Month: November 2022

PR221589

F’waħda minn sensiela ta’ żjarat f’negozji u postijiet tax-xogħol li komplew jinvestu, xhieda tal-fiduċja li għandhom f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Greens Supermarket fl-Imrieħel.​​

Dan hu negozju tal-familja li tul iż-żmien evolva minn ħanut tal-merċa għal supermarket ewlieni f’pajjiżna.

Waqt iż-żjara, il-prim ministru seta’ jara t-tkabbir u l-investiment fl-infrastruttura li sar mit-tmexxija tal-kumpanija, li finalment qed ifisser iktar opportunitajiet ta’ xogħol. Sa Marzu tal-2021, il-kumpanija kienet tħaddem 350 ħaddiem u l-investiment tagħha matul is-snin kien ilaħħaq dak ta’ €30 miljun. Illum Greens Supermarket iħaddem 600 ħaddiem u l-investiment totali f’makkinarju, riżors uman u loġistika jmiss it-€38 miljun.

Waqt iż-żjara tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll ma’ diversi familji li kienu qegħdin jagħmlu x-xirja tagħhom. Il-prim ministru tenna mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jgħin u jwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija bil-għan li jibqa’ jagħti serħan il-moħħ quddiem sfidi internazzjonali mhux żgħar. Dawn huma deċiżjonijiet li mhux biss iwieżnu lill-konsumatur, iżda li jħallu wkoll lil min iħaddem jippjana biex b’hekk ikun jista’ jibqa’ jinvesti f’pajjiżna u joħloq l-opportunitajiet.

Fil-fatt, it-tmexxija tal-kumpanija spjegat kif il-ħaddiema tagħha jaħdmu f’ambjent trankwill u sigur grazzi għall-investiment li sar matul is-snin fil-makkinarju li kontinwament jiffaċilità l-ħidma tal-impjegati. Sar ukoll investiment f’sistemi ta’ teknoloġija diversa.

Id-Direttur Maniġerjali Joseph Sammut irringrazzja lill-prim ministru taż-żjara tiegħu u tal-fiduċja li dejjem wera l-gvern fis-settur privat. Fil-fatt, is-Sur Sammut għamel referenza wkoll għal investiment ieħor tal-kumpanija, din id-darba fis-settur tal-ospitalità, bil-ftuħ ta’ ristorant ġdid bl-isem ta’ Mondo, li wkoll telaq b’mod b’saħħtu sinjal ukoll tal-fiduċja li għandu l-konsumatur Malti.

PR221583

​Il-Prim Ministru Robert Abela żar iktar kumpaniji li qed isaħħu l-investiment tagħhom f’Malta, u f’laqgħat mat-tmexxija u l-ħaddiema ta’ kumpaniji minn setturi differenti nnota kif ħidmithom f’Malta hija wkoll xhieda tal-fiduċja li teżisti f’pajjiżna.

Mill-avjazzjoni, għall-gaming u l-investiment fil-proprjetà, fost oħrajn, il-Prim Ministru żar dawn in-negozji fiċ-ċentru tan-negozju CF f’San Ġiljan, li minnu mhux biss taħdem l-istess kumpanija iżda wkoll għadd ta’ kumpaniji oħra fosthom uħud internazzjonali bi preżenza f’pajjiżna.

F’dan iċ-ċentru, li sar b’investiment ta’ €15-il miljun, il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-istess ċentru.

Żar ukoll l-uffiċini tal-kumpanija Pariplay li taħdem fis-settur tal-gaming, il-kumpanija Hilbert li tispeċjalizza fi strateġiji għall-klijenti fis-suq diġitali, u l-kumpanija Eurowings, kumpanija fl-avjazzjoni li hija reġistrata f’Malta u li mistennija tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’pajjiżna, inkluż b’żieda fil-ħaddiema.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dawn il-kumpaniji minn setturi differenti taħt saqaf wieħed huma xhieda ta’ diversifikazzjoni fl-ekonomija Maltija, li baqgħet tissaħħaħ u li t-tbassir għall-ġejjieni jibqa’ wieħed pożittiv u fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.

Is-Sur Clifton Cassar, Direttur tal-kumpanija CF, qal li l-investiment fiċ-ċentru tan-negozju huwa wieħed tal-ogħla livell u li l-kumpanija hija kburija li qed tilqa’ fih kumpaniji minn oqsma differenti u li joffru servizzi tal-ogħla livell.

PR221576

Il-Prim Ministru Robert Abela żar is-summit SiGMA, waħda mill-akbar fieri tal-igaming minn madwar id-dinja, li għal sena oħra qegħdin nospitaw f’pajjiżna.

Summit li attira taħt saqaf wieħed 25,000 delegat, 1,000 eżebitur u 200 start-up minn 80 pajjiż differenti.

Fi żjara li għamel fl-MFCC, Ta’ Qali, il-prim ministru nnota li l-interess li jiġġenera dan is-summit jirrifletti l-ottimiżmu li jeżisti f’din l-industrija f’Malta. Fil-fatt, pajjiżna huwa l-għażla ta’ 300 kumpanija tal-gaming, li jfissru 10,000 impjieg f’dan is-settur.

Il-prim ministru spjega li minkejja l-isfidi ekonomiċi globali, is-settur reżiljenti tal-gaming f’pajjiżna qed ikompli jikseb riżultati pożittivi.

Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, din l-industrija ġġenerat dħul ta’ €712 miljun fl-ekonomija Maltija. Dħul li jfisser għaxra fil-mija tat-tkabbir ekonomiku li rreġistra pajjiżna matul din is-sena u żieda ta’ €90 miljun fuq l-ewwel nofs tas-sena 2021. B’dan jikkumpara tajjeb ħafna wkoll mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej, li esperjenzaw kontribuzzjoni tliet darbiet inqas dik li esperjenza pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jibni ekonomija sostenibbli u inklużiva, partikolarment f’dan is-settur, u li se jkompli jibdel l-isfidi globali f’opportunitajiet. Fil-fatt, Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li n-negozji li joperaw minnha mhumiex affaċċjati b’żieda fil-prezzijiet jew limitazzjonijiet fil-konsum tal-enerġija. B’dan jista’ jservi bħala vantaġġ kompettitiv għall-kumpaniji f’pajjiżna.

Il-prim ministru kkonkluda li l-investiment fil-ħiliet u f’aktar opportunitajiet għal din l-industrija huma ta’ prijorità għall-gvern u li avvenimenti bħal SiGMA jiċċelebraw l-ispirtu tal-viżjoni ekonomika tal-gvern, li se tkompli tassigura aktar snin ta’ suċċess f’din l-industrija. ​

PR221563

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilità ġdida ta’ Burmarrad Group, li espanda l-operat tiegħu b’investiment ta’ €12-il miljun.

Hu u jinawgura dan l-investiment fil-Marsa, fejn ġew riġenerati mal-14,000-il metru kwadru ta’ spazju industrijali f’ċentru marbut mal-vetturi, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li issa m’għadux biss il-mument li nibqgħu nitkellmu fuq irkupru iżda dak l-irkupru issa qed iservi biex nilħqu livelli ogħla u ġodda.

Dan sostnieh f’kuntest li f’ħafna oqsma, pajjiżna qed jikseb riżultati aħjar minn dawk ta’ qabel il-pandemija.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser is-suċċess tan-negozju tal-familja u kumpaniji oħra bħala l-ikbar konferma li Malta miexja ‘l quddiem u fid-direzzjoni t-tajba.

Il-prim ministru spjega li din id-direzzjoni se twassal biex in-negozji jibqgħu jikbru u joħolqu l-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jinfirex biex ikollna ambjent fejn il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jimxu ‘l quddiem.

F’indirizz li għamel, Dr Abela rrefera għal żewġ rapporti, wieħed tal-Kummissjoni Ewropea u ieħor tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch, li lkoll irrimarkaw li Malta se tkun fost l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku.

Ftit wara li anki ltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Burmarrad Commercials, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li fl-aħħar sentejn, il-grupp irdoppja n-numru tal-impjegati tiegħu biex illum iħaddem mitt ruħ.

Fisser dan il-fatt u negozji oħra li qed jespandu bħala turija ta’ fiduċja f’pajjiżna u hawn semma kif il-gvern se jibqa’ jinċentiva u jagħti s-sostenn bħalma hu qed jagħmel biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli iżda xorta qed itejjeb il-qagħda tal-finanzi pubbliċi.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan qed isir b’deċiżjoni konxja li l-prijoritajiet il-ġodda ta’ pajjiżna qed jiġu miftehma mill-imprendituri u saħansitra qed jagħmlu tagħhom ukoll dawn il-prijoritajiet.

Hawn semma kif l-imprendituri qed jaħdmu fuq l-għan sostenibbli bħal investiment f’għodod u teknoloġiji iktar ħodor li jieħdu ħsieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-Budget ippreżentat għas-sena d-dieħla l-gvern qed ikompli jinċentiva favur investiment sostenibbli b’miżuri bħall-irduppjar fl-għajnuna finanzjarja biex kumpaniji Maltin jinvestu fi proġetti diġitali u sostenibbli apparti li hemm iddedikati €20 miljun għar-rinnovar favur il-klima ta’ binjiet kummerċjali fis-settur privat.

Il-prim ministru temm jgħid li ma’ dawn l-inċentivi l-gvern se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva biex it-tfal ikollhom il-ħiliet għax-xogħol li qed jinħoloq filwaqt li qed isir investiment fl-infrastruttura u għalhekk is-sena d-dieħla se jsir investiment kapitali rekord ta’ €920 miljun.​

PR221534

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-libertà tal-midja, Teresa Ribeiro. Fil-laqgħa, il-prim ministru semma għadd ta’ riformi li saru f’sentejn u fi żmien sfidi globali bla preċedent, u dan biex ikompli jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali, il-governanza u anke s-settur tal-midja.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-proċess tal-preżentazzjoni tal-abbozzi li jagħtu l-aqwa protezzjoni li qatt ingħatat lill-midja u lill-ġurnaliżmu Malti fl-istorja. Ġie spjegat kif wara li l-gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia, inħoloq Kumitat ta’ Esperti dwar is-Settur tal-Midja, li huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika. Hawn il-Prim Ministru rrimarka li kien hemm qbil wiesa’ kemm mal-familja Caruana Galizia iżda anki mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IGM) dwar il-kompożizzjoni tal-membri tal-Kumitat ta’ Esperti u t-termini ta’ referenza tal-istess kumitat.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma li wara li r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat imsemmi waslu għand il-gvern, fil-Parlament tressqu tliet abbozzi ta’ liġi li jżidu l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Fakkar kif il-gvern laqa’ 87% tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ esperti. Fil-laqgħa ntqal kif b’dawn l-abbozzi, Malta qed tkun pijuniera fl-Unjoni Ewropea billi qed tintroduċi l-anti-SLAPP fil-liġi Maltija apparti pieni iżjed ħorox għal reati fuq il-ġurnalisti.

Fil-laqgħa ġie rimarkat ukoll li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għal konsultazzjoni ulterjuri. Dan fi spirtu ta’ aktar koperazzjoni u għalhekk l-abbozzi ta’ liġijiet fil-fatt baqgħu fl-istadju tal-ewwel qari. Fil-laqgħa mal-OSCE, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern jibqa’ impenjat li jagħmel ir-riformi għaliex jemmen tassew li l-libertà tal-espressjoni u l-irwol tal-midja huma sisien importanti f’soċjetà demokratika.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq ukoll li jirrikonoxxi u jilqa’ bis-saħħa l-ħidma tal-Uffiċċju tal-OSCE dwar il-libertà tal-midja, b’Teresa Ribeiro tirringrazzja lill-Prim Ministru u l-Gvern Malti tad-djalogu miftuħ mal-Organizzazzjoni li tirrappreżenta u nnutat ukoll il-ħidma li saret u li qed tkompli ssir favur it-tisħiħ fil-libertà u l-funzjoni importanti li taqdi l-midja. Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-OSCE Natasha Meli Daudey u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.​