Month: October 2025

PR251832

F’Boiler Wharf fl-Isla, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-MSC Explora II, li għażel lill-pajjiżna biex jagħmel testijiet għall-użu tal-enerġija minn fuq l-art, ix-shore-to-ship. Għal darb’oħra, il-kumpanija MSC għażlet lil Malta biex twettaq dawn it-testijiet fi żmien li qed jittellgħu l-Kungress GreenPort u l-konferenza ‘Decarbonising the Future’ li qed iġibu flimkien nies mis-settur marittimu li qed iħarsu lejn prattiċi sostenibbli favur l-ambjent.

Dan il-vapur tqabbad mal-elettriku għall-ewwel darba, xhieda tal-fiduċja li s-sistema f’pajjiżna tgawdi fost wieħed mill-ikbar operaturi f’dan is-settur. Sa mill-bidu tat-tħaddim tal-proġett tax-shore-to-ship f’pajjiżna, il-bastimenti tal-MSC Cruises qattgħu aktar minn 300 siegħa konnessi mal-grid elettriku nazzjonali waqt iż-żjarat tagħhom fil-Port il-Kbir.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-proġett tax-shore-to-ship li issa l-pajjiż ilu fuq sena li beda jużah anki għall-benefiċċju ta’ madwar 17,000 resident li jgħixu madwar il-Port il-Kbir, hekk kif il-proġett se jfisser tnaqqis drastiku ta’ 90% tat-tniġġis iġġenerat minn vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir sas-sena 2030. Fil-fatt f’sena kellna x-shore-to-ship fil-Port il-Kbir użat mat-80 darba fejn intużaw mat-3.7 miljun kilowatt ta’ elettriku. Rata b’saħħitha meta mqabbla ma’ portijiet ewlenin oħra fl-Ewropa u meta tikkunsidra fatturi bħal bosta vapuri għadhom qed jagħmlu l-modifiki meħtieġa biex ikunu jistgħu jużaw is-sistema tax-shore-to-ship.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll li pajjiżna qed jaħdem fuq aktar konnessjonijiet tax-shore-to-ship, inkluż f’żoni oħra tal-Port il-Kbir u b’investiment fil-Port Ħieles ġewwa Birżebbuġa. Żied jgħid, “Qed nuru kif Malta tista’ tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku mal-progress ambjentali. Is-sistema tal-provvista tal-elettriku fil-Port il-Kbir hija investiment f’arja aktar nadifa flimkien mat-turiżmu sostenibbli. Settur li fih irridu nkomplu wkoll nattiraw il-kwalità.” Qal li bil-pass ta’ MSC qed inkomplu nkunu ta’ eżempju għar-reġjun tal-Mediterran.

Pierfrancesco Vago, Chairman Eżekuttiv tal-Cruise Division tal-MSC Group qal, “Dawn il-passi juru kif it-teknoloġija u l-investiment jistgħu jwasslu għal benefiċċji ambjentali immedjati. Malta kienet l-ewwel port fil-Mediterran li lestiet is-sistema tax-shore-to-ship, b’infrastruttura sostenibbli li tista’ tappoġġja kemm l-għanijiet ambjentali kif ukoll it-turiżmu. Għandna storja b’saħħitha ta’ kollaborazzjoni mal-Gvern Malti, nirringrazzjawh għall-appoġġ kontinwu tiegħu.”

PR251826

Waqt id-diskors tiegħu fil-Konferenza Internazzjonali tal-Ombudsman, li mmarkat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta, bit-tema ‘Insostnu l-Governanza tajba fi żminijiet ta’ sfida’, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-istituzzjonijiet Maltin illum huma aktar b’saħħithom u indipendenti minn qatt qabel.

“Setgħat li qabel kienu f’idejn il-Gvern jew il-Prim Ministru llum imxew f’idejn il-Parlament u l-President, filwaqt li saħħew il-bilanċ tal-ordni Kostituzzjonali tagħna. Il-proċessi ta’ skrutinju u konsultazzjoni li daħħalna fil-ħatriet kostituzzjonali, fit-tfassil tal-liġijiet, u fit-tmexxija tal-karigi pubblika, huma xhieda ċara ta’ demokrazija li kibret aktar b’saħħitha,” irrimarka Dr Abela.

Il-Prim Ministru rrefera għal numru ta’ miżuri konkreti li ħa l-Gvern biex isaħħaħ il-pedamenti ta’ governanza tajba. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ aktar trasparenza fil-ħatriet pubbliċi; it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura permezz ta’ sistema ta’ ħatriet u promozzjonijiet ibbażati fuq il-mertu, salvagwardati minn prinċipji kostituzzjonali, riforma li wasslet għal żieda ta’ aktar minn 40% fid-daqs tal-ġudikatura fuq tliet snin; u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda li jsaħħu l-obbligu ta’ rendikont pubbliku, inkluża leġiżlazzjoni dwar l-integrità fil-ħajja pubblika, li tiżgura li kull servizz mogħti mill-Istat ikollu l-għeruq tiegħu fl-etika.

“Dawn ir-riformi ma sarux biex jissodisfaw xi istituzzjoni jew entità partikolari, iżda biex isaħħu r-rabta ta’ fiduċja bejn il-poplu u l-Istat,” afferma l-Prim Ministru Abela. Huwa żied jgħid li r-riformi li twettqu fl-aħħar snin ġew rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li bħalissa Malta tippresjedi.

Dr Abela afferma li l-Gvern għażel li jaddotta triq definita mill-kontinwità istituzzjonali, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, u l-konvinzjoni li t-trasparenza hija l-aktar forma b’saħħitha ta’ tmexxija. “L-impenn tiegħi huwa ċar: li nkompli nagħti tifsira vera lill-governanza tajba. Governanza li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, li tipprovdi stabbiltà, u li tpoġġi liċ-ċittadin u l-ġustizzja fiċ-ċentru tagħha. Hekk nibnu futur ta’ demokrazija matura u tmexxija bl-għeruq fis-servizz,” stqarr il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern iħares lejn ir-riforma mhux bħala piż fuq l-Istat, iżda bħala mezz biex jassigura li l-governanza tibqa’ trasparenti, effettiva, u qrib in-nies li taqdi.

PR251819

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, inawgura l-proġett tar-rinnovazzjoni tal-Iskola Primarja Adrian Borg f’Birkirkara. Din l-iskola ġiet kompletament rinnovata minn binja antika għal binja moderna u sostenibbli, f’ambjent isbaħ li jilqa’ lit-tfal u l-edukaturi.

B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun, bħala parti mill-EDU Infrastructure Programme, sar xogħol estensiv ta’ rinnovar u modernizzar tal-ambjent tal-iskola sabiex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom spazji aktar sbieħ, siguri, aċċessibbli u mgħammra bl-aħħar teknoloġija. Il-faċilitajiet jinkludu klassijiet ġodda, sala multi-funzjonali, żoni rikreattivi u sportivi. Apparti x-xogħlijiet ta’ tisbiħ, din ir-rinnovazzjoni inkludiet l-introduzzjoni ta’ sistemi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u lift ġdid biex jiġi assigurat aċċess għal kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar diversi klassijiet u ltaqa’ mat-tfal waqt il-lezzjonijiet u attivitajiet sportivi li kienu qed isiru fl-okkażjoni tal-Jum tal-Isport fl-iskejjel organizzat minn SportMalta. Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru spjega kif din l-iskola ma tirrappreżentax biss binja moderna, iżda tixhed il-valuri tagħna bħala pajjiż li nemmnu f’edukazzjoni ta’ kwalità u futur ibbażat fuq ħolqien ta’ opportunitajiet għal kull tifel u tifla. “Dan l-investiment huwa pass ieħor fejn jiġi milħuq l-għan ta’ dan il-gvern fl-edukazzjoni, dak li jkollna aktar skejjel moderni u li jpoġġu l-bżonnijiet tal-istudenti fiċ-ċentru”, qal il-Prim Ministru jisħaq favur l-aqwa għal uliedna.

Dr Abela żied jgħid li l-investiment li qed iwettaq il-Gvern fl-edukazzjoni mhuwiex biss fl-infrastruttura iżda fl-edukaturi bl-aqwa pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u anki fl-istudenti li qed ikollhom aktar għodda diġitali biex jużawha fil-vjaġġ edukattiv tagħhom. Hawn innota kif bdew jitqassmu l-laptops b’xejn għal 14,000 student mis-7 sad-9 sena fl-iskejjel sekondarji kollha madwar il-pajjiż. Irrimarka wkoll li fl-iskejjel primarja baqa’ jingħata t-tablet lill-istudenti mir-raba’ sena.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern biex jipprovdi ambjenti ta’ tagħlim modern u sigur li jpoġġu t-tfal fiċ-ċentru tal-edukazzjoni. “Kull investiment bħal dan ifisser futur aħjar għall-istudenti u appoġġ akbar għall-edukaturi tagħna”, qal il-Ministru Grima.

Din l-iskola ġiet imsemmija għall-memorja ta’ Adrian Borg, student li tilef ħajtu f’inċident traġiku fi skola, fl-2003. Din l-iskola issa toffri ambjent edukattiv li jwassal  messaġġ ta’ tama favur futur mibni fuq edukazzjoni b’saħħitha. Il-ġenituri ta’ Adrian Borg kienu preżenti għal din l-inawgurazzjoni.

PR251807

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali, Ċensu Moran, l-ewwel sptar sekondarju fil-gżejjer Maltin, li sar b’investiment ta’ madwar €50 miljun. Dan iċ-ċentru jkompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa pubblika f’pajjiżna, filwaqt li jpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru tal-viżjoni tal-Gvern għal sistema tas-saħħa moderna u aċċessibbli għal kulħadd fil-qalba tal-komunità.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran jinkludi sitt sulari mediċi u tliet sulari tekniċi. Il-faċilità diġà ilha numru ta’ ġimgħat topera, fejn qed jiġu offruti ’l fuq minn 50 servizz mediku differenti lil eluf ta’ pazjenti, inklużi dawk tal-‘out-patients’ bħall-podjatrija, fiżjoterapija, klinika tal-mediċina respiratorja u servizzi tal-immunoloġija. Fiż-żmien li ġej se jitilgħu għal 150 is-servizzi offruti minn dan iċ-Ċentru. Il-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru tas-saħħa reġjonali issa qed jinqdew f’ambjent modern u komdu, mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell. “Din mhux biss binja ġdida, imma dikjarazzjoni ta’ viżjoni nazzjonali, dik ta’ pajjiż li jrid jagħti lil kulħadd aċċess għal kura moderna, dinjituża u effettiva,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa rrimarka kif Malta bħalissa tinsab fost il-pajjiżi bl-ogħla livell ta’ fiduċja fis-servizzi pubbliċi tas-saħħa. Minkejja dan, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern impenjat li jibqa’ jinvesti fis-settur tas-saħħa biex din il-fiduċja tkompli tiżdied. “Meta ninvestu fis-saħħa, qegħdin ninvestu fil-futur ta’ Malta,” żied jgħid Dr Robert Abela fuq dan iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali msemmi għal eks Ministru tas-Saħħa li ta kontribut qawwi fis-settur tas-saħħa f’pajjiżna.

Dan l-isptar jifforma parti minn viżjoni usa’ għall-modernizzazzjoni tal-qasam tas-saħħa f’pajjiżna, flimkien mal-investimenti li qed isiru fiċ-ċentri tal-kura primarja, is-servizzi tas-saħħa mentali, u s-sistemi diġitali mediċi. “Il-ħsieb tagħna hu wieħed: li nibnu sistema tas-saħħa dejjem aktar b’saħħitha, reżiljenti, inklussiva u aċċessibbli. Sistema ta’ kwalità, imma fuq kollox sistema li żżomm il-bniedem fiċ-ċentru tagħha,” temm jgħid il-Prim Ministru Abela.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela rringrazzja lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u lill-kuntratturi varji li ħadmu bla heda sabiex jitwassal il-proġett bit-tagħmir u ċ-ċertifikazzjonijiet neċessarji. Huwa saħaq li ċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran huwa proġett ħaj bħas-servizzi li joffri. “Dan iċ-Ċentru huwa uniku għax joffri kollaborazzjoni ta’ servizzi tas-saħħa fil-kura primarja, sekondarja u terzjarja.” Il-Ministru tkellem dwar is-servizzi tas-saħħa tal-ġurnata (out-patients u day cases), li qegħdin jiġu introdotti b’ritmu mgħaġġel taħt id-direzzjoni tal-Kura Sekondarja.

Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq ukoll li ċ-ċentru reġjonali huwa kruċjali sabiex l-Isptar Mater Dei jkompli jiffjorixxi bħala sptar ta’ in-patients. “Jiena ċert li dan huwa biss il-bidu ta’ żvilupp sabiħ għall-ġid taċ-ċittadini ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

PR251801

Fit-tnedija tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din l-Awtorità bħala pass ieħor lejn Malta aktar b’saħħitha u sostenibbli, li se ssaħħaħ il-governanza u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna.

Stabbilita permezz tal-Att tal-2025 dwar l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, l-Awtorità għandha l-għan li tassigura li kull ikel prodott, ipproċessat jew importat f’Malta jkun sigur, ta’ kwalità, u traċċabbli tul il-katina kollha tal-ikel, mill-bdiewa u s-sajjieda sal-manifatturi, tar-ristoranti u l-konsumaturi.

L-Awtorità se tissorvelja l-konformità mal-liġijiet u l-istandards Ewropej u internazzjonali, filwaqt li tkompli tħares is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel f’pajjiżna. Għalhekk il-ħolqien ta’ din l-Awtorità huwa investiment fit-tul fis-saħħa pubblika, fil-kompetittività ekonomika u fil-fiduċja taċ-ċittadin.

Il-Prim Ministru tenna li l-ħidma tal-Awtorità hija konformi mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn futur b’sistema agrikola sostenibbli, innovattiva, li ssaħħaħ il-prodott lokali u tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel għal ġenerazzjonijiet futuri.

Dr Abela saħaq li l-Gvern qed jinvesti biex isaħħaħ l-infrastruttura pubblika relatata mal-ikel, permezz ta’ diversi inizjattivi inkluż il-modernizzazzjoni tal-Biċċerija Pubblika, sistemi moderni ta’ traċċabbiltà “mill-għalqa sal-mejda” għall-frott u l-ħxejjex mibjugħa mill-Pitkalija, kif ukoll permezz tal-bini ta’ suq agrikolu ġdid u tal-Food Innovation Hub b’investiment ta’ madwar €20 miljun.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-inizjattivi oħra bħall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, il-protezzjoni tal-art agrikola u l-promozzjoni tal-konsum ta’ ħut lokali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna s-sodisfazzjon tiegħu għat-tnedija tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel, u qal li dan huwa mument importanti għall-pajjiż, fejn għall-ewwel darba qed tinħoloq struttura nazzjonali waħda li tgħaqqad taħt saqaf wieħed il-funzjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-ikel f’Malta u Għawdex.

“Din l-Awtorità hija frott ta’ viżjoni ċara u ta’ ħidma konġunta biex inwasslu sistema tal-ikel aktar koordinata, trasparenti u xjentifikament infurmata. B’dan il-pass, qed inpoġġu lill-konsumatur fiċ-ċentru tas-sistema, filwaqt li nsaħħu l-fiduċja bejn il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda, in-negozjanti u l-familji Maltin u Għawdxin,” qal il-Ministru Refalo.

Hu żied jgħid li t-tnedija ta’ din l-Awtorità tikkonferma l-impenn tal-Gvern lejn ikel sigur, sostenibbli u ta’ kwalità, filwaqt li tħejji lill-pajjiż biex jaffaċċja sfidi globali bħall-bidla fil-klima u l-kriżijiet fil-provvista tal-ikel. “Meta nħarsu l-ikel, aħna qegħdin inħarsu s-saħħa pubblika, il-familji tagħna u l-futur ta’ pajjiżna. Għax fl-aħħar mill-aħħar, dak li nieklu jiddetermina min aħna bħala poplu,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel, Christophe Hansen qali li ż-żjara tiegħu f’Malta ppermettitlu jisma’ direttament lill-bdiewa u jifhem l-bżonnijiet tas-settur agrikolu f’kuntest ta’ gżira unika. “Madwar l-Unjoni Ewropea, smajt it-tħassib u t-tamiet tal-bdiewa, u Malta mhix eċċezzjoni. Minkejja d-differenzi tagħna madwar l-Ewropa, il-prijoritajiet għall-agrikoltura hawnhekk huma daqstant simili, mill-iżgurar tas-sigurezza tal-ikel sal-prospetti reali li rridu noffru għall-bdiewa żgħażagħ. Iż-żjara tiegħi tal-lum f’razzett tal-ħalib tipiku Malti mmexxi minn bidwi żagħżugħ, ftakart fl-impenn ċar tagħna li nżommu s-settur agroalimentari tagħna produttiv, reżiljenti, u appoġġjat minn politika Ewropea li tirrifletti r-realtajiet lokali,” sostna l-Kummissarju Hansen. Huwa żied jgħid li jinsab ħerqan biex jaħdem mal-awtoritajiet Maltin, fosthom anke l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel li għadha kemm twaqqfet biex dik il-viżjoni tkun realtà.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel, Dr Nikolaus Kriz feraħ lill-Gvern u lill-poplu Malti għat-twaqqif tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel. “It-tnedija ta’ din l-Awtorità mhix biss tragward importanti għal Malta, iżda ukoll aħbar pożittiva anke għas-sistema tas-sigura tal-ikel fl-Ewropa. Meta naħdmu id f’id ikunu f’pożizzjoni aħjar li nipproteġu liċ-ċittadini, l-annimali, kif ukoll lill-ambjent ta’ madwarna,” tenna Dr Kriz.

Qabel it-tnedija tal-Awtorità, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Christophe Hansen fejn semma l-ħtieġa li l-Politika Agrikola Komuni trid tindirizza wkoll il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tas-settur agrikolu Malti biex nassiguraw li l-qasam jibqa’ jirċievi l-appoġġ meħtieġ b’mod sostenibbli għall-ġid tal-bdiewa u r-raħħala.