STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR230036

12/01/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza lill-membri tal-Korp Diplomatiku għall-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta għall-awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida. Fil-laqgħa annwali tal-bidu tas-sena mal-ambaxxaturi, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala komunità internazzjonali rridu nibqgħu nkunu kuraġġużi u nesprimu t-tħassib tagħna meta l-paċi hi mhedda.

“Huwa f’dan l-ispirtu li dħalna għat-terminu tagħna bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti”, irrimarka l-prim ministru f’indirizz li għamel. Hawn aċċenna dwar l-opportunità li għandha Malta biex tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mibnija fuq prinċipji u valuri favur il-paċi. Dan issemma f’kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna fejn innota li Malta, bħala pajjiż newtrali, għandha għan ewlieni li taħdem favur il-paċi u rrimarka għal pożizzjoni kollettiva b’saħħitha li ttieħdet mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea favur solidarjetà mal-poplu Ukren u appoġġ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Dr Abela rrimarka wkoll għal ħidmet pajjiżna bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex it-tibdil fil-klima jkun fuq nett tal-aġenda u fakkar li l-Inizjattiva tal-Gżejjer għall-Gżejjer li ħabbret Malta fi Glasgow waqt il-COP26 tkompli taħdem biex l-ekonomiji ta’ gżejjer żgħar madwar id-dinja jaqsmu bejniethom l-aqwa prattiċi favur żvilupp sostenibbli. Il-prim ministru qal li Malta għandha waħda mill-aktar ekonomiji vibranti fl-Unjoni Ewropea li rreġistrat l-akbar tkabbir ekonomiku u fost l-inqas rati ta’ qgħad u ta’ inflazzjoni. Dan frott politika li tinvesti fin-nies fosthom bl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-missjoni ta’ promozzjoni ta’ kummerċ fil-Ghana li se ssir il-ġimgħa d-dieħla, u nnota li l-ministru għall-affarijiet barranin u Ewropej ġie fdat ukoll bil-kummerċ bħala qasam importanti li joħloq opportunitajiet. F’dan l-isfond, semma n-negozjati anke fuq livell Ewropew għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles man-New Zealand u l-Awstralja u spjega li l-Indja hija pajjiż li tirrappreżenta potenzjal għal aktar koperazzjoni kummerċjali mal-kontinent Ewropew.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li Malta żiedet ukoll il-preżenza diplomatika tagħha madwar id-dinja bil-ftuħ ta’ ambaxxata fil-kapitali tal-Brażil, Brażilja, u l-ftuħ ta’ konsolati f’ibliet strateġiċi bħal Casablanca, Accra u Doha. Saħaq li l-Mediterran jibqa’ reġjun importanti għal aktar koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea u fakkar fis-summit tal-MED9 li Malta se tilqa’ aktar tard din is-sena bejn il-mexxejja tal-istati membri fil-Mediterran.

Filwaqt li awgura għal aktar kollaborazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li Malta tibqa’ sieħeb affidabbli fi djalogu favur il-paċi, is-sigurtà u l-prosperità.

FacebookTwitter
Skip to content