Month: January 2023

PR230101

Il-Gvern Malti se jkun qed jibgħat 20 generator industrijali flimkien ma’ tagħmir mediku lill-Ukrajna, bħala għajnuna umanitarja fl-isfond tal-gwerra li qed jgħix il-poplu Ukren. Dan permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għajnuna umanitarja b’urġenza.

Fi żjara mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurta, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri li għamlu fil-kwartieri tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, setgħu jsegwu l-aħħar preparamenti sabiex fil-jiem li ġejjin din l-għajnuna, b’valur ta’ aktar minn €370,000, tibda triqitha lejn l-Ukrajna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se tibqa’ tibgħat sinjal ċar ta’ appoġġ u turi solidarjetà mal-poplu Ukren f’dan iż-żmien diffiċli. Bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta se tkompli titkellem favur il-paċi u t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li b’din l-għajnuna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jikkonferma l-irwol importanti tiegħu, li mhux biss jassisti u jsalva persuni f’pajjiżna, iżda wkoll jikkordina għajnuna tal-Gvern Malti lil poplu ieħor fi bżonn l-assistenza.

Il-generators ġew iffinanzjati mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, Għawdex. Dan filwaqt li t-tagħmir mediku ġie ffinanzjat mill-Ministeru għas-Saħħa.​

PR230095

Fi żjara fil-Kumpless Sportiv ta’ Bormla, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-amministraturi ta’ Sport Malta dwar l-investiment li qed isir fis-settur sportiv, kemm fl-atleti kif ukoll fil-faċilitajiet sportivi. Bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta iktar tard din is-sena, il-gvern investa €5 miljun fit-taħriġ tal-atleti kif ukoll miljuni ta’ ewro oħra fit-titjib tal-faċilitajiet. Qed isir investiment ukoll f’numru ta’ faċilitajiet li jmorru lil hinn mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Il-Prim Ministru kellu ċans jiltaqa’ ma’ wħud minn dawn l-atleti li spjegaw kif qed jitħejjew għal dawn il-Logħob u anke fissru l-entużjażmu li jeżisti fost il-komunità sportiva lokali għal din l-opportunità. Filwaqt li awgura lil dawn l-atleti, il-Prim Ministru radd ħajr lit-tim ta’ Sport Malta tax-xogħol li qed jagħmel taħt id-direzzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Fl-istess żjara, il-Prim Ministru kellu wkoll iċ-ċans li jżur il-pixxina tal-ogħla livell li se ssir parti mill-kumpless u li se tkun waħda mill-aqwa faċilitajiet sportivi fil-pajjiż.

Il-pixxina hi tad-daqs Olimpiku ta’ 5,000 metru kwadru, b’tul skont ir-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm u se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija fosthom dik tal-bulkheads. Il-ħtieġa li l-isport ikun parti integrali mill-ħajja ta’ kull ċittadin hija wkoll ċentrali fil-politika tal-gvern, tant li l-ħsieb hu li l-faċilitajiet ikunu aċċessibbli kemm jista’ jkun. Fil-fatt, fil-kumpless sportiv, il-Prim Ministru kellu ċ-ċans isegwi attivitajiet sportivi għal tfal ta’ età ċkejkna organizzati minn skejjel differenti f’dawn il-faċilitajiet.​

PR230077

Il-Prim Ministru Robert Abela rċieva talba mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex ikun estiż sa Ġunju t-terminu tal-Kumitat tal-Esperti dwar is-Settur tal-Midja.

It-terminu tal-kumitat, li nħatar is-sena li għaddiet, kien jiskadi fil-11 ta’ Jannar 2023. Il-Prim Ministru wieġeb lill-Imħallef Mallia billi nformah li t-talba qed tintlaqa’ fit-terminu ta’ dak miktub u mitlub minnu f’isem il-kumitat.

PR230051

“Pajjiżna qed jaħdem bla heda biex ikompli jtejjeb il-profil ekonomiku tiegħu lil hinn minn xtutna.” Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel fil-Berġa ta’ Kastilja meta laqa’ lill-Konsli Onorarji għall-iskambju t’awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser ħidmet il-Konsli Onorarji ta’ Malta bħala importanti u ta’ valur kbir għaċ-ċittadini minn diversi pajjiżi li jkunu ’l bogħod minn pajjiżhom. Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq l-irkupru ekonomiku frott anki rabtiet diversi u b’saħħithom mal-bqija tad-dinja fi sfond ta’ ambjent regolatorju stabbli u affidabbli li għandha Malta.

Dr Abela qal li l-Gvern ħadem bla heda biex l-ekonomija tkompli tikber u n-negozji jibqgħu jespandu u jimirħu biex il-ġid li qed jinħoloq ikompli jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini. Dan qalu fi sfond ukoll li Malta baqgħet taċċerta l-promozzjoni tal-kummerċ u d-diplomazija kummerċjali f’kull ħidma uffiċjali fosthom permezz tal-irwol li jaqdu l-Konsli Onorarji li jkunu huma fuq quddiem nett li jintroduċu opportunitajiet ta’ negozju u investiment permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kuntatti li jkollhom. Hawn semma kif is-sena li għaddiet Malta kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha fl-Expo Dinji tal-2025 li se ssir f’Osaka, il-Ġappun.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-irwol ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. “Malta tinsab f’pożizzjoni tajba biex bid-dehen u l-ħiliet tagħha twassal messaġġ ċar u b’saħħtu favur il-paċi”, irrimarka l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu lill-Konsli Onorarji. Spjega kif ix-xahar id-dieħel, meta Malta se tippresjedi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, pajjiżna se jorganizza diversi laqgħat ta’ livell għoli dwar it-tibdil fil-klima u b’rabta mal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Il-Prim Ministru nnota proġetti li saru mill-Gvern, mir-Rappreżentanzi Diplomatiċi u Konsolari Maltin barra minn xtutna biex ġiet imbuttata ’l quddiem l-identità Maltija fid-diversi forom tagħha fosthom permezz tad-diplomazija kulturali. Dan apparti li l-Gvern kompla jaħdem sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ rappreżentanza tal-viżi ma’ stati membri oħra fiż-Żona Schengen.

Il-Prim Ministru temm jirringrazzja lill-Konsli Onorarji għas-servizz ġeneruż tagħhom u awgura li l-ħidma tagħhom tkompli tissarraf f’ġid għall-pajjiż.

PR230036

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta għall-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida. Fil-laqgħa annwali tal-bidu tas-sena mal-ambaxxaturi, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala komunità internazzjonali rridu nibqgħu nkunu kuraġġużi u nesprimu t-tħassib tagħna meta l-paċi hi mhedda.

“Huwa f’dan l-ispirtu li dħalna għat-terminu tagħna bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”, irrimarka l-prim ministru f’indirizz li għamel. Hawn aċċenna dwar l-opportunità li għandha Malta biex tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mibnija fuq prinċipji u valuri favur il-paċi. Dan issemma f’kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna fejn innota li Malta, bħala pajjiż newtrali, għandha għan ewlieni li taħdem favur il-paċi u rrimarka għal pożizzjoni kollettiva b’saħħitha li ttieħdet mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea favur solidarjetà mal-poplu Ukren u appoġġ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Dr Abela rrimarka wkoll għal ħidmet pajjiżna bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex it-tibdil fil-klima jkun fuq nett tal-aġenda u fakkar li l-Inizjattiva tal-Gżejjer għall-Gżejjer li ħabbret Malta fi Glasgow waqt il-COP26 tkompli taħdem biex l-ekonomiji ta’ gżejjer żgħar madwar id-dinja jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiċi favur żvilupp sostenibbli. Il-prim ministru qal li Malta għandha waħda mill-aktar ekonomiji vibranti fl-Unjoni Ewropea li rreġistrat l-akbar tkabbir ekonomiku u fost l-inqas rati ta’ qgħad u ta’ inflazzjoni. Dan frott politika li tinvesti fin-nies fosthom bl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-missjoni ta’ promozzjoni ta’ kummerċ fil-Ghana li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, u nnota li l-ministru għall-affarijiet barranin u Ewropej ġie fdat ukoll bil-kummerċ bħala qasam importanti li joħloq opportunitajiet. F’dan l-isfond, semma n-negozjati anke fuq livell Ewropew għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles man-New Zealand u l-Awstralja u spjega li l-Indja hija pajjiż li tirrappreżenta potenzjal għal aktar koperazzjoni kummerċjali mal-kontinent Ewropew.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li Malta żiedet ukoll il-preżenza diplomatika tagħha madwar id-dinja bil-ftuħ ta’ ambaxxata fil-kapitali tal-Brażil, Brażilja, u l-ftuħ ta’ konsolati f’ibliet strateġiċi bħal Casablanca, Accra u Doha. Saħaq li l-Mediterran jibqa’ reġjun importanti għal aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea u fakkar fis-summit tal-MED9 li Malta se tilqa’ aktar tard din is-sena bejn il-mexxejja tal-istati membri fil-Mediterran.

Filwaqt li awgura għal aktar kollaborazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li Malta tibqa’ sieħeb affidabbli fi djalogu favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità.