Month: November 2022

PR221532

Il-Gvern jieħu nota tas-sentenza mogħtija iktar kmieni llum dwar il-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) dwar l-art tal-Miżieb u tal-Aħrax.

Ir-riservi tal-Miżieb u tal-Aħrax ilhom jiġu amministrati mill-FKNK sa mis-snin tmenin u l-ftehim, li meta sar kien ippubblikat b’mod sħiħ, kellu l-għan li jirregola dak li kien ilu jsir.

Il-Gvern qed jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti.

PR221523

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li rridu nimplimentaw miżuri li jindirizzaw tassew it-tibdil fil-klima billi ndaħħlu politika fiskali li tinċentiva l-investiment fl-ekonomija diġitali u tinbena politika b’saħħitha favur l-użu ta’ enerġija alternattiva.​​​

Dr Abela saħaq dan meta kien qed jindirizza l-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu.

Fl-indirizz li għamel fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, li għaliha attendew mexxejja minn madwar id-dinja kollha, il-Prim Ministru ta’ Malta ħabbar ukoll li bħas-sena l-oħra fi Glasgow, Malta qed timpenja ruħha li tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali Dwar il-Klima.

Dr Abela saħaq ukoll li pajjiżna qed jimplimenta strateġija favur id-dekarbonizzazzjoni li biha jkollna ekonomija newtrali fl-2050.

Qal li din is-sena l-Gvern Malti ffoka fuq djalogu mas-settur privat dwar qalba ambjentali.

Il-prim ministru spjega kif il-preżenza ta’ Malta fil-COP tafferma l-impenn ta’ pajjiżna li jonora l-Ftehim ta’ Pariġi biex iż-żieda tat-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs filwaqt li Malta hija impenjata wkoll li tagħmel il-parti tagħha fil-programm ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea fil-pakkett magħruf bħala Fit for 55, li jnaqqas l-emmissjonijiet biex jiġi indirizzat it-tisħin globali.

Dr Robert Abela qal li lil hinn minn dikjarazzjonijiet ta’ rieda tajba favur l-ambjent, irridu ngħaddu għall-azzjonijiet li bihom tassew inħarsu l-ambjent ta’ madwarna.​

Spjega kif biex nagħmlu dan irid ikollna l-impenn iżda fuq kollox l-ambizzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif apparti li dan il-fenomenu qed jolqot lid-dinja kollha, pajjiżi żgħar għandhom l-aspetti partikolari tagħhom tal-impatt mit-tibdil fil-klima.

Saħaq li dan huwa l-każ anki jekk huma l-inqas pajjiżi li kkontribwixxew għall-emmissjonijiet fl-arja.

Hawn semma kif irridu nilqgħu b’mod ugwali iżda b’mod differenti u partikolari għall-impatti tal-pajjiżi u kien hawn li semma kif Malta tista’ sservi ta’ post li fiha tiġi xprunata teknoloġija ġdida li tkun konformi mal-ekonomija l-ħadra.

Il-prim ministru qal li pajjiżna qed jagħti l-għajnuna lil gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw billi jagħti l-esperjenza tiegħu dwar prattiċi sostenibbli fosthom dwar l-immaniġjar tal-ilma.

Spjega wkoll li pajjiżna se jagħti boroż ta’ studju għal studenti minn dawn il-gżejjer biex jistudjaw dwar temi marbuta mat-tibdil fil-klima fl-Università ta’ Malta.

Irrimarka li Malta qed tappoġġja pajjiżi oħra biex ukoll jilħqu l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħhom filwaqt li riċentament bagħtet assistenza medika lill-Pakistan, pajjiż li riċentament intlaqat minn għargħar qawwi.

Il-prim ministru qal li l-għoli fil-livell tal-baħar riżultat tat-tibdil fil-klima m’għandux jaffettwa drittijiet li gżejjer u pajjiżi bil-kosta għandhom bħala parti mill-ġurisdizzjoni marittima.

Il-prim ministru qal ukoll li l-qalba favur l-ambjent għandha benefiċċji komuni fosthom arja aktar nadifa u provvista tal-ikel għal kulħadd.

Temm jgħid li din il-qalba għandha ssir għan-nies u l-futur tagħna lkoll.

Aktar qabel il-prim ministru indirizza laqgħa ta’ livell għoli tal-COP27 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ilma fejn spjega fuq prattiċi mħaddma f’Malta favur il-produzzjoni sostenibbli tal-ilma.

PR221519

Fil-marġini tal-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Patricia Scotland.

Fil-laqgħa ġie diskuss il-fatt li Malta ntalbet mill-Commonwealth biex isservi fil-Grupp Ta’ Azzjoni fuq livell ministerjali fi ħdan il-Commonwealth.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna huwa onorat li se jservi b’mod attiv f’dan il-Grupp li għandu jimbotta ‘l quddiem prinċipji demokratiċi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ fis-saltna tad-dritt.

Iż-żewġ naħat tkellmu fuq il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, bil-Prim Ministru Malti jirrimarka fuq l-irwol u l-kontribut li qed tagħti u kommessa li tkompli tagħti Malta biex tappoġġja gżejjer li għadhom qed jiżviluppaw, biex jilqgħu għat-tibdil fil-klima.

Dr Abela qal li Malta se tkompli taqsam prattiċi sostenibbli ma’ dawn il-gżejjer u saħaq li l-Commonwealth hija pjattaforma importanti li fiha pajjiżi żgħar jistgħu jikkumbattu l-bidla fil-klima.

Hawn irrimarka kif pajjiżi żgħar għandhom l-impatti partikolari tagħhom mit-tibdil fil-klima u għalhekk jeħtieġu wkoll soluzzjonijiet speċifiċi.

Fil-laqgħa saret ukoll referenza għat-telfa tal-Maestà tagħha r-Reġina Eliżabetta II u r-rabtiet li kellha ma’ Malta, bl-aħħar żjara tagħha kienet fl-2015.

PR221506

Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja tal-Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici.

Karmenu Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu bi djalogu favur l-interessi tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-telfa ta’ Karmenu Mifsud Bonnici hija telfa ta’ ġentlom li tul ħajtu ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem, bis-sehem tiegħu fil-politika, fit-trade unions u l-professjoni tiegħu.

Filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja u l-qraba tal-eks Prim Ministru, huwa spjega kif dejjem ammira lil Dr Mifsud Bonnici għas-sens ta’ servizz li ried jagħti lejn iż-żgħir.

Dr Abela qal li daqskemm Karmenu Mifsud Bonnici ħabb lill-ħaddiem, ħabb ukoll lil pajjiżu u għalhekk jibqa’ ta’ eżempju għal ħafna.​

PR221508

B’sinjal lejn il-ħidma li wettaq tul is-snin fosthom bħala Prim Ministru ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela offra li jkun organizzat funeral statali lil Karmenu Mifsud Bonnici.

Filwaqt li l-familja ta’ Dr. Mifsud Bonnici apprezzat dan il-ġest, il-familja infurmat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li Dr Mifsud Bonnici kien esprima x-xewqa permezz ta’ ittra dikjaratorja li ma jsirlux dan it-tip ta’ funeral wara mewtu.

Il-Prim Ministru Robert Abela jirrispetta din ix-xewqa.

Il-Gvern se jibqa’ jikkomunika mal-familja Mifsud Bonnici u jgħin fl-organizzazzjoni ta’ funeral skont ix-xewqat tal-eks Prim Ministru ta’ Malta.

Il-Gvern itenni l-kondoljanzi lill-familja Mifsud Bonnici u jsellem il-memorja tal-eks Prim Ministru għall-ħidma li wettaq b’risq Malta.