PR251878
22/10/2025
Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza konferenza tal-EY li tixhed il-fiduċja b’saħħitha f’Malta
Fil-ftuħ tal-konferenza ‘Malta Future Realised 2025’ organizzata minn EY, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li issa li pajjiżna stabbilixxa ekonomija b’saħħitha, il-Gvern għandu tliet miri importanti għat-tkattir tas-suċċess ibbażati fuq il-Viżjoni Malta 2050.
Fil-konferenza li fiha ġie rrimarkat li r-rata ta’ attrazzjoni mill-investituri f’pajjiżna telgħet ’il fuq għal 79%, l-ogħla rata fi kważi għaxar snin, il-Prim Ministru qal li rridu li pajjiżna jkun fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fl-iżvilupp uman, li d-dħul disponibbli għall-familji jaqbeż bi 15% il-medja Ewropea u li s-sodisfazzjon tal-ħajja tal-Maltin tkun fost l-aqwa fl-Ewropa. Dawn huma miri li wkoll joħorġu mill-Viżjoni Malta 2050.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela nnota li filwaqt li ħafna mill-akbar ekonomiji fid-dinja, spiss meqjusa bħala ġganti ekonomiċi globali, esperjenzaw tnaqqis, l-istorja ekonomika ta’ Malta kienet waħda ferm differenti u ħafna aktar pożittiva. “L-aġenziji tar-rating, waħda wara l-oħra, reġgħu affermaw il-fiduċja tagħhom f’Malta u żammew ratings pożittivi għal pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru Abela. Huwa żied jgħid li l-EY Attractiveness Survey għal Malta jikkonferma din il-fiduċja u juri li pajjiżna kompla jkun pajjiż attraenti għal-investituri.
Il-Prim Ministru wera sodisfazzjon li kważi żewġ terzi ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ sostnew li qed jippjanaw li jibqgħu f’Malta fl-għaxar snin li ġejjin, filwaqt li disgħa minn kull għaxar kumpaniji qed jippjanaw li jespandu jew isostnu l-investiment tagħhom f’pajjiżna. Dr Abela afferma li l-ekonomija ta’ Malta issa hija terz ikbar milli kienet qabel il-pandemija, filwaqt li n-numru ta’ persuni li qed ifittxu impjieg naqas b’terz.
“Bl-adozzjoni ta’ politiki ekonomiċi progressivi, illum ninsabu f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha minn pajjiżi li għażlu li jħaddnu awsterità fuq medda qasira ta’ żmien,” qal il-Prim Ministru. Huwa saħaq li l-appoġġ tal-Gvern għall-familji u n-negozji ta’ ħarsien lill-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.
Dr Abela esprima sodisfazzjon li bit-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kmieni s-sena d-dieħla, il-pajjiż se jkollu strateġija komprensiva mibnija mill-poplu u għall-poplu, viżjoni li tintrefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu politiku u tistabbilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.




