Il-Budget 2026 se jkompli jsaħħaħ il-qagħda tal-ħaddiem – il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa mal-UĦM

PR251732

06/10/2025

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026 mar-rappreżentanti tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) – Voice of the Workers fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fil-Budget li jmiss se nkomplu nsaħħu l-qagħda tal-ħaddiema. Spjega kif b’ekonomija b’saħħitha u li tippermetti, kapaċi nkomplu nimbuttaw favur it-titjib fil-qagħda tal-ħaddiem.

“Ħaddiem b’saħħtu jfisser pajjiż b’saħħtu”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota miżuri li se jkomplu jkunu sostnuti mill-Gvern fosthom bit-tax-cut li l-ħaddiema bdew igawdu minn din is-sena. Illum, kull min jaħdem għandu minn tal-inqas l-ewwel €1,000 li jaqla’ mingħajr ma jħallas taxxa fuqhom.

Il-Prim Ministru nnota wkoll ir-relazzjonijiet industrijali tajbin li għandu l-Gvern anki mal-UĦM u nnota kif bis-saħħa tal-interess komuni favur il-ħaddiema, ġew iffirmati numru ta’ ftehimiet kollettivi li komplew itejbu l-qagħda tal-ħaddiem u taw l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Prim Ministru semma wkoll il-Labour Migration Policy, li fissirha bħala politika bilanċjata favur anki l-interess tal-ħaddiem. Qal li l-Gvern introduċa din il-politika fil-mument li kien meħtieġ.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Michael Falzon, Silvio Schembri, Byron Camilleri, Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Aguis Galea, id-Deputati Deo Debattista u Katya De Giovanni kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Mark Mallia.

FacebookTwitter