranżizzjoni li trid tkun ibbażata fuq il-kwalità, li tgħix fir-rispett ta’ xulxin f’soċjetà fejn ir-rispett jintrabat mad-dixxiplina”, saħaq il-Prim Ministru hu u jirrimarka li rridu nfittxu dejjem li nilħqu livelli ogħla. F’dan il-kuntest semma wkoll inizjattivi li ttieħdu biex jiġu regolati setturi li baqgħu qatt ma ġew regolati fosthom bir-riforma tal-liċenzjar tal-kuntratturi implimentata u riforma oħra mnedija fl-aħħar jiem għal-liċenzjar tal-bennej.

Il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna fuq il-kollettiv għaliex flimkien nistgħu nwettqu bidliet li jaqdu l-aspirazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Qal li l-Gvern kien u se jibqa’ sensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies u n-negozji u fisser kif qed issir riċerka biex titfassal l-iskema għal kumpens lil dawk milquta mill-qtugħ tal-provvista tal-elettriku f’ċirkostanzi straordinarji kkawżati mill-bidla klimatika.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li qabbad lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana biex ifassal protokoll għal meta l-pajjiż jaffaċċja pressjonijiet ta’ effetti klimatiċi bħal dawk li laqtuna fl-aħħar jiem. Qal kif dan il-protokoll se jistabilixxi b’mod iktar ċar mekkaniżmi li jilqa’ għalihom il-pajjiż b’mod aktar effettiv. Spjega wkoll li se titwaqqaf Awtorità ffukata kontra t-tibdil fil-klima. Dwar din l-Awtorità, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli sostniet li fl-aħħar xhur kienet bdiet ħidma fuq it-twaqqif ta’ Awtorità apposta għal azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Qalet li fix-xhur li ġejjin se jitressaq Abbozz fil-Parlament għat-twaqqif ta’ Awtorità li l-għan prinċipali tagħha se jkun li jsir monitoraġġ ċentrali tal-impatt tal-attivitajiet differenti fuq it-tibdil fil-klima filwaqt li tiġbor flimkien l-azzjonijiet konkreti li l-pajjiż hemm bżonn jieħu. Dwar dan, il-Ministru Dalli qalet li l-MCESD għandu rwol aktar importanti x’jikkontribwixxi.

Għal-laqgħa tal-MCESD attenndew ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

FacebookTwitter
Skip to content