STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221523

08/11/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza l-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li rridu nimplimentaw miżuri li jindirizzaw tassew it-tibdil fil-klima billi ndaħħlu politika fiskali li tinċentiva l-investiment fl-ekonomija diġitali u tinbena politika b’saħħitha favur l-użu ta’ enerġija alternattiva.​​​

Dr Abela saħaq dan meta kien qed jindirizza l-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu.

Fl-indirizz li għamel fil-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, li għaliha attendew mexxejja minn madwar id-dinja kollha, il-Prim Ministru ta’ Malta ħabbar ukoll li bħas-sena l-oħra fi Glasgow, Malta qed timpenja ruħha li tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħha għall-Fond Internazzjonali Dwar il-Klima.

Dr Abela saħaq ukoll li pajjiżna qed jimplimenta strateġija favur id-dekarbonizzazzjoni li biha jkollna ekonomija newtrali fl-2050.

Qal li din is-sena l-Gvern Malti ffoka fuq djalogu mas-settur privat dwar qalba ambjentali.

Il-prim ministru spjega kif il-preżenza ta’ Malta fil-COP tafferma l-impenn ta’ pajjiżna li jonora l-Ftehim ta’ Pariġi biex iż-żieda tat-temperatura globali ma tkunx iżjed minn grad u nofs filwaqt li Malta hija impenjata wkoll li tagħmel il-parti tagħha fil-programm ambizzjuż tal-Unjoni Ewropea fil-pakkett magħruf bħala Fit for 55, li jnaqqas l-emmissjonijiet biex jiġi indirizzat it-tisħin globali.

Dr Robert Abela qal li lil hinn minn dikjarazzjonijiet ta’ rieda tajba favur l-ambjent, irridu ngħaddu għall-azzjonijiet li bihom tassew inħarsu l-ambjent ta’ madwarna.​

Spjega kif biex nagħmlu dan irid ikollna l-impenn iżda fuq kollox l-ambizzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif apparti li dan il-fenomenu qed jolqot lid-dinja kollha, pajjiżi żgħar għandhom l-aspetti partikolari tagħhom tal-impatt mit-tibdil fil-klima.

Saħaq li dan huwa l-każ anki jekk huma l-inqas pajjiżi li kkontribwixxew għall-emmissjonijiet fl-arja.

Hawn semma kif irridu nilqgħu b’mod ugwali iżda b’mod differenti u partikolari għall-impatti tal-pajjiżi u kien hawn li semma kif Malta tista’ sservi ta’ post li fiha tiġi xprunata teknoloġija ġdida li tkun konformi mal-ekonomija l-ħadra.

Il-prim ministru qal li pajjiżna qed jagħti l-għajnuna lil gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw billi jagħti l-esperjenza tiegħu dwar prattiċi sostenibbli fosthom dwar l-immaniġjar tal-ilma.

Spjega wkoll li pajjiżna se jagħti boroż ta’ studju għal studenti minn dawn il-gżejjer biex jistudjaw dwar temi marbuta mat-tibdil fil-klima fl-Università ta’ Malta.

Irrimarka li Malta qed tappoġġja pajjiżi oħra biex ukoll jilħqu l-għan tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħhom filwaqt li riċentament bagħtet assistenza medika lill-Pakistan, pajjiż li riċentament intlaqat minn għargħar qawwi.

Il-prim ministru qal li l-għoli fil-livell tal-baħar riżultat tat-tibdil fil-klima m’għandux jaffettwa drittijiet li gżejjer u pajjiżi bil-kosta għandhom bħala parti mill-ġurisdizzjoni marittima.

Il-prim ministru qal ukoll li l-qalba favur l-ambjent għandha benefiċċji komuni fosthom arja aktar nadifa u provvista tal-ikel għal kulħadd.

Temm jgħid li din il-qalba għandha ssir għan-nies u l-futur tagħna lkoll.

Aktar qabel il-prim ministru indirizza laqgħa ta’ livell għoli tal-COP27 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-ilma fejn spjega fuq prattiċi mħaddma f’Malta favur il-produzzjoni sostenibbli tal-ilma.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content